Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Ikollna kemm ikollna progress, dejjem se jkollna bżonn nuru sapport u mħabba lil xulxin

Ikollna kemm ikollna progress, dejjem se jkollna bżonn nuru sapport u mħabba lil xulxin


Il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-pussess tal-Arċipriet il-ġdid, Dun Mario Mangion, fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri Ħal Qormi.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali San Ġorġ, Ħal Qormi.

Għażiż Arċipriet, inti għażilt din il-ġurnata solenni għall-bidu tal-ministeru u l-qadi tiegħek bħala arċipriet f’din il-parroċċa matriċi.

Is-sinifikat ta’ din il-festa li qegħdin nagħmlu llum huwa profond. Il-Mulej ma ġiex mibgħut biss biex ikun “glorja ta’ Israel, imma wkoll dawl għall-ġnus” (Lq 2, 32). Wara kollox din hija l-profeżija li jlissen Xmun meta jilmah it-tarbija ta’ erbgħin ġurnata: “Glorja ta’ Israel, dawl għall-ġnus”.

Illum wara li f’dawn il-ħmistax, rajna din it-tarbija ċkejkna ta’ Betlehem tiddi lir-ragħajja, lill-poplu Lhudi, quddiem Marija u Ġużeppi, illum narawha tiddi bħala dawl tal-ġnus quddiem dawn il-Maġi li ġew mill-Lvant. Ġew iffittxu sultan, “fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?” (Mt 2, 2). Minħabba li użaw il-kategorija tal-qawwa tal-poter, min kellu l-qawwa u l-poter tfixkel. “Is-sultan Erodi sema’ bihom u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu” (v. 3). Imma iċ-ċkejkna tarbija, it-tfajjel Ġesù li niltaqgħu miegħu ma kienx sultan tal-poter ta’ din id-dinja. Ħafna mill-innjiet sbieħ ta’ dan l-istaġun tal-Epifanija – lil Erodi jgħidulu: “imma inti għalfejn qed tibża’ Erodi? Ma ġiex jeħodlok it-tron ta’ din id-dinja, dan li (qiegħed jitwieled) dan li twieled, mhux qiegħed hemm bħala theddida, imma bħala salvatur għalik u għall-bnedmin kollha, m’għandekx għalfejn tibża’ minnu”.

Imma r-reazzjoni ta’ Erodi nafuha, kienet reazzjoni traġika minn re kbir li tfixkel quddiem dan is-sultan tal-qlub li twieled fir-renju tiegħu, mhux biss matul ir-renju tiegħu imma wkoll fit-territorju tiegħu. Il-kategoriji ta’ territorju, ta’ poter ifixklu lill-bnedmin, mentri Ġesù ma ġiex f’dik il-kategorija. Ir-renju tiegħu hija dak li San Pawl hu u jikteb lill-poplu ta’ Efesu, jgħidlu: “il-pjan tal-grazzja” (Ef 3, 2), pjan ta’ mħabba, l-imħabba li ma tibqax biss għall-poplu Lhudi imma tinqasam, tinfirex mal-ġnus kollha.

Aħna l-Maltin llum fis-Solennità tal-Epifanija nirringrazzjaw lil Alla b’mod speċjali għaliex aħna, li ma konniex u m’aħniex Lhud, illum aħna msejħin mal-ġnus l-oħra biex niltaqgħu ma’ Ġesù. Il-kewkba tiddi għalina llum għaliex aħna, permezz ta’ dik il-kewkba, imsejħin biex infittxu, insibu u niltaqgħu mal-wiċċ ħelu tas-Sultan. Imma min hu dan is-sultan? Qiegħed jgħix bħalma jgħid hu stess ’il quddiem, u jgħid ukoll dwar Ġwanni l-Battista: “fejn ħsibtu li se ssibuh Bin il-bniedem? M’għandux fejn imidd rasu”. M’għandux il-palazzi, m’għandux tron ta’ din id-dinja, imma huwa messaġġier, qaddej – għalhekk sultan – tal-imħabba ta’ Alla.

Aħna nirringrazzjaw lill-Mulej li msejħa biex ikollna “sehem mill-istess wirt tal-Lhud, inkunu membri tal-istess ġisem, li huwa l-Knisja, ikollna sehem mill-istess wegħda li hija l-ħajja ta’ dejjem fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju” (ara v. 6).

Għażiż arċipriet, Dun Mario, il-missjoni tiegħek nistgħu nesprimuha li qalb dan il-poplu għażiż ta’ Ħal Qormi, tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, inti tkun dik il-kewkba li tmexxi lill-poplu tiegħek lejn il-laqgħa sabiħa ma’ Ġesù ta’ qalb ħelwa mimlija mogħdrija u ħniena. Il-poplu tiegħek għatxan biex jiltaqa’ ma’ Ġesù. Inti trid tkun dak li tiffaċilita’ din il-laqgħa, facilitator, mhux tfixkilha, imma tiffaċilitaha, tagħmilha iżjed faċli. Kull minn jiltaqa’ miegħek irid jiltaqa’ mal-mogħdrija ta’ Ġesù, mal-ħlewwa ta’ Ġesù, mal-kalma ta’ Ġesù. Ninsew ftit dak li għamel fit-tempju għax kultant kienet taqbiżlu wkoll, aħna lkoll taqbżilna kultant. F’dak fl-Evanġelju kollu hemm episodju wieħed, imbagħad meta beda jgħid lill-Fariżej dak kollu li ġie f’moħħu, beda jgħid ukoll.

Ħafna drabi magħna l-midinbin, Ġesù kellu paċenzja kbira. Ftakar fil-parabbola ta’ dak li qallu: “din is-siġra ilha ma tagħmel frott, qaċċatha. Qallu: ‘sinjur, stenna ftit ħa nagħżaqha, inti mbagħad ejja u naraw” (ara Lq 13, 7-9). U int irid ikollok din il-paċenzja anke quddiem Alla, li tintervjeni quddiemu bħalma għamel Mose’, bħalma għamel Abraham, u tgħidlu: “Sinjur, ħu paċenzja bija u bil-poplu tiegħek”. Inti trid tkun l-ambaxxatur tal-imħabba tal-Isqof. Qis li inti twassal l-għożża tiegħi lejn dan il-poplu, l-imħabba tiegħi lejn dan il-poplu, bħalma għidt lill-Kanonku, lill-Arċipriet Dun Anton meta tlabtu biex imur Bormla. Għidtlu: “wassal l-imħabba tiegħi lil dak il-poplu għażiż”, bħalma se nfakkru meta jkollna l-pussess ukoll, u nieħu l-opportunità biex nirringrazzjak ukoll ta’ dak kollu li għamilt ma’ dan il-poplu bl-istil inimitabbli tiegħek.

Għażiż Dun Mario, jiena m’hemmx għalfejn infakkrek fiz-ziju Dun Ġin, imma jiena nfakkrek għax għandek xi ħadd fil-ġenna jitlob għalik, saċerdot li miet ta’ eta tenera, żgħira, imma li ħalla mpatt kbir. Għandek ħafna eżempji sbieħ, apparti lil San Ġorġ Martri, ma ninsewx. Inti trid tkun dak ix-xhud tal-imħabba ta’ Ġesù li tagħti ħajtek għall-Mulej u għall-poplu. Dan qiegħed jitlob il-Mulej minnek, hu jsejjaħlek biex tkun arċipriet ta’ din il-parroċċa matriċi, antika, b’patrimonju kbir, imma wkoll li għandha futur kbir.

Ħu ħsieb iż-żgħażagħ ta’ din il-parroċċa, kif tieħu ħsieb ukoll l-anżjani u l-miżżewġin, ħu ħsiebhom u inti u tiċċelebra magħhom il-festi kbar: San Ġorġ, il-Ġimgħa l-Kbira, l-Irxoxt, qis li dawn ikollhom togħma tassew Nisranija. Mhux se ngħidlek jiena, ‘qis trid tnaddafhom minn dak kollu li huwa ta’ ħsara’, għax mhux xi ħaġa tiegħek biss, imma għin lill-komunità biex il-festi li niċċelebraw l-ewwel nett ma jeħlulniex l-enerġija kollha tagħna, u allura nitlob li jinkwetawk ftit, jew xejn – imma fl-istess ħin, li aħna nieħdu pjaċir flimkien u anke ma’ ħaddieħor – ifhmuni – anke ma’ ħaddieħor niċċelebraw u nifirħu fil-fidi tagħna mingħajr ma qatt ma ninsew il-fqar. Ġesù qalilna “il-fqar dejjem magħkom” għax sfortunatament il-faqar qisu ħajt tas-sejjiegħ tpoġġi ġebla, taqa’ oħra. L-umanità għandha bżonn dejjem l-imħabba ta’ bejnietna u s-solidarjetà. Jikber kemm jikber il-ġid, ikollna kemm ikollna progress, dejjem se jkollna bżonn nuru sapport lil xulxin, imħabba lil xulxin.

Aħna li aħna raħal imbierek mix-xhieda tal-martri: San Ġorġ u San Sebastjan, għandna vokazzjoni tremenda dik li nsarrfu l-ħajja Nisranija f’għotja tagħna nfusna lil xulxin, inkella l-qima tagħna lejn il-martri li tant aħna kburin biha, ma tagħmilx il-frott li jrid il-Mulej; mhux qed ngħid tkun vojta, imma ma tagħmilx biżżejjed il-frott li jkun irid il-Mulej. Aħna rridu nitgħallmu din ix-xhieda tal-martri li tant inħobbu, li aħna nkunu totalment ġenerużi f’kull ċirkostanza. Il-Qriema kienu jafu, iddefendew lill-pajjiżna fis-sekli li għaddew, taw il-ħobż u anke l-inbid lil ħafna familji, imma fl-istess ħin kienu jibqa’ poplu ta’ xogħol u poplu ta’ ħidma rżina.

Naf għand min bgħattek, u peress li l-Qriema nafu ħafna lil xulxin, jafu min inti għax jafu r-razza u r-radika. Jalla, li minħabba d-DNA tiegħek tħossok at home, kont at home ukoll bħala ragħaj ta’ din il-parroċċa għażiża, li inti tħossok milqugħ u maħbub u li twassal l-imħabba ta’ Ġesù, id-dawl tiegħu fil-qalb ta’ kull bniedem b’mod speċjali dawk li qed iħosshom fid-dlam minħabba d-dubji, minħabba s-solitudni, minħabba l-esklużjoni soċjali. Kun int li tiffaċilita, li dawn iħossuhom qrib il-qalb ta’ Ġesù, li dawn iħossuhom maħbubin huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin biex hekk ikollna l-ikbar barka, dik li meta naraw il-kewkba tiegħu bħall-Maġi, qalbna “timtela’ b’ferħ kbir tassew” (Mt 2, 10).

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: