Irridu nfaħħruk, o Ġesù, fis-Sagrament Imqaddes, li wettaqt il-wegħda tiegħek li tkun dejjem magħna sal-aħħar taż-żmien. (3 sek pawsa)
Int ir-Ragħaj it-Tajjeb, li tħares lil ħajjitna. Żommna dejjem il-bogħod mid-dnub, ħalli ma nieqfu qatt infittxu li nagħmlu r-rieda ta’Alla. Għallimna nifhmu iktar il-valur tat-tbatija, għaliex it-tbatija ssaffi lir-ruħ biex tikseb il-grazzja li nimxu fuq il-passi tiegħek, fi triq li twassal għall-glorja tal-ferħ ta’ dejjem. (3 sek pawsa)
Meta Pietru, naqas milli jaċċetta d-duttrina tas-Salib, Int, o Sinjur, dort lejn l-appostlu għażiż tiegħek u għedtlu biex jitlaq minn quddiemek, għax kien qed jaħsibha ta’ bniedem li hu u mhux bħalma jaħsiba Alla. Hekk jiġrilna aħna, o Ġesù, t-tbatija, s-salib jekk jista’ jkun irridu naħarbu minnu, imma għinna ħalli dejjem inħarsu lejk, u bħalek naċċettaw is-slaleb tal-ħajja. (3 sek pawsa)
Bħalma s-serp li ttella’ fid-deżert, hekk Int ġejt merfugħ fuq is-Salib, biex dawk kollha li jħarsu lejn fis-Sagrament Imqaddes, ikunu jistgħu jfiqu u jitwaħħdu miegħek.
Permezz tal-merti infiniti tal-pjagi mqaddsa tiegħek, l’issa huma s-sbuħija tal-Ġenna, fejjaq o Mulej, lil kull persuna mjassra mid-dnub u mill-firda, biex il-paċi tiegħek, issaltan f’kull qalb għal tul is-snin.
Silenzju 2min.
Innu:___________________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 16, 21-27
F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.
Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.
Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1 min
Lanqas kienu għaddew ftit minuti minn meta Pietru stqarr b’fidi kbira li: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16), li ma tfixkilx quddiem it-tħabbira u tifsira ta’ x’Messija kellek tkun. Int ħabbart li mhux se tkun Messija tal-glorja jew Messija politiku, l-anqas Messija li jġorr u jagħti l-unuri ta’ din id-dinja; imma Messija li kellek issofri u tagħti ħajtek. (5 sek pawsa)
Għal din l-ewwel tħabbira tal-passjoni u l-mewt tiegħek, Pietru irreagixxa b’mod ta’ bniedem: “Mulej, ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” Kien ħafna diffiċli għal Pietru u għall-appostli li jilqgħu Messija tat-tbatija; għax jekk Int, o Ġesù, kellek tkun Messija tat-tbatija, Pietru u sħabu fehmu li anke huma bħala dixxipli, kellhom jieħdu sehem minn dan il-misteru tat-tbatija tal-Imgħallem; hu dan werwirhom. (10 sek pawsa)
Aħna wkoll nibżgħu mit-tbatija, u jekk jista’ jkun ma ngħaddux minnha aħjar. O Sinjur, wassalna li quddiem it-tbatija, mhux nitfixklu, imma nitgħallmu minnek, Inti, li f’għotja ta’ mħabba offrejt ħajtek għalina: sal-aħħar qatra ta’ demmek tajtilna, biex tifdi lil kull wieħed u waħda minna.
Silenzju 2 min
Mulej, Inti turina wkoll min hu d-dixxiplu veru: dak li lest li jiċħad lilu nnifsu, jiġifieri, jinsa lilu nnifsu, u jissaffa mill-egoiżmu tiegħu. Imbagħad jerfa’ salibu u jimxi warajk. U jien, O Ġesù xi kultant nippretendi li ngħix mingħajr salib! Jew nippretendi li fil-ħajja ma jkolli xejn li jtellifni! (5 sek pawsa)
Kemm nitfixklu quddiem is-salib tal-ħajja, u kemm inħallu lix-xitan jidħak bina. Huwa jipprova jurina li Int, o Sinjur, mhux veru interessat fina u mhux veru tħobbna, għaliex kieku ma tippermettix ċerti ċirkustanzi li nħossuhom tqal.
Imma Int, o Maħbub, urejtna lis-salib huwa mezz li jgħaqqadna iktar miegħek, huwa mezz ta’ qdusija. Ejjew nagħrfu kemm għandna bżonnok u kemm għandna bżonn l-għajnuna tal-qawwa tiegħek, b’mod speċjali fil-mumenti ibsin tal-ħajja.
Silenzju 2 min
Innu:_______________________
Talbiet tal-Komunitá
Nitolbu l-ħniena tal-Mulej fuqna u fuq id-dinja kollha, permezz ta’ dawn it-talbiet li se nagħmlulhu.
Kun Mulej mal-Knisja tiegħek, biex tkompli xxandar l-Evanġelju tiegħek lil ġnus kollha. Nitolbu.
Nitolbu għal dawk li għandhom is-setgħa, biex jagħtu l-għajnuna tagħhom u jaqtgħu l-għatx ta’ min qed iġarrab x’inġustizzja. Nitolbu.
Nitolbu għar-reliġjużi, biex ikomplu joffru lillhom infushom għal qdusija tal-umanità kollha. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej għall-morda kollha, kemm dawk li jinsabu fid-djar tagħhom, anke dawk li huma rekoverati fl-isptarijiet, biex isibu l-għajnuna li jeħtieġu fil-mard tagħhom. Nitolbu.
Agħmel Mulej, li aħna nkunu tassew dixxipli tiegħek li lesti niċħdu lilna nnfusna, nerfgħu s-salib tagħna u nimxu warajk. Nitolbu.
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna
Kant: Dal Misteru