Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Is-skiet tal-Presepju

Is-skiet tal-Presepju


Patri Mario Attard OFM Cap

Nista’ ngħid li l-Isptar Mater Dei huwa t-tieni dar tiegħi. Ir-raġuni hija l-għaliex inqatta’ ħafna ħin fih. U, meta tqatta’ ħafna ħin id-dar, tispiċċa tinnota ħafna affarijiet interessanti fiha.

Bħalissa hemm armat il-Presepju sabiħ li huwa xogħol is-Sur Charlie Coleiro. Xi ħaġa sabiħa li qalli Charlie hija kemm in-nies qed tapprezza l-kant Gregorjan li hemm bħala background music għal dan il-Presepju. Tassew! Kull darba li immur inżuru inħossni affaxxinat mill-ġabra li din it-tip ta’ mużika iġġib madwarha. Kemm iddaħħalni fil-misteru tal-fidwa tagħna! Kemm dak l-għar għalija jieħu l-ħajja!

Iżda, u safejn naf jien, anki jekk il-Presepju li hemm f’Mater Dei huwa tassew sabiħ, iżda l-pasturi ma jitkellmux. S’issa għandi qatt ma smajthom jgħidu kelma li hi kelma. Ippruvajt nissemmalhom ħa nara naqbadhomx jitħaddtu. Imma xejn! Muti kienu u muti baqgħu. Għalhekk, li għamilt kien li qgħadt ftit bilqiegħda nistudja l-fattizzi tagħhom. Li tassew huma sbieħ!

F’dan il-Presepju partikulari intbaħt li hemm tlett anġli mdendlin fl-arja. Dawn l-anġli saru f’din is-sena. Kos hux! Fis-sema min jaf kemm hemm anġli li qed jitolbu għalija u għalik! Anġli li qiegħdin quddiem it-Tron tal-Ħaruf Bla Tebgħa. Anġli qawwija li l-Kelma ta’ Alla tfaħħarhom għall-qawwa li hemm fihom u għall-lejaltà sħiħa li juru lill-Mulej!

Iżda innutajt li, f’dan il-Presepju, hemm żewġ anġli li qiegħdin iħokku magħna. L-ewwel wieħed huwa l-anġlu li hemm wara r-ragħaj. Sewwa sew fil-post fejn Ġesù twieled. U mela fejn hemm il-ħajja m’hemmx il-preżenza tal-Mulej x’kull waħda? Il-ħajja umana, meta titħares f’kull stadju tagħha, mill-bidu sa tmiemha, hija barka! Hija ħajja tal-anġli! Jiġifieri l-ħajja ta’ dawk li dejjem qiegħdin quddiem il-Mulej! Ejjew nitolbu biex il-Mulej jibgħat aktar u aktar anġli li din il-ħajja jħarsuha f’kull stadju tagħha. Ħa nibqgħu nitbierku, waqt li nnisslu, noktru u nimlew lil pajjiżna biċ-ċittadini ta’ għada.

Imbagħad hemm anġlu ieħor partikulari f’dan il-Presepju: l-Anġlu tal-Belt. L-istess, dan ukoll sar din is-sena. U int min qallek li Malta u Għawdex m’għandhomx l-Anġlu tagħhom li jħarishom? Min jaf kemm ninħelsu minn diżgrazzji kbar f’dan il-pajjiż l-għaliex dan l-Anġlu lilna jħarisna. Mela nagħmlu tajjeb jekk lil dan l-Anġlu nitolbuh biex jissokta jħarsina. Mhux biss biex ma jkollniex inċidenti iżda, u fuq kollox, biex ma nabbanundaw qatt il-wirt għażiż tal-fidi Nisranija li jsawwarna u jagħmilna poplu. Ejjew nifhmu li tal-ġara mhux bilfors huwa tajjeb għalija. Anzi! Jaf ikun ħażin u ħażin ħafna għalija! Ejjew inkunu bil-għaqal ħbieb u ma ninġarrux mill-kurrent tas-sekulariżmu vojt, imnikket u dejjem jeqred l-għaliex mingħajr il-Mulej!

Il-Presepju f’Mater Dei jurini wkoll li fil-ħajja kulħadd bżonn xulxin. Barra r-rgħajja hemm ukoll il-furnar, dik li titma’ t-tiġieġ u dak li jitma’ lill-ħmar. L-annimali irridu nieħdu ħsiebhom. Dawk huma ta’ barka għalina. U l-Mulej tahomlna biex jgħinnuna ħa ngħixu ħajja sabiħa u li togħġob lilu. Huwa tassew ħażin u ta’ min jikkundannah kull għemil ta’ moħqrija. Ma nistgħux nabbandunawhom. Madankollu jiena nsalva ruħi mhux sempliċiment għax nieħu ħsieb il-kelb li dejjem miegħi. Li lili ma jitlaqni qatt. L-għaliex issa sar id-dell tiegħi. Il-prinċipju ta’ Ġesù huwa ċar kristall: “Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? M’hux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? M’hux il-pagani wkoll jagħmluh dan?” (Mt 5:46-47).
Aħna se niġu iġġudikati fuq kemm ħabbejna lill-għedewwa tagħna bnedmin. Isma’ x’jgħidilna Ġesù: “Smajtu x’intqal, ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.’ Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex… Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:43-45. 48).

Is-skiet tal-Presepju għallimni biex f’dan il-Milied naħfer u nħobb lil għadu tiegħi. Int x’ħa tagħmel? Ħa tibqa’ mwaħħal? Jew se tagħmel il-pass miegħi?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: