It-Tnejn, 1 ta’ Settembru 2014: L-Evanġelju ma jitħabbarx biex nikkonvinċu bi kliem għaref, imma bl-umiltà, għaliex il-qawwa tal-Kelma t’Alla hi Ġesù stess u jista’ jilqgħu biss min għandu qalb miftuħa.
Wara l-waqfa tas-sajf, dalgħodu l-Papa Franġisku reġa’ beda l-omelija dwar il-qari tal-ġurnata waqt il-quddiesa li jiċċelebra kuljum fid-Dar Santa Marta.
Fil-kumment dwar il-qari l-Papa spjega x’inhi l-Kelma t’Alla u kif għandha tintlaqa’. San Pawl ifakkar lill-Korintin li hu kien ħabbar l-Evanġelju mingħajr ma bbaża l-argumenti tiegħu fuq kliem persważiv u għaref.
Pawlu jgħid: ‘Imma jien ma ġejtx għandkom biex nikkonvinċikom bl-argumenti, bil-kliem jew bit-tixbihat sbieħ… Le, jiena ġejt mod ieħor, bi stil ieħor. Jien ġejt bil-manifestazzjoni tal-Ispirtu u tal-qawwa tiegħu. Biex il-fidi tagħkom ma tiqafx fuq l-għerf tal-bniedem imma fuq il-qawwa t’Alla.’
Għalhekk, il-Kelma t’Alla hija xi ħaġa differenti, xi ħaġa li mhix l-istess bħal kelma umana, bħal kelma għarfa, kelma xjentifika, kelma filosofika… le, hi xi ħaġa oħra. Tasal mod ieħor, qal Franġisku.
Dak hu li jiġri lil Ġesù meta jikkummenta l-Iskrittura fis-Sinagoga ta’ Nazaret, il-post fejn għex. Għall-bidu n-nies tal-post ammirawh għal dak li kien qiegħed jgħid, imma mbagħad irrabjaw u riedu joqtluh.
Għaddew minn naħa għall-oħra, spjega l-Papa, għax il-kelma t’Alla hija xi ħaġa differenti mill-kelma tal-bniedem. Fil-fatt, Alla jkellimna permezz ta’ Ibnu, li jfisser li l-Kelma t’Alla hija Ġesù, Ġesù stess, u Ġesù hu skandlu. Is-Salib ta’ Kristu jiskandalizza. U din hi l-qawwa tal-Kelma t’Alla: Ġesù Kristu, il-Mulej.
U kif għandna nilqgħu l-Kelma t’Alla? Kif nirċievu lil Ġesù Kristu? Il-Knisja tgħidilna li Ġesù hu preżenti fl-Iskrittura, fil-Kelma tiegħu. Għalhekk, afferma l-Papa, hu tant importanti li matul il-ġurnata naqraw silta mill-Evanġelju. Għalfejn, biex nitgħallmu? Le! Biex insibu lil Ġesù, għaliex Ġesù jinsab proprju fil-Kelma tiegħu, fl-Evanġelju tiegħu. Kull darba li jiena naqra l-Evanġelju, insib lil Ġesù.
Imma kif qed nirċievi din il-Kelma? Din għandha tintlaqa’ kif nilqgħu lil Ġesù, b’qalb miftuħa, b’qalb umli, bl-ispirtu tal-Beatitudnijiet. Għaliex Ġesù hekk ġie, fl-umiltà. Ġie fil-faqar. Ġie bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu.
Hu l-qawwa, kompla l-Papa; huwa l-Kelma t’Alla għax hu l-midluk mill-Ispirtu s-Santu. Aħna wkoll, jekk irridu nisimgħu u nirċievu l-Kelma t’Alla, irridu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu u nitolbu din id-dilka tal-qalb li hi d-dilka tal-Beatitudnijiet – qalb bħalma hi l-qalb tal-Beatitudnijiet.
Jagħmlilna tajjeb illum nistaqsu lilna nfusna: Jien kif nirċeviha l-Kelma t’Alla, qisha xi ħaġa interessanti: ‘Ah, is-saċerdot illum dan ipprietka… kemm kien interessanti! Kemm hu għaref das-saċerdot!’? Jew il-Kelma nirċeviha hekk, sempliċiment għax Ġesù hu ħaj?
U jien għandi ħila – isimgħu sewwa l-mistoqsija – jien għandi ħila nixtri ktieb żgħir tal-Evanġelju, li jiswa ftit flus? Ixtru ktieb żgħir tal-Evanġelju u ħuduh dejjem magħkom kull fejn tkunu, fil-basket, u meta tkunu tistgħu, matul il-jum, aqraw silta biex issibu lil Ġesù hemmhekk.
Dawn iż-żewġ mistoqsijiet jagħmlulna tajjeb u jalla l-Mulej jgħinna, temm il-Qdusija Tiegħu.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta