Papa profetiku u t-Tradizzjoni tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Il-maġisteru tal-Papa Franġisku għandu fih ruħ soċjali. Ruħ li ġejja mit-tagħlim tal-vanġelu li jdawwal id-diversi rejaltajiet soċjali li qed iseħħu fid-dinja tagħna tallum.

Fit-tagħlim soċjali tiegħu Papa Franġisku jikkritika ekonomija li hija msejsa fuq il-materjaliżmu u x-xeħħa. B’urġenza profetika huwa jitħaddet kontra kolonjaliżmu ġdid li jisfrutta x-xogħol imwettaq mill-pajjiżi fqar. Papa Franġisku ma jiddejjaqx isejjaħ il-forma ekonomika dominanti fid-dinja żviluppata bħala “ekonomija li toqtol”. Barra minhekk f’diskors mogħti fil-Bolivja, jiġifieri f’pajjiż taħt it-tmexxija ta’ president soċjalista, il-Papa deher li qed jistieden lill-fqar biex jaħftu l-poter minn idejn l-għonja u jieħdu f’idejhom it-treġija ta’ ħajjithom. Imma dan kollu kif għandna nfissruh?

Qabel xejn irridu npoġġu kollox fil-kuntest tiegħu. Ir-rimarki profetiċi ta’ Papa Franġisku għandhom jiġu mifhuma fil-qafas tat-tagħlim soċjali tal-Knisja. Hawn min jaħseb li t-tagħlim tal-Knisja huwa forma ta’ soċjaliżmu. Jiġifieri dik is-sistema ekonomika li tiċħad il-leġittimità tal-proprjetà privata, iddgħajjef is-suq ħieles u tippromovi il-ġlieda tal-klassi bejn l-għonja u l-fqar jew bejn il-kapitalisti u l-ħaddiema. Il-Papiet tal-era moderna, ibda minn Papa Iljun XIII sa Papa Benedittu XVI, ilkoll kemm huma tħaddtu bil-miftuħ kontra dawn is-sistemi. L-esperjenza uriet kemm l-ekonomija komunista kienet oppressiva. Awturi bħal Robert Sirico, Michael Novak, Arthur Brooks u oħrajn għandhom raġun meta jgħidu li t-tagħlim soċjali Kattoliku ma jippreżentax tertium quid lil hinn mill-kapitaliżmu u s-soċjaliżmu. Għall-kuntrarju t-tagħlim soċjali Kattoliku jħeġġeġ l-ekonomija tas-suq. San Ġwann Pawlu II apprezza l-ekonomija tas-suq bħala għajnuna ekonomika għall-pajjiż demokratiku. Dan l-għaliex it-tnejn li huma jistrieħu fuq id-dinjità tal-individwu u tad-dritt tal-affermazzjoni tiegħu innifsu.

B’daqshekk imma ma jfissirx lanqas li l-Knisja, fit-tagħlim soċjali tagħha, qiegħdha tħeġġeġ għal xi forma ta’ kapitaliżmu bla limiti. Il-Papiet moderni għallmu b’mod kostanti li s-suq jaħdem sewwa meta huwa ikkontrollat kemm b’mod politiku u kif ukoll b’mod morali. U huwa preċiżament f’dan il-kuntest li r-rimarki ta’ Papa Franġisku għandhom jiġu mifhuma.

Mill-lenti politika

L-ewwel nett ejjew inħarsu lejn din il-kwistjoni mill-lenti politika. Papa Ljun XIII u s-suċessuri tiegħu ħassew profondament it-tbatija ta’ dawk li kienu qiegħdin jiġu sfruttati kemm mis-suq inkella l-għaliex ma ġewx mogħtija aċċess adegwat għall-benefiċċji tiegħu. Huwa għalhekk li issapportjaw reformi politiċi u legali, inklużi l-liġijiet dwar ix-xogħol tat-tfal, ir-rekwiżiti għall-paga minima, ir-restrizzjonijiet tal-ġurnata tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema li jingħaqdu f’union u l-bqija. Huma għallmu li dawn ir-restrizzjonijiet legali kollha m’għandhomx jiġu mifhuma bħala tmermir tas-suq imma bħala tentattivi biex is-suq isir aktar uman, ġust u aċċessibbli. Nies ta’ intelliġenza u rieda tajba jistgħu ma jaqblux rigward l-applikazzjoni preċiża ta’ dawn il-prinċipji. Ngħidu aħna għandhom id-dritt jiddibattu dwar kemm għandha tkun l-paga minima, kif id-drittijiet tax-xogħol u l-kapital jistgħu jkunu ibbilanċjati u l-bqija. La l-papa, l-isqfijiet u s-saċerdoti m’għandhom jidħlu fl-irqaqat ta’ dawn id-dibattiti. Dak hu xogħol l-esperti. Madankollu l-papa, l-isqfijiet u s-saċerdoti huma fid-dmir li jistiednu għal riformi politiċi jekk is-suq qed jisfrutta u għalhekk sar awto-distruttiv.

Mill-lenti morali

Mill-lenti morali tal-argument il-Papiet tħaddtu fuq ir-ruħ morali tiegħu. L-ekonomija tas-suq hija rejalment leġittima meta hija mqiegħdha f’kuntest ta’ kultura morali ħajja li tifforma lin-nies li jagħmluha fil-virtujiet tal-ġustizzja, tar-rispett għall-integrità tal-persuna l-oħra u tar-reliġjon. Fil-fatt x’ġid jista’ joħroġ mill-kuntratti, li huma fundamentali għall-ekonomija tas-suq, jekk in-nies ma jimpurtahomx mill-ġustizzja? X’ġid tista’ tkun il-proprjetà privata jekk in-nies ma jqisux is-serq bħala għemil moralment ħażin? Tgħid il-ġid materjali ma jistax jeqred lill-bniedem għani li ma japprezzax il-valur tal-ġenerożità jew li ma jirnexxilux jiżviluppa sensittività għal min hu fqir? Tgħid il-kilba għall-profitt ma twassalx għall-qerda tal-ambjent jekk in-nies ma jirrejalizzawx li d-dinja hija don tal-ħniena ta’ Alla u ġiet maħluqa biex kulħadd jieħu gost biha? Dan kollu juri l-għaliex ir-relattiviżmu morali u l-indifferentiżmu huma ta’ theddida kbira għall-ekonomija stess.

Fid-dawl ta’ dan kollu nistgħu nifhmu aktar kliem il-Papa. Huwa jistaqsi: “Nirrejalizzaw li dik is-sistema imponiet il-mentalità ta’ profitt akkost ta’ kull prezz, mingħajr l-ebda każ għall-esklużjoni soċjali jew il-qerda tan-natura?” Il-Papa hawnhekk mhux jitħaddet fuq is-suq imma fuq l-attitudni profonda immorali li ħakmet il-qlub ta’ ħafna li jużaw is-suq. Il-Papa jilmenta: “Teżiżti kilba mingħajr rażan għall-flus. Is-servizz tal-ġid komuni huwa mġenneb. Ġaladarba l-kapital isir idolu u jmexxi d-deċiżjonijiet tan-nies, ġaladarba x-xeħħa għall-flus tirrenja fuq is-sistema soċjo-ekonomika, hija tirvina soċjetà, tikkundanna u tjassar lill-irġiel u lin-nisa”. Dawn huma kelmiet iebsa tassew. Madankollu ninnutaw mill-ġdid li l-attenzjoni tal-Papa mhux fuq il-kapitaliżmu imma fuq il-ħażen ta’ dawk li qegħdin jużaw l-ekonomija tas-suq b’mod ħażin. Jiġifieri bix-xeħħa. L-għaliex qiegħdin jagħmlu mill-flus idolu u qed isiru indifferenti għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Fis-sejħa tiegħu għar-ruħ etika fil-ħajja ekonomika l-lingwaġġ ta’ Papa Franġisku hu aktar ħelu minn dak, ngħidu aħna, tal-Papa Ljun XIII li qal: “Meta l-bżonnijiet tan-neċessità u l-proprjetà ġew sodisfatti l-bqija li wieħed għandu tappartjeni lill-fqar”. Jew dak li San Ambroġ jgħid: “Jekk bniedem għandu żewġ ilbiesi waħda hi tiegħu u l-oħra tappartejni lil min m’għandux.

Għalhekk għandna nisimgħu b’attenzjoni d-diskors profetiku ta’ Papa Franġisku u nħalluh jisfidana. Madankollu irridu nqiegħduh fil-kuntest tat-tradizzjoni għanja u mlewma tat-tagħlim soċjali Kattoliku.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading