Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > X’għallimni għall-Milied Gino Paoli

X’għallimni għall-Milied Gino Paoli


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar, f’waħda mill-puntati ta’ Domenica in, ippreżentat miċ-ċelebri preżentatur Pippo Baudo flimkien mal-attriċi Taljana minn Firenze, Chiara Francini, wieħed mill-mistiedna kien il-magħruf kant-awtur Taljan minn Monfalcone, Gino Paoli. Tiftakruhom il-kanzunetti Il cielo in una stanza, Che cosa c’è, Senza fine u Sapore di sale? Dawk kollha ħarġu mill-id għalliema ta’ dan il-kant-awtur kbir!

Waqt l-intervista sabiħa li għamlulu Pippo Baudo u Chiara Francini, f’mument minnhom Gino Paoli qal: La vita è l’arte dell’incontro. Jiġifieri, il-ħajja hi l-arti tal-laqgħa. Meta smajt din il-frażi ma stajtx ma nieqafx u ma nniżżilhiex bil-ġiri! Li ma mmurx nitlifha! Kienet frażi li laqgħtitni fil-laħam il-ħaj. L-aktar issa! Fil-jum tal-Milied!

L-għaliex x’inhu tassew il-Milied? Huwa l-laqgħa tal-Mulej Ġesù, imwieled tarbija, magħna. Kemm isaħħarni l-vanġelu skont San Ġwann li naqraw propju illum, f’jum il-Milied! Jekk wieħed jinżel ftit fil-fond tiegħu jintebaħ kemm dak li qal Gino Paoli huwa minnu. F’kelma waħda, li l-Festa tal-Milied hija l-arti tal-Mulej li jitaqa’ magħna l-bnedmin.

Jgħidilna San Ġwann fil-Prologu tiegħu: “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla. U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità” (Ġw 1 :11). Isimgħu x’jgħidilna Ġwanni f’din l-Introduzzjoni għall-Vanġelu tiegħu: ġie, tahom, sar u għammar. Erba’ verbi tassew sbieħ li juru x’Alla għandna ! Dak Alla li, illum, sar tarbija, bħali u bħalek. Biex jifdi lilek u lili! Ġie personalment. Biex setgħu jarawh. Hekk jgħid l-istess San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu: “Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Kelma tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom” (1Ġw 1:1).

Imbagħad Dak li ġie ta. U x’ta? Mhux il-ferħ tiegħu? Jgħidilna San Luqa: “Iżda l-anġlu qalilhom: ‘Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura’” (Lq 2:10-12). Xi ġmiel ta’ frażi! Il-ferħ hu illum. Iva! Ilum jiena ukoll nista’ inkun ferħan u ferħana! Propju illum! Minkejja d-diffikultajiet tiegħi! Inkella s-sitwazzjoni familjari jew finanzjarja li għaddej u għaddejja minnha!

It-tielet kelma sar. Ma baqax fis-sħab! Qiegħed hawn! Quddiemi u quddiemek. Jistenna imħabbti u mħabbtek. It-tbissima tiegħi u t-tbissima tiegħek. Il-kelma tiegħi u l-kelma tiegħek. Iva. Int! Li x’ma qalulekx. Propju int! Bil-qawwa tiegħu kapaċi u għandek fik l-imħabba mimlija ħniena tiegħu! Mela tintremiex! Iżda agħti minn dak li għandek. Ftit kemm hu ftit. Imma agħtih! Ħa tibqa’ tagħmel differenza kulfejn tkun!

U fl-aħħar, għammar. Mela qgħad magħna. Akkumpanjanana. Ma telaqniex waħidna. Għaliex qalilna: “U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Fil-vanġelu skont San Ġwann qalilna: “Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw:15:5).

Biex nislet frażi mill-kitbiet ta’ Papa Franġiku l-Milied huwa “esperjenza ferrieħa tal-Ispirtu, laqgħa konsolanti … u għajn kontinwa ta’ tiġdid u mixja ‘l quddiem” (Evangelii Gaudium 135). Dejjem jekk l-istess Bambin li għandi fl-intrata, fil-kċina, fil-kamra tas-sodda jew fit-tieqa, narah ħaj u jiddi fik. Int, li lili tħobbni jew ma taħmilniex. Int, li lili titħaddet fuqi sabiħ inkella ikraħ. Int, li lili tkun trid tkellimni inkella taħrabni.

Imma jien, mhux jien, imma … HU! Bħalma int, mhux int, imma … HU! U mela mhux aħjar li niltaqgħu? Mhux aħjar jekk nittrattaw ma’ xulxin bi mħabba? Mhux aħjar jekk inħalluh jgħallimna kif ngħożżu lil xulxin? Mhux aħjar jekk inħallu lil xulxin ngħixu fil-paċi u mingħajr indħil żejjed?

Grazie Gino! Il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: