Il-Papa f’Santa Marta: Huwa l-Ispirtu li jagħti l-identità lin-Nisrani mhux il-lawrji fit-teoloġija

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 2 ta’ Settembru 2014: L-awtorità tan-Nisrani tiġi mill-Ispirtu s-Santu mhux mill-għerf tal-bniedem jew mil-lawrji fit-teoloġija.  L-identità nisranija tfisser li jkollok l-Ispirtu ta’ Kristu mhux l-ispirtu tad-dinja.  Dan hu l-ħsieb ewlieni tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu fid-Dar Santa Santa Marta.

‘In-nies baqgħu mistagħġbin bit-tagħlim ta’ Ġesù għax kliemu kien ta’ bniedem li għandu s-setgħa.’  Il-Papa Franġisku ħa spunt minn din is-silta tal-Evanġelju tallum biex jitkellem dwar l-awtorità tal-Mulej, u bħala konsegwenza l-awtorità tan-Nisrani.

Ġesù, qal il-Papa, ma kienx predikatur komuni għax l-awtorità tiegħu kienet ġejja mid-dilka speċjali tal-Ispirtu s-Santu.  Ġesù hu Iben Alla midluk u mibgħut biex iġib is-salvazzjoni, biex iġib il-libertà.  Uħud, kompla jinnota l-Papa, kienu skandalizzati minn dan l-istil ta’ Ġesù, mill-identità u l-libertà tiegħu.  U aħna rridu nistaqsu lilna nfusna:  liema hi l-identità tagħna bħala Nsara?  Pawlu llum jgħidilna sew: ‘Aħna nitkellmu dwar dan mhux bi kliem li ġej mill-għerf tal-bniedem.’

Il-predikazzjoni ta’ Pawlu ma kinitx riżultat ta’ xi kors fl-università tal-Lateran jew fil-Gregorjana…  Le, le u le!  Kienet dovuta għall-għerf  uman?  Le!  Kienet predikazzjoni mgħallma lilu mill-Ispirtu s-Santu: Pawlu kien jipprietka bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu, u kien jesprimi l-affarijiet spiritwali tal-Ispirtu f’termini spiritwali.  Imma bil-forza tiegħu biss il-bniedem ma jifhimx l-affarijiet tal-Ispirtu ta’ Alla; il-bniedem waħdu ma jistax jifhmu dan!

Għalhekk, żied jgħid Franġisku, jekk aħna l-Insara ma nifhmux tajjeb il-ħwejjeġ tal-Ispirtu, la nagħtu u lanqas noffru xhieda; ma jkollniex identità.  Għal dawk in-nies, il-ħwejjeġ tal-Ispirtu huma ġenn, m’għandhomx ħila jifhmuhom.  Iżda l-bniedem imqanqal mill-Ispirtu jixtarr kull ħaġa: huwa ħieles mingħajr ma jkun iġġudikat minn ħadd.

Issa aħna għandna l-ħsieb ta’ Kristu, jiġfieri l-Ispirtu ta’ Kristu.  Din hi l-identità  nisranija, li ma jkollokx l-ispirtu tad-dinja fil-mod kif taħseb u tiġġudika d-dinja.  Jista’ jkollok ħames lawrji fit-teoloġija imma xorta ma jkollokx l-Ispirtu t’Alla!  Forsi int teologu kbir, imma m’intix Nisrani għax m’għandekx l-Ispirtu t’Alla!  Dak li jagħti l-awtorità, dak li jtik l-identità hu l-Ispirtu s-Santu, id-dilka tal-Ispirtu s-Santu.

Kien għalhekk, qal il-Papa, li l-poplu ma kienx iħobb lil dawk il-predikaturi, dawk l-imgħallmin tal-liġi, għax kienu jitkellmu verament dwar it-teoloġija imma ma kinux jaslu sal-qalb, kienu jxekklu l-libertà.  Dawk ma kellhomx ħila jgħinu lill-poplu jsib l-identità tiegħu għax ma kinux midlukin mill-Ispirtu s-Santu.  L-awtorità ta’ Ġesù – u l-awtorità tan-Nisrani – tiġi proprju mill-ħila li jifhem l-affarijiet tal-Ispirtu, li jitkellem il-lingwa tal-Ispirtu;  tiġi minn din id-dilka tal-Ispirtu s-Santu.

U ħafna drabi – ħafna drabi – fost il-fidili tagħna nsibu anzjani sempliċi, li forsi lanqas temmew l-iskola primarja, imma li jitkellmu aħjar minn teologu għax għandhom l-Ispirtu ta’ Kristu.  L-istess bħalma kellu San Pawl.  U lkoll kemm aħna għandna nitolbu dan: ‘Mulej, agħtina l-identità nisranija, dik li kellek Int.  Tina l-Ispirtu tiegħek, il-mod kif taħseb Int, kif tħoss, kif titkellem.’  Jiġifieri, ‘Mulej, tina d-dilka tal-Ispirtu s-Santu,’ temm jgħid  il-Qdusija Tiegħu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading