X’jum sabiħ!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap 

Kemm qed jagħmel temp sabiħ ħbieb! Dan l-aħħar, wara jumejn ta’ xogħol bla waqfien fl-Isptar, fettilli ninżel naqra sal-ġardina tal-kunvent. Nimxi u nżebbeġ.

Is-sema kaħlani quddiemi, imżejjen b’dik ix-xemx ħanina li taf tagħti l-art Maltija, ħallieni mingħajr kliem! Kemm ħadt gost niġi immelles minn dik l-fewġa kiesħa u ħelwa xitwija! Jiena u miexi ħarist lejn is-sema u qgħadt nosserva. L-ebda’ sħaba li hi sħaba ma kienet tidher! Għalhekk mela stajt niċċassa nħares lejh mill-parti dellija ta’fejn is-siġra! X’għaxqa kien fih is-sema li waħħalli għajnejja fih!

U għaliex is-sema kien daqshekk sabiħ f’dik il-għodwa xitwija? L-għaliex sħab xi jtellfu ma kellux! Seta’ iva dakinnhar is-sema jurini tabilħaqq il-ġmiel li hemm fih! U jien, li fin-natura nara Id Missieri, is-Sultan il-Kbir, issuktajt inħares ċass lejn l-għaġeb tal-għeġubijiet li Hu ħalaq b’tant imħabba!

Is-sħab. Kemm itellef! Aħseb u ara jekk is-sħab ikun griż! Anki ruħi u ruħek, ġew maħluqa mill-Mulej biex igawdu din id-dehra li ssaħħrek. Anzi! Ġew maħluqa biex jieħdu fihom ix-xemxata tal-qdusija. Li jissieħbu b’mod ħaj fil-Jum ta’ Dejjem. Jum li jibda’ minn din id-dinja stess. Imma, imsieken, għandhom xi jtellifhom! Xi jdarrashom! Xi jdejjaqhom! Xi jnikktilhom qalbhom!

Dan is-sħab griż u ikraħ ġej minn direzzjoni waħda: mill-ħażin. Il-ħażin, bħat-temp tal-maltempati, moħħu hu li jagħmel il-ħsara. Li jfixkel. Li jħassar il-festi. Li jkerraħ. Li joskura. Li jħawwad u jħarbat. Ilkoll nafu, l-għaliex ilkoll inġarrbuh, li dan l-isħab griż iferi l-viżta ta’ ruħna. Ma jħalliniex naraw is-sbuħija tal-Jum ta’ Dejjem li jibda’ minn din id-dinja. Lanqas ma jagħtina ċans naraw il-ħajja mill-lenti tal-Jum ta’ Dejjem. Imma jidħak bina. Ibellagħhielna li l-ħajja vera hija niket, inkwiet, ġlied u problemi.

Il-ħażin, meta nħalluh ifesfsilna f’moħħna u f’qalbna, minflok ma jdawwar ħarsitna lejn ix-Xemx sabiħa, li hu Ġesù Kristu, jinkolla ħarsitna mas-sħab ikraħ u li jqallagħlek l-istonku. Jiġifieri dak l-isħab li l-Kelma ta’ Alla tagħtih dawn it-titli: “żína, faħx, nuqqas ta’ rażan,  idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid” (Gal 5:19-5:21). Dan it-tip ta’ sħab imewwet kull inizjattiva li x-Xemx ħanina, jiġifieri l-grazzja tal-Mulej Ġesù, iżerreġ fuqna ħalli nqumu u nimxu. Dan l-isħab tassew ta’ min jaħarbu l-għaliex itaqqlek, iħawwadlek il-wajers u jtelliflek id-devozzjoni kollha. Le ta! Dan is-sħab ma rridux!

Issa dan l-isħab jitwarrab biss minn ċerti irjieħat ġentili u qawwija. Irjieħ li tant huma tajbin għall-viżibilità spiritwali ta’ ruħna. Dawn l-irjieħ sibthom miġbura, biex ovjament jinfetħu ħa jixxerrdu, fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin. Dawn l-irjieħat għandhom ismijiet partikulari. Imma ħa nħalli f’idejn l-Appostlu biex ikellimkom fuqhom hu. Kliemu jipperswadi ħafna aktar minn tiegħi!

“Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar.  Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.  U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejjħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla.  Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla.  Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu” (Kol 3:12-17).

Issa immaġinaw ftit jekk dawn l-irjieħ li jisimhom ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa, sabar, maħfra, radd-il ħajr, sliem, għerf jidħlu naqra fil-familji u l-komunitajiet tagħna. Xi jkollna? Jiem twal u xemxin! B’viżibiltà tajba. U b’riħ li jħajrek tara l-arja ta’ barra. It-temperaturi jkunu eċċellenti! U l-indiċi tar-raġġi tal-UV tant kemm ikun tajjeb li tkun tista’ toħroġ barra mingħajr in-nuċċali tax-xemx!

Ejjew inħallu l-irjieħ tal-ubbidjenza, tal-ferħ, tal-kuraġġ, tal-qalb sempliċi, ta’ l-imħabba mingħajr uċuħ, inaddfu l-orizzonti ta’ ħajjitna. Imbagħad in-numri ta’ turisti f’pajjiżna jirdopja u jittrippla!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading