Futur li jdawwal il-preżent. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tnejn u tletin Ħadd.


Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Mulej, Alla tiegħi, ruħi bil-għatx għalik.

1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla    

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbħuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.

Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”.

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”. Mt 25, 1-13.

2. Riflessjoni/talba: 

i. Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus.

Meta nazzardaw naħsbu fuq il-futur
faċli nqabbluh ma xi tip ta’ diżastru
li jiġi u jeqred u jieħu dak li rridu nipproteġu.

Għal Ġesù huwa ċ-ċertezza
li x-xewqa profonda li nġorru (xebbiet bl-imsiebaħ)
tasal għall-milja fil-laqgħa sabiħa mal-għarus.

Irrifletti:

  • Kif tħares lejn il-futur?

ii. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

Iċ-ċertezza tal-futur
ma tneħħi xejn mill-inċertezza taż-żmien.

Il-lejl jaf jieħu t-tul
l-għarus jaf jiddawwar.

Hemm bżonn impenn
f’dak li jiġġenera tama
f’dak li jiġġenera fiduċja.

Irrifletti

  • X’jgħinek iżżomm it-tama ħajja?

iii. Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.

Hemm bżonn relazzjoni tajba maż-żmien!
Il-boloh ottimisti b’mod superfiċjali:
jibqgħu ma jimmaġinawx x’jista’ jinqala

jibqgħu ma jaħsbux li l-għarus jista’ jiddawwar

li l-fjamma tal-imħabba trid iżżomma ħajja kuljum.
L-għaqlin jagħrfu l-bżonn, jagħrfu x’jista’ jinqala,
u ta’ kuljum jieħdu ħsieb
f’kull mument jieħdu responsabbiltà

Għax jafu li xi ħin, l-għarus jiġi, l-imħabba sseħħ.

Irrifletti

  • Kif tgħix il-mument preżenti?

3. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?