Velja tat’ Talb maż-Żgħażagħ fi Franza. Djalogu mal-Papa u Meditazzjoni.

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FI FRANZA

U ŻJARA LIS-SEDE TAL-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠNUS MAGĦQUDA

GĦALL-EDUKAZZJONI, IX-XJENZA U L-KULTURA (UNESCO)
25-28 TA’ SETTEMBRU 2026

VELJA TA’ TALB MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV

“Stade de France” ta’ Saint-Denis

Il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru 2026

Djalogu mal-Papa

Mistoqsija ta’ Chloé

Santità, grazzi tal-preżenza tiegħek fostna llejla u ta’ dan il-mument ta’ djalogu li qed toffrilna.

Jisimni Chloé, għandi 25 sena u qed inlesti l-istudji tiegħi fil-Farmakoloġija. Impenjata fi grupp ta’ żgħażagħ Kattoliċi mill-inħawi popolari tal-Île-de-France: La Cité Céleste. Norganizzaw b’mod partikulari avvenimenti okkażjonali bħal iljieli ta’ adorazzjoni u ta’ tifħir, li jiġbru għadd ta’ żgħażagħ mill-inħawi li jixtiequ jgħixu u jaqsmu b’mod miftuħ il-fidi tagħhom. Impenjata wkoll fil-parroċċa tiegħi, b’mod partikulari maż-żgħażagħ tal-iskejjel superjuri. Permezz ta’ dawn id-diversi impenji, nieħu pjaċir inqiegħed l-enerġija tiegħi u l-kompetenzi tiegħi għas-servizz tal-oħrajn, u noħloq rabta bejn il-fidi, iż-żgħażagħ u r-realtajiet li ngħixu ta’ kuljum hemm fejn noqogħdu.

Kif jgħid San Pawl, “għalina, il-ħajja hija Kristu”. Madankollu, is-soċjetà li fiha ngħixu hi msejsa fuq prinċipji oħra u xi drabi tidher saħansitra barranija għall-kwistjoni ta’ Alla. Nixtiequ nħabbru lil Kristu lil min għandna madwarna bil-qawwa u l-perserveranza, imma anki, naturalment, b’rispett u delikatezza fil-konfront ta’ dawk li magħhom niltaqgħu. Kif nistgħu nżewġu flimkien il-qawwa tal-ħeġġa missjunarja tagħna mal-awtentiċità ta’ ħajja fraterna ma’ dawk li ma għandhomx l-istess fidi tagħna?

Għeżież ħbieb, l-ewwel ħaġa li nixtieq ngħidilkom hi sempliċi ħafna: grazzi! Grazzi lil Alla, grazzi lilkom! Grazzi tal-kuraġġ tagħkom, grazzi tal-preżenza tagħkom, grazzi tal-fidi tagħkom. Intom il-qaddisin ta’ Franza!

U grazzi, Chloé, tal-mistoqsija tiegħek. Il-frażi ta’ San Pawl li kkwotajt, mhix xi stqarrija sempliċi. Hi ġabra vera u proprja tal-ħajja tiegħu. Fi ftit kliem deċiżiv hu jlissen talba ta’ tifħir, att ta’ fidi u jindika mixja ta’ qdusija sal-martirju. “Għalija l-ħajja hi Kristu” (ara Fil 1:21): waqt li ntennu din id-dikjarazzjoni ta’ mħabba, infittxu kif naqsmu fl-esperjenza tal-Appostlu. Fil-fatt, hu jagħtina xhieda li Alla qatt ma kien barrani għall-ħajja tiegħu, anzi jiltaqa’ miegħu: isejjaħlu għalih, jibdlu minn ġewwa, jibagħtu fid-dinja.

F’din id-dinamika spiritwali aħna lkoll involuti, anki llum: huwa minnu, kif għidt inti, li s-soċjetà li fiha ngħixu tidher indifferenti għal Alla. Imma l-Mulej mhuwiex indifferenti lejna! Dan hu li jgħodd u jimliena dejjem bit-tama. Fil-fatt, li ħafna huma barranin għall-kwistjoni ta’ Alla hi problema; imma hi problema wkoll li ħafna huma barranin għall-kwistjoni tal-bniedem. Kemm persuni, b’xorti ħażina, ma jinteressahomx mill-proxxmu, jgħixu b’mod egoistiku, jew joffendu lill-foqra, jaħlu l-ġid fix-xejn. Kemm nies jarmu lill-innoċenti u lill-marid, u jaħsbu li dak li jkun, jiswa skont kemm jipproduċi. Qed naħseb b’mod partikulari fl-impenn tiegħek fl-inħawi popolari tal-Île-de-France ma’ “La Cité Céleste”: huwa hemm, fil-konkretezza tal-ħajja ta’ kuljum, u xi drabi tad-diffikultajiet, li l-fidi tiegħek issir xhieda ħajja ta’ tama.

Huwa l-bniedem li jitlef meta jgħid li Alla miet: jekk Alla mhuwiex miegħu, il-bniedem ma għadx għandu salvazzjoni u jitlef is-sens tal-ħajja, li tirriduċi ruħha għal sqaq jew għax-xejn. Imma jduq proprju l-kuntrarju min jgħid: “għalija l-ħajja hi Kristu”. Fil-fatt, fi Kristu aħna nafu li Alla qatt ma hu indifferenti għall-bniedem! Permezz ta’ Ġesù, imsallab u rxuxtat, hu jagħti l-istess ħajja tiegħu, biex aħna nistgħu ngħixu. Dan mela huwa l-mod kif inxandru lil Kristu li jiġbor flimkien kuraġġ u rispett: inxandruh bħala Vanġelu ta’ salvazzjoni, bħala kelma ta’ verità u ta’ ħajja. Dan il-Vanġelu hu aħbar tajba għal kulħadd, aħbar li teħles u regola ta’ ħajja ġdida.

Fil-fatt, il-Vanġelu ta’ Ġesù ma jwassalx għall-kunflitt, imma jistieden dejjem għall-maħfra: waqt li jdawwal il-mixja drammatika tal-istorja, jedukana għall-għożża tal-aħwa. Il-laqgħa ma’ Kristu tiftaħ għad-djalogu u tħejji għall-paċi, għax toffri lil kull bniedem il-wegħda l-aktar kbira, li twettaq kull xewqa: il-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem.

Għażiża Chloé, għeżież żgħażagħ, l-esperjenza reliġjuża ta’ kull persuna tesprimi dan it-tiftix għal sens li jnebbaħ lir-ruħ tal-bniedem. F’Ġesù, il-Feddej tad-dinja, Alla jħalli lil min isibu meta jkellem “lill-bnedmin bħal ħbieb” (Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 2): huwa l-għajn tal-ilma ħaj, id-dawl qalb id-dlamijiet. Fil-ferħ tal-fidi, mela, ejjew flimkien nesklamaw illejla: għalina l-ħajja hija Kristu! Flimkien: għalina l-ħajja hija Kristu!

Grazzi għalih, nistgħu ngħaqqdu l-ħeġġa missjunarja mal-esperjenza ta’ fraternità lejn dawk li ma jemmnux jew li ġejjin minn tradizzjonijiet reliġjużi oħra. Din il-fraternità, magħmula minn smigħ u minn stima reċiproka, issib għeruqha fl-għaqda tal-familja umana, li matul l-istorja esprimiet id-dimensjoni reliġjuża bħala karatteristika vitali ta’ kull poplu.

Meta nrawmu rabta ta’ aħwa ma’ dawk li ma għandhomx l-istess fidi tagħna, inkunu ngħinu fil-bini tas-soċjetà; barra minn hekk, dan jista’ jsir taħriġ ta’ fidi u ta’ karità, għax ma nistgħux nagħtu xhieda ta’ Kristu mingħajr ma nħobbu lil dawk lil lilhom irridu nħabbruhulhom. Sinjal inkuraġġanti ta’ din il-fraternità huma l-laqgħat bejn żgħażagħ fir-reġjun tal-Mediterran li seħħew f’dawn l-aħħar snin.

Il-messaġġ Nisrani allura mhuwiex xkiel għall-konvivenza fraterna, anzi, jippromovih għax jistieden liberament lil kull persuna biex tisma’ aħbar ta’ paċi u ta’ salvazzjoni. Fl-istess waqt, il-missjoni tagħna mhix f’kontradizzjoni mar-rispett lejn reliġjonijiet oħra, għax il-Knisja ma tirrifjuta xejn minn dak li hu tajjeb u qaddis fihom (ara Dikjarazzjoni Nostra ætate, 2). Grazzi!

Mistoqsija ta’ François

Santità, grazzi li ġejt biex issaħħaħna fil-fidi u fix-xewqa tagħna li nagħtu xhieda tal-Vanġelu!

Jisimni François Bigot, kbirt fil-kampanja ta’ Bourgogne u bħalissa jiena student tal-Agronomija fl-UniLaSalle. Nieħu pjaċir niddedika ħini għall-ġmiel tal-liturġija, impenjat fis-servizz tad-djoċesi tiegħi permezz tal-pellegrinaġġ bir-roti f’Nevers u fit-tħejjija ta’ pellegrinaġġ ġdid minn Bourgogne. Jiena wkoll Scout leader u impenjat fil-pastorali universitarja tal-iskola tiegħi.

Għas-servizz ta’ dawk l-aktar dgħajfa, għas-servizz tal-paċi ta’ pajjiżna u tad-dinja, għas-servizz tal-Knisja ta’ Kristu, aħna ż-żgħażagħ nixtiequ nimpenjaw ruħna! Madankollu, spiss hu diffiċli tifhem kif għandek torjenta ħajtek biex tingħata bla riservi, b’fedeltà, mingħajr ma titkisser int jew titlef il-kuraġġ minħabba f’hekk, tant kemm il-ħidma xi drabi tidher vasta. L-ansjetà u l-inċertezza spiss idgħajfu l-ħeġġa taż-żgħożija tagħna. Santità, kif nistgħu niddixxernu fejn il-Mulej jistenna minna li naqduh u noffrulu ħajjitna?

Hawn ħafna Scouts hawn? Aħ, tajjeb ħafna! Merħba!

Qabelxejn nirringrazzjakom ħafna tal-impenn tagħkom. Għalija hu ta’ ferħ kbir narakom hekk ħafna fil-għadd, b’rieda li tkunu għas-servizz tal-paċi, li tkabbarna bħala bnedmin, tibdel il-biżgħat f’tama u t-tgergir f’responsabbiltà. Illum din il-missjoni kbira hija aktar urġenti minn qatt qabel, għax tistedinna nbaħħru b’dixxerniment qalb it-trasformazzjonijiet teknoloġiċi u diġitali tal-lum, mingħajr ma nnaqqru mill-umanità tagħna. B’mod partikulari, meta niddedikaw ruħna għall-ħarsien tal-aktar ċkejkna u tal-aktar dgħajfa, nagħrfu l-istess dgħufija tagħna, li fiha lkoll ninsabu. Din id-dgħufija tal-ħajja tal-bniedem ma tbeżżagħniex, imma tgħaqqadna bħala ħlejjaq li jiskopru li huma aħwa fi Kristu. Hu l-ewwel li jingħata għalina, u s-sinjal ħaj ta’ din il-grazzja hu l-Ewkaristija, “għajn u quċċata tal-ħajja Nisranija” (Lumen gentium, 11). Minn dan is-sagrament, li jwieżen il-ħajja tagħna, aħna nieħdu l-qawwa biex ningħataw, min-naħa tagħna, għall-proxxmu, u nixbhu l-gratwità tal-Mulej Ġesù. It-tiftix tal-ġustizzja u tal-paċi jobbligana nirrikonoxxu l-kunflitti li aħna stess ngħixu u nippurifikaw il-qalb tagħna. Aħna u nimpenjaw ruħna għall-qadi ta’ Alla u tal-oħrajn, il-ġrieħi tagħna jsibu faraġ u fidwa.

Ma jeżistix falliment li minnu Alla ma jistax jerfagħna: il-ħniena tiegħu hi l-ferħ tagħna. Madankollu, intom tkellimtu dwar l-ansjetà u dwar l-inċertezza bħala xkiel għall-ħeġġa tagħkom. Huma sentimenti mxerrda ħafna, minħabba l-prekarjetà tal-proġetti fuq il-futur, tal-proviżorjetà tal-affetti u tad-dgħufija tar-relazzjonijiet. Ma’ dawn is-sentimenti jiżdiedu oħrajn, li jtaqqlu lill-ġenerazzjoni tagħkom, bħal ngħidu aħna l-għeja tal-għajnejn wara ħafna ħin quddiem skrin u l-ansjetà quddiem it-tibdil fil-klima jew is-sitwazzjoni ekonomika u internazzjonali. Iva, jeħtieġ nagħtu widen b’attenzjoni lil dawn is-sentimenti. Nistedinkom ilkoll, għeżież żgħażagħ, biex iżżommu qalbkom miftuħa quddiem it-tbatijiet ta’ sħabkom. Fl-istess waqt, l-esperjenzi tad-dgħufija, ta’ kull dgħufija, isiru għal dixxiplu ta’ Kristu okkażjoni biex jagħti xhieda. Min jimxi wara Ġesù fit-triq tal-qadi umli u b’xejn jiġi meħlus mill-biża’ u jsib mill-ġdid il-ħeġġa, iduq il-ferħ u l-paċi interjuri: sentimenti mhux li jgħaddu wara ftit jew suġġettivi, imma b’għeruqhom fiċ-ċertezza tal-fidi li tagħha nagħtu xhieda flimkien bħala Knisja.

Iva, flimkien aħna nsawru l-Knisja: dgħajfa u qaddisa, bħal ġarar tal-fuħħar li jħarsu teżor (ara 2 Kor 4:7). Huwa mill-ġdid San Pawl li jfakkarna li proprju fid-dgħufija, aħna qawwija (ara 2 Kor 12:10). Fuq kollox, fil-mumenti ta’ diffikultà Alla jwieżen il-libertà tagħna u jinkuraġġina bil-grazzja tiegħu. Huwa ried jgħix bħala bniedem, biex aħna stajna ngħixu miegħu, għal dejjem, bħala xhieda hienja tat-tama.

Għeżież ħbieb, huwa f’din il-ħbiberija ma’ Ġesù li jsir id-dixxerniment tagħna, riflessjoni li nagħmluha billi nitolbu lill-Ispirtu s-Santu. Dan huwa taħriġ kostanti biex nimxu b’mod ordnat u fiż-żgur.

Kif niddixxernu tajjeb? Qabelxejn, ftakru li l-kelma tal-Mulej hi dejjem musbieħ għal riġlejna (ara Salm 119:105). Fid-dawl tal-Vanġelu, il-formazzjoni spiritwali tgħaddi mit-talb u s-servizz, l-adorazzjoni u l-azzjoni, is-silenzju – dak is-silenzju hekk rari u hekk meħtieġ, bogħod mill-għagħa tal-midja – u t-tħabbira.

Imbagħad, ħarsu lejn l-eżempju tal-qaddisin: imqar fil-persekuzzjoni, dawn ħutna fetħu toroq ta’ paċi. Ħarsu lejn is-saċerdoti appassjonati għal Kristu, bħal San Ewġenju de Mazenod u San Ġwann Marija Vianney; ħarsu lejn il-ġmiel mistiku ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux; lejn il-Beata Pauline Jaricot, imħeġġa fil-karità u fil-missjoni; lejn il-kuraġġ ta’ ħamsin martri tal-appostolat, fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, li qdew lil ħuthom sas-sagrifiċċju ta’ ħajjithom. Kemm qaddisin bidlu l-istorja, u għaddew lil ħafna mit-tbatija għat-tama, għax bidlu qabelxejn il-qalb tagħhom infushom, billi bidluha fid-dawl tal-fidi.

Għeżież żgħażagħ, intom u tfittxu l-vokazzjoni tagħkom, ibqgħu żguri li l-Mulej ma jkellimkomx b’mod konfuż, imma jdur fuq kull wieħed u waħda minnkom u jsejħilkom b’isimkom, u jistedinkom timxu warajh għax iħobbkom. Filwaqt li tilqgħu l-Vanġelu tiegħu bi ħsieb ċar u qalb safja, intom tifhmu kif Ġesù qed isejħilkom biex taqdu. Dan dejjem hu don tal-ħajja: mimli, fidil, kollu mħabba. Biex tegħlbu l-ansjetà u l-inċertezza, ħa jkollkom il-kuraġġ li tlissnu kelma waħda, sempliċi u mill-isbaħ: grazzi. Grazzi, Ġesù, tal-imħabba tiegħek.

U dan hu għaliex issa, bla biża’ imma b’fiduċja u mimlijin ferħ, nistgħu diġà ngħidu lkoll, ilkoll flimkien, fuq il-passi tal-qaddisin: Hawn jien, Mulej!

Ilkoll flimkien: Hawn jien, Mulej!

U ndur fuq dawk fostkom – u huma ħafna llejla – li qed iħossu s-sejħa li jimxu wara Ġesù fit-triq aktar stretta tas-saċerdozju jew tal-ħajja kkonsagrata. Għeżież ħbieb, il-Knisja fi Franza għandha tant bżonn tagħkom! Qed titlob għalkom, qed tistenniekom. Għeżież ħbieb, la tibżgħux minn din is-sejħa! Kuraġġ, afdaw f’Ġesù li jrid jagħmel minnkom l-eqreb ħbieb tiegħu: hu mhux sa jiddeludikom u jkun dejjem magħkom: il-ħajja tagħkom tkun mill-aktar sabiħa u għammiela.

Biex nagħlaq, nistgħu nerġgħu naqbdu din it-talba li tana San Ġwanni Pawlu II: “Mgħallem, int li tħobb u tirrispetta lill-persuna umana, int li qsamt fit-tbatija tal-bniedem, int li ddawwal il-misteru tal-ħajja umana, għinna niskopru s-sens veru tal-ħajja tagħna u tal-vokazzjoni tagħna!” (Omelija tat-XII-il Jum Dinji taż-Żgħażagħ, Pariġi, 24 ta’ Awwissu 1997). Grazzi!

__________________________

Meditazzjoni tal-Qdusija Tiegħu l-Papa

Billejl, id-dawl iktar jidher impressjonanti. Hekk hu, għeżież żgħażagħ, dak li smajna flimkien minn kliem San Pawl. Nixtiequ nżommuh fil-għoli, bħal musbieħ li jdawwal mhux biss it-talb ta’ kull persuna, imma l-istorja kollha tal-Knisja. L-Appostlu josserva ż-żmien li jgħix fih hu u jilqa’ l-ispirazzjoni divina, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu, li jiftaħ dejjem perspettivi mdawla għall-futur. Iva, Alla hu Sid tal-istorja u, jiġri x’jiġri, iwassalha għas-salvazzjoni: fi Kristu kull ħażen għandu tmiemu, proprju għaliex it-tmiem isir bidu ta’ ħajja ġdida u eterna.

Għeżież, biex indawlu l-epoka tagħna u nibdlu l-preżent fid-dawl tal-Ispirtu, niftakru qabelxejn li aħna wkoll, bħal Timotju, aħna rġiel u nisa ta’ Alla. Din l-espressjoni – ta’ Alla – magħżula minn San Pawl, tfisser rabta, mhux pussess. Min jgħix ma’ Alla hu ħieles: ħieles minn dak kollu li jdallam il-ħajja, u jagħmilha vojta u bla sens. Żgħażagħ ta’ Franza, ġorru fil-qalb tagħkom sens kbir ta’ libertà, kelma li tidwi bil-qawwa fil-kultura tagħkom. Allura liema hi l-għajn tal-libertà vera? Ġesù jurihielna b’mod ċar meta jgħidilna li hija l-verità li teħlisna (ara Ġw 8:32); u li l-Verità hija hu stess (ara Ġw 14:6). Din hi allura l-għajn tal-libertà vera: ir-relazzjoni ħajja ma’ Ġesù.

Fil-fatt, il-kumpanija tal-Mulej tagħti għerf lill-pjanijiet tagħna u ġmiel lix-xewqat li nġorru f’qalbna. Alla jidħol bħal dawl fir-ruħ tagħna, isejħilna għal tiġdid permanenti, għal konverżjoni li tagħti sens sħiħ lill-ħajja, għax tagħmilna atturi ta’ storja li tgħaddi mill-konfużjoni għat-tiftix tal-verità, mill-indifferenza għall-impenn b’risq il-ġustizzja. San Pawl dan jgħidu bi tliet verbi, li jolqtu l-libertà tagħna: aħrab, fittex, tqabad.

L-Appostlu jikteb lil Timotju: qabelxejn, “aħrab dan kollu”, jiġifieri l-kburija, il-frugħa, il-vjolenza, ir-regħba (ara 1 Tim 6:4,10). Huma kollha sentimenti li jaħkmuna u jipposseduna. L-egoiżmu li jikkaratterizzahom jaħbi solitudni tal-biża’. Għalhekk, biex niggustaw il-qrubija ta’ Alla u l-fraternità umana hemm bżonn nirrifjutaw dik il-kilba li tikkonsma r-relazzjonijiet bla ma tagħti, li timtela bi ħwejjeġ bla ma tmantnina. Stil ta’ ħajja bħal dan jimbuttana biex ikollna kollox, u ma nkunu ħadd; biex nirċievu kwantità ta’ likes, imma nibqgħu waħidna magħna nfusna.

Meta niddeċiedu li ma nimxux ma’ dan l-istil, allura nibdew infittxu “l-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa” (v. 11). Iva, min jgħix ma’ Alla jfittex it-tajjeb: jinsab f’taħriġ kontinwu. Ix-xewqa tiegħu tfittex il-virtù, jiġifieri l-qawwa li tagħmlu tajjeb u veru. Għeżież ħbieb, id-dinamika li tikkaratterizza l-ħajja Nisranija għandha isem preċiż: tissejjaħ mixja ta’ qdusija. Hija l-mixja li l-Mulej jiftaħ quddiem kull wieħed u waħda minna, u jimxi magħna fit-triq. U kemm ulied ta’ din l-art maħbuba ta’ Franza ħallewh imexxihom f’din it-triq! Ejjew naħsbu, ngħidu aħna, fil-Beatu Marcel Callo, żagħżugħ Franċiż, Scout u ħaddiem li fid-dalma tal-kamp tal-konċentrament qatt ma waqaf ifittex it-tajjeb, u baqa’ ħieles minn ġewwa.

Ftit ftit aħna u mexjin f’din it-triq tal-qdusija, jidher ċar li mhux biżżejjed naħarbu l-ħażen: irridu nagħżlu t-tajjeb. Dan mhux xi prinċipju astratt, lanqas hi affermazzjoni ovvja: li nagħżlu t-tajjeb hi l-azzjoni proprja tal-libertà, li meta nwettquha hi stess isseħħ, tikkoreġi ruħha u timmatura. Biex tagħmlu l-għażla t-tajba, ftakru f’dan il-kriterju: it-tajjeb jagħti l-ħajja, ma jeħodha qatt; it-tajjeb jieħu ħsieb, mhux jaħtaf għalih. It-tajjeb mhux xi kunċett sabiħ, imma l-wiċċ jiddi tal-imħabba: huwa Alla nnifsu! Il-virtujiet li San Pawl jurina bħala mera tat-tjieba ta’ Alla huma dawn: il-ġustizzja mal-umanità; il-qima u l-fidi f’Alla; il-karità ma’ kulħadd; is-sabar ma’ min iġagħalna nbatu; il-ħlewwa li tagħżel lil min ifittex il-paċi b’qalb safja. Il-prinċipji ta’ ugwaljanza u fraternità li jnebbħu s-soċjetà tagħkom hawn isibu l-fundament tagħhom: iktar milli sempliċi preskrizzjonijiet legali, huma l-għażliet radikali u kuraġġużi ta’ qalb ħielsa. Li nagħmlu tagħna dawn il-kwalitajiet mhuwiex biss impenn etiku: hija l-għażla li nsiru bnedmin awtentiċi, ħielsa mill-kompromessi.

Dwar dan, l-Appostlu jagħtina t-tielet verb: nitqabdu. Fil-fatt, li naħarbu l-ħażen u nfittxu t-tajjeb jimplika li nitqabdu. Nitqabdu, iva, kif għamel San Pawl, spiss irrappreżentat b’xabla f’idejh, sinjal tal-Kelma ta’ Alla, “xabla tal-Ispirtu” (Efes 6:17). Dan il-verb jidwi bil-qawwa hawn fi Franza, l-art ta’ Santa Giovann d’Arc, żagħżugħa li għarfet titaqbad bi qlubija. Imma attenti, il-verb kif ukoll l-immaġni issa huma ċari għalina: it-taqbida li għaliha aħna msejħin hi dik tal-fidi, jiġifieri l-impenn li ngħixu skont il-Vanġelu, bħala dixxipli ta’ Ġesù, Bin Alla li jagħmel minna lkoll aħwa. Huwa f’ismu li għandna l-qawwa tal-ġusti, biex nieqfu lit-tentazzjoni; huwa f’ismu li għandna l-perseveranza tal-umli, biex niddedikaw ruħna għat-tajjeb. It-taqbida tagħna mhijiex waħda kontra l-oħrajn, ma tirrikorrix għall-armi tal-vjolenza, tad-disprezz jew tal-moħqrija. L-unika arma tagħna hi dik tal-imħabba li tingħata. B’xorti ħażina, nafu li hemm qawwiet kuntrarji għar-rabta tagħna ma’ Alla, qawwiet li jimmiraw biex jifirdu persuni u popli, u jġibuhom kontra xulxin. Dan il-ħażen mhux biss għandu wiċċ vjolenti, imma xi drabi anki dehra qarrieqa, għax iwiegħed sewwasew dak li jeħdilna, jew aħjar il-ferħ. Imma meta nħossuna mdawrin mid-dalma tiegħu, id-dawl tal-Ispirtu s-Santu jdawwalna u jfarraġna: mela llejla ejjew nagħżlu flimkien il-virtujiet li rridu nikkultivaw biex nimxu wara l-Mulej.

Ma aħniex waħidna f’din il-mixja tal-qdusija, għax qed nimxuha magħqudin ma’ ħutna kollha madwarna. Mill-bqija, dan qed tagħmlu esperjenza tiegħu llejla u matul il-laqgħat kbar bħall-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ. Barra minn hekk, għandna bħala alleati lill-qaddisin: huma ħbieb li jweżnuna fil-prova. Għeżież, meta l-għażliet tal-ħajja jitolbu kuraġġ, fittxu l-interċessjoni tagħhom u ixbhu l-eżempju tagħhom: kif kantajna fil-litanija, l-inkuraġġiment tal-qaddisin jiżgurana li qatt m’aħna waħidna fit-talb, qatt ma aħna waħidna fil-Knisja. Speċjalment f’dan iż-żmien, ejjew mela nitolbu l-għajnuna tagħhom biex inkunu bennejja tal-paċi: xewqa eterna ta’ Alla u impenn kostanti tal-umanità! Illejla semmejt lil xi wħud minnhom. Nitolbu wkoll lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna t-“triq iċ-ċkejkna” tagħha tal-imħabba ta’ kuljum, fundament sod ta’ kull paċi fit-tul.

Din il-paċi, il-Mulej iwettaqha fil-Patt li jagħmel magħna lkoll permezz ta’ Ġesù Kristu. Għalhekk, meta juri liema huwa l-pedament tal-esperjenza tal-fidi tagħna, San Pawl ma jitkellimx biss fuq dak li aħna nistgħu nagħmlu biex inwieġbu lil Alla, imma anki dwar dak li Alla jagħmel għalina. L-Appostlu dan kollu jiġbru f’episodju: Ġesù quddiem Pilatu, il-verità tal-imħabba quddiem l-ipokrezija tal-poter. It-“taqbida t-tajba” hija allura x-“xhieda sabiħa” (ara 1 Tim 6:12-13). Dan jurih l-użu tal-istess aġġettiv: kalos, li hawn ifisser imwettaq tajjeb. L-opra mwettqa tajjeb, dik li hi tajba, hija l-fidwa li Ġesù jwettaq għalina. Fit-taqbida tiegħu kontra d-dnub u l-mewt, ir-rebħa ta’ Kristu teħlisna lkoll: minn kull ħażen issalvana, għal kull tjieba tistedinna.

F’dan id-dawl, ejjew inħarsu lejn iż-żewġ relikwi li għandna quddiemna: it-tunika u s-salib. Waħda hi dik li lil Kristu ħaduhielu; l-oħra hi dik li lil Kristu tawhielu. F’dan is-sens, huma t-tnejn sinjali tal-passjoni tiegħu: Ġesù hu mneżża’ mit-tunika tiegħu biex ilibbes lilna bil-libsa l-bajda, maħsula “fid-demm tal-Ħaruf” (Apok 7:14). Huwa b’dan il-mod li s-salib, minn strument ta’ mewt, isir sinjal ta’ tama: flimkien, mela, it-tunika u s-salib jirrappreżentaw lilna, aħna l-Knisja li titwieled mill-ħajja ta’ Alla mogħtija lid-dinja. Għeżież żgħażagħ, biex tikbru fil-qdusija u tibdlu lis-soċjetà tagħna għall-aħjar, kunu xhieda mdawla ta’ dan il-Vanġelu, jiġifieri tal-aħbar it-tajba li hu Kristu nnifsu, il-Feddej tagħna: “Lilu kull ġieħ u glorja għal dejjem. Amen” (1 Tim 6:16).

Miġjub għal-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading