Organizzat mill-Istitut Karmelitan
Il-Marjanità tal-Karmelu hija waħda mill-espressjonijiet l-aktar profondi u għonja tal-esperjenza spiritwali tal-Knisja. Sa mill-bidu tiegħu, l-Ordni Karmelitan għaraf fil-Verġni Marija mhux biss il-Patruna u l-Omm tiegħu, iżda wkoll il-Mudell perfett ta’ dixxipulat, ta’ kontemplazzjoni u ta’ ħajja mogħtija bis-sħiħ lil Alla. Il-Karmelu dejjem ħares lejn Marija bħala l-mara li tgħix fil-preżenza ta’ Alla, tisma’ l-Kelma tiegħu fil-qiegħ tal-qalb u twieġeb b’fedeltà sħiħa għas-sejħa tiegħu.
Dan il-kors ta’ Marioloġija Karmelitana jixtieq jgħin lil min jieħdu sabiex jidħol aktar fil-fond tal-identità Marjana tal-Karmelu u jagħraf kif il-figura ta’ Marija tibqa’ ta’ ispirazzjoni għall-ħajja Nisranija u kontemplattiva tal-lum. Bis-saħħa tat-tradizzjoni spiritwali, teoloġika u devozzjonali tal-Karmelu, il-kors jistħarreġ ir-rabta bejn Marija u l-mixja tal-grazzja, tal-kontemplazzjoni u tat-trasformazzjoni ġewwinija.
Tul il-laqgħat ser jiġu trattati temi fundamentali bħall-oriġini tal-Marjanità Karmelitana, il-figura ta’ Marija bħala mara kontemplattiva u għalliema tal-ħajja ġewwinija, kif ukoll ir-rwol tagħha bħala Omm fl-ordni tal-grazzja u sieħba fil-mixja tal-fidi. Se tingħata attenzjoni wkoll lid-dommi Marjani fid-dawl tat-teoloġija tal-grazzja u t-trasformazzjoni spiritwali, filwaqt li t-tradizzjoni tal-Ħabitu tiġi mistħarrġa bħala sinjal ta’ konsagrazzjoni, ħarsien u impenn għal ħajja evanġelika.
Il-kors joffri spazju ta’ riflessjoni u formazzjoni għal dawk kollha li jixtiequ jwessgħu l-għarfien tagħhom tal-Verġni Marija bl-għajnuna tal-ispiritwalità Karmelitana, u fl-istess ħin iħallu lilha tmexxihom f’relazzjoni aktar intima ma’ Kristu, fis-skiet, fit-talb u fil-fedeltà tal-ħajja ta’ kuljum.
Għal aktar informazzjoni u biex tirreġistra agħfas hawnhekk

