Il-Ħadd, 27 ta’ Settembru 2026: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fis-Sitta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena u f’Jum il-Migranti u r-Refuġjati. Knisja Parrokkjali ta’ San Franġisk, Qawra.
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Mid-dehra verament diffiċli biex ikollok l-umiltà tbiddel il-fehma tiegħek. Meta jgħid hekk Ġesù, qed jifhem mhux biss x’taħseb, imma x’temmen u x’tagħmel. Qed ikellem lill-qassisin il-kbar u x-x-xjuħ tal-poplu; nies li kienu esperti fil-fidi, fil-Kelma ta’ Alla, fil-liġijiet u l-preskrizzjoni tar-reliġjon. U d-domanda jagħmilha lilhom stess. Bid-domanda tiegħu, Ġesù, jipprova jqanqal il-qalb u l-kuxjenza ta’ dawn il-mexxejja.
Hemm għalqa tad-dwieli, hemm missier, hemm żewġ ulied. U l-missier jixtieq li wliedu jħaddmu l-għalqa tad-dwieli, biex id-dielja tkun tista’ tagħmel il-frott fi żmienha. “Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli” (Mt 21:28). Wieħed jgħidlu “ma rridx” (Mt 21:29); imbagħad jiddispjaċih u jmur. L-ieħor jgħidlu: “‘Arani sejjer, sidi’ imma ma mar xejn (Mt 21:30).
U d-domanda ta’ Ġesù, jagħmilha lili u lilek ukoll: “Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-Missier?” (Mt 21:31) Ħafna drabi, aħna nieqfu fuq dak li jidher: wieħed qallu ‘le’ imma mar; l-ieħor qallu ‘iva’ imma ma għamel xejn. Il-Mulej jixtieq jixprunana biex mill-kelma ngħaddu għall-fatti.
Ngħidu: ‘Jiena nħobbu lill-proxxmu tiegħi’ – urini bil-fatti! ‘Jiena nħobbha l-Madonna’ – imma qiegħda timitha? Kemm għandna affarijiet fil-kultura tagħna. Ħa nsemmi waħda, issa li spiċċa l-istaġun tal-festi. Kemm enerġija, kemm xogħol volontarju, kemm sbuħija noħolqu; imma mbagħad kapaċi nimitaw lill-qaddisin li qegħdin niċċelebraw fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, fir-rispett lejn xulxin, fl-għotja sal-aħħar? Biex nikkwota lil San Ġorġ Preca: il-vera devozzjoni hija l-imitazzjoni, li inti timita.
Kapaċi nimitaw lill-qaddisin li qegħdin niċċelebraw fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, fir-rispett lejn xulxin, fl-għotja sal-aħħar?
Hawnhekk għandkom il-barka li tħarsu lejn San Franġisk t’Assisi bħala patrun tagħkom. Id-devozzjoni tagħkom lejn San Franġisk trid tkun anke l-imitazzjoni tiegħu. Mhux qed ngħid li ssiru fotokopja ta’ San Franġisk; imma jekk dan il-qaddis ħaddan ħajja sempliċi ta’ faqar; ma ħalliex il-flus jikkmandawh, anzi tbiegħed minnhom, b’għażla. Jekk kien bniedem ta’ sempliċità u ta’ umiltà, dawn huma affarijiet li jistgħu jgħinuna ngħixu ħajja ta’ nies. U meta nħares lejn il-kultura tagħna, din il-mistoqsija li nagħmel, aħna b’xi mod jew b’ħafna paroli ngħidu ‘iva’ lill-Mulej, imma mbagħad minn li nkunu wegħidna ma nagħmlu xejn. Għax ngħidu kontra ta’ xulxin, lil min qiegħed fostna jagħtina servizzi essenzjali, nittrattawh ħażin.
Fl-ewwel qari, il-Mulej lill-Profeta Eżekjel, ifakkarna f’din il-ħaġa: il-ġust huwa dak li l-imġiba tiegħu tibqa’ sewwa, la hi titlu u la kukkarda. Inti mill-ġust tista’ tintilef jekk ma timxix skont l-għażliet tajba li għamilt u tagħżel il-ħażin. “Imma jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu” (Eżek 18:27). Aħna kultant nilmentaw mis-soċjetà tagħna, imma l-Mulej qed jgħidilna: taqtgħux qalbkom, sakemm għadek ħaj jew ħajja, għandek ċans taħdem għall-ħajja aħjar. Tgħidx, ‘isma’ lill-Mulej għidtlu ‘le’, abbandunajtu; issa fatta tiegħi. Le! Għandek iċ-ċans tbiddel il-fehma tiegħek. Jekk għidtlu ‘iva’ lill-Mulej, għixha, dak li jixtieq minnek. Imma jekk f’xi mument tħossok li togħtor fil-mixja, il-Mulej mhux se joqgħod jieħu għalih, għal dak li għamilt f’dak il-mument. Inti biddel il-fehma tiegħek, biddel qalbek, għix aħjar, għix ta’ nies, il-Mulej dik l-għażla, dak il-pass se japprezzah.
Il-Mulej li jaf kemm il-kapijiet kienu b’qalbhom iebsa, baqa’ jinsisti magħhom bil-mistoqsija tiegħu u t-tixbiha li tahom ta’ żewġ ulied, hija stedina: Għandek iċ-ċans tbiddel ħajtek, kif għad għandna ċans, ejjew nagħmluha din il-ħaġa. Jekk jien lill-Mulej xi darba għidtlu ‘le’, mhijiex it-tmiem, mhijiex il-kundanna; imma qed jistedinni biex il-kelma tiegħi tkun ‘iva’ u l-ħajja tiegħi tikkorrispondi ma’ dak li għidt.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżek 18:25-28
Responsorju: S 24 (25):4-5,6-7,8-9
Qari II: Fil 2:1-11
L-Evanġelju: Mt 21:28-32
Sors: www.knisja.mt