Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > It-Tagħlima tas-sena 2016

It-Tagħlima tas-sena 2016


Patri Mario Attard OFM Cap

Jumejn biss ‘il bogħod minn bidu ta’ sena ġdida, sena oħra ta’ sfidi, u, fuq kollox, ta’ opportunitajiet, jgħaddu minn moħħi u minn qalbi ruxxmata ħsibijiet. Ħsibijiet li jħalluni nħammem. Imma mhux b’idejja fil-bwiet taċ-ċoqqa. Inkella marbuta. Qisni bħal wieħed vittma taċ-ċirkustanzi. Anzi! Dawn il-ħsibijiet iħolluni mill-moll tal-beżgħat u l-inċertizzi tiegħi ħa nbaħħar … Ħa nterraq …

Ċertament li s-sena 2016 kienet waħda mimlija b’avvenimenti kbar. Uħud minnhom sbieħ waqt li oħrajn anqas sbieħ. Inkella koroħ. Għad fadal oħrajn li għad irridu naraw l-effetti tagħhom. Jiġuni bħalissa l-avvenimenti sportivi, bħal, ngħidu aħna, l-olimpjadi li saru f’Rio de Janeiro fil-Brazil. Anki jekk avveniment bħal dan kien sabiħ żgur imma li l-aħbar tat-tixrid tal-virus Zika ċajpar xi ftit dawn il-logħbiet daqshekk mistennija. Imbagħad kellna wkoll ir-referendum li bih l-Ingilterra għażlet li toħroġ mill-Unjoni Ewropeja. Kienet ġurnata storika għall-Unjoni Ewropeja li rat l-ewwel pajjiż, li kienu ilu s-snin membru fiha, joħroġ minn ħdanha. Filwaqt li minix se nidħol fil-mertu politiku x’kien imissiha tagħmel l-Ingilterra nixtieq iżda nsemmi li dan l-avveniment ma seħħx waħdu. Marine Le Pen, li hija l-politiku Franċiża u president tal-Front Nazzjonali, li huwa partit politiku nazzjonali-konservattiv fi Franza, ħarġet bil-famuża għajta Frexit. Pajjiżi oħra li ħabtu jiddakkru minn dak li għamlet l-Ingilterra kienu l-Olanda, l-Awstrija, il-Fillandja u l-Ungerija. Fil-fatt, xi ġurnali internazzjonali, żiedu żewġ termini oħra minn dawk li diġà semmejt biex jissuktaw ifissru l-fenomenu; jiġifieri Nexit u Oexit.

F’din is-sena ġejna ilkoll maħsuda mill-attentat ta’ kolp ta’ stat fit-Turkija. Nhar il-15 ta’ Lulju 2016 il-kolp ta’ stat fit-Turkija immina bis-serjetà istituzzjonijiet statali, inklużi l-gvern u l-President Recep Tayyip Erdoğan. L-attentat ġie mmexxi minn fazzjoni fi ħdan l-Armata Torka li organizzat lilha innifsha bħala l-Grupp għall-Paċi fil-Patrija. Dan il-grupp ipprova jieħu taħt idejh għadd ta’ postijiet strateġiċi f’Ankara, f’Istanbul u f’għadd ta’ nħawi oħra tal-pajjiż. Iżda falla fit-twettieq tal-pjanijiet tiegħu minħabba li forzi lejali lejn l-istat għelbuh. Dan il-grupp qal li kien hemm tnaqqir fis-sekulariżmu, fl-eliminazzjoni tat-tmexxija demokratika, fit-tkażbir tad-drittjiet umani u fin-nuqqas ta’ kredibbilità tat-Turkija fix-xena internazzjoni. Il-Grupp qal li dawn kienu r-raġunijiet l-għaliex kellu jirrikorri għall-kolp ta’ stat. Il-gvern akkuża l-mexxejja tal-kolp ta’ stat li kienu ħaġa waħda mal-moviment Gülen, li r-Repubblika tat-Turkija tqisu bħala organizzazzjoni terroristika. Dan il-moviment huwa mmexxi mill-businessman Tork u kjeriku Iżlamiku Fethullah Gülen li, preżentement, qiegħed jgħix f’Pennsylvania fl-Istati Uniti. Erdoğan akkuża lil Gülen li kien il-moħħ wara l-kolp ta’ stat. Minn naħa tiegħu Gülen ċaħad l-involviment tiegħu. Il-President Erdoğan kien akkuża lill-Istati Uniti li qiegħdin jagħtu kenn lil Gülen. Il-ġrajjiet madwar il-kolp ta’ stat u t-tindif li sar wara wrew il-lotta ikkumplikata għall-poter li teżiżti bejn l-Iżlamisti u l-elite ultranazzjonalista fit-Turkija.

La ssemmiet l-Istati Uniti ma nistgħux ma nsemmux ir-rebħa storika li wettaq Donald Trump, il-businessman kbir Amerikan, fuq il-kandidata Demokratiku għall-White House, Hilary Clinton. Bil-għażla tiegħu fl-elezzjoni li saret nhar it-Tlieta 8 ta’ Novembru Trump sar l-45 president tal-Istati Uniti. Fl-età ta’ 70 sena Trump ġie elett bħala President. Storikament huwa l-ixjeħ President fl-istorja politika tal-Istati Uniti. Huwa se jibda’ l-mandat presidenzjali tiegħu nhar l-20 ta’ Jannar 2017.

Is-sena 2016 rat il-kontinwazzjoni traġika ta’ għadd ta’ gwerrer. Fosthom dik tas-Sirja, tal-Iraq u anki tal-Libja. Il-mewġa tar-refuġjati lejn l-Ewropa issuktat tikber ukoll. F’din is-sena rajna l-imwiet ta’ aktar persuni li għerqu fil-Baħar Mediterran. Dan il-baħar li, fl-antikità, serva biex fih tiġi mħaddma l-politika tal-Pax Romana, issa spiċċa jkun iċ-ċimiterju ta’ għadd kbir ta’ immigranti. F’din is-sena issuktajna naraw ukoll għadd ta’ attakki terroristiċi mhux biss f’artijiet fejn għaddej konflitt kbir imma wkoll, u b’mod speċjali, fl-Ewropa stess. Biżżejjed insemmu l-attakk terroristiku li seħħ fil-għaxija nhar l-14 ta’ Lulju 2016 fejn trakk li jiżen mas-19-il tunellata ġiet misjuq intenzjonalment minn Mohammed Lahouaiej-Bouhlel fuq folla li kienet qed tiċċelebra l-Jum Bastille, sewwasew fuq il-Promenade des Anglais f’Nizza. Dan l-attakk terroristiku ħalla mas-87 persuna mejta, inkluż il-persuna li wettqet dan l-attakk, u kif ukoll mal-434 persuna midruba.

Eżattament tnax-il jum wara, jiġifieri nhar is-26 ta’ Lulju, żewġ terroristi Iżlamiċi, Adel Kermiche u Abdel Malik Petitjean, attakkaw il-kongregazzjoni li, f’dak il-ħin, kienet qiegħdha tieħdu sehem f’quddiesa fil-Knisja Kattolika f’Saint-Étienne-du-Rouvray, fin-Normandija, in-naħa ta’ fuq ta’ Franza. Bi skieken f’idejhom u b’ċintorini bi splussivi finti, it-terroristi daħlu fil-Knisja u żammew sitt persuni bħala ostaġġi. Aktar tard it-terroristi qatlu wieħed minnhom, il-qassis ta’ 85 sena, Père Jacques Hamel, billi ħanxrulu gerżumtu. Korrew ukoll, b’mod serju, raġel ieħor ta’ 86 sena. Dawn iż-żewġ terroristi ġew maqtula mill-pulizija BRI (Brigade de Recherche et d’Intervention) waqt li kienu qiegħdin jippruvaw jaħarbu mill-Knisja.

Il-forzi tan-natura ħadmu mhux ftit matul din is-sena li qed tintemm. Nixtieq insemmi t-terremoti li saru f’diversi postijiet fiċ-Ċentru tal-Italja. Fit-terremot li sar nhar l-24 ta’ Awwissu, u li kellu bħala epiċentru tiegħu Amatrice, fih inqatlu mal-299 persuna. Il-postijiet l-aktar milquta b’dan it-terremot kienu Amatrice, Accumoli, Posta u Arquata del Tronto. Dan it-terrimot tant kemm kien qawwi li anki xi residenti f’Ruma, jiġifieri mal-170 kilomteru ‘l bogħod mill-epiċentru tiegħu, ġew imqajma mill-iskossi. Fit-terrimot li sar nhar it-30 t’Ottubru, fiċ-Ċentru tal-Italja ukoll, sfaw milquta l-inħawi ta’ Norċa, Preci u Castelsantangelo. Għalkemm ħadd ma miet f’dan it-terrimot madwar 20 persuna sfaw midruba. Fost il-bini li safa meqrud insemmu l-Bażilika ta’ San Benedittu ta’ Norċa, jiġifieri tal-Belt l-aktar qrib tal-epiċentru tat-terrimot. It-tehżiżiet inħassu saħansitra sal-belt kapitali Ruma fejn is-sistema tal-Metro intfiet. Barra minhekk, it-theżiżiet inħassu wkoll f’Venezja, fin-naħa tat-tramuntana tal-pajjiż.

Personalment l-akbar theżiża ta’ din is-sena ħaddtha nhar l-Erbgħa 16 ta’ Novembru 2016 meta wieħed minn ħuti l-Kappillani ta’l-Isptar Mater Dei, Patri Joe Saliba OFM Cap, miet ħesrem fil-Kappella tal-Isptar daqs tletin minuta wara li kien qaddes il-quddiesa li biha għalaq ix-xift ta’ billejl tiegħu. Din il-mewta għall-għarrieda ta’ Patri Joe għalija, li kelli l-grazzja li nkun l-ewwel minn fost il-Patrijiet li nagħtih l-għajnuna, kienet ta’ xokk kbir. Ix-xokk li ġarrabt fakkarni fil-kumment sabiħ li għadda l-Provinċjal tal-Patrijiet Kapuċċini, Patri Martin Micallef, fl-omelija tal-funeral ta’ Patri Joe Saliba OFM Cap, meta qal: “Il-mewta ta’ Fr Joe tfakkarna li l-mewt tagħna tiġi żgur ukoll: li ma nafux hu meta u kif!”

Inħoss li din hija t-tagħlima l-kbira li għallmittni s-sena 2016: ISSA huwa tiegħi! Mela ISSA għandi ċ-ċans nersaq lejn il-Mulej biex nitħabbeb miegħu, nitħabbeb ma’ ħuti l-bnedmin u, bħala konsegwenza, ngħix fil-paċi miegħi innifsi. La l-mewt tiġi żgur fuqi ħa naħsbilha. Qabel ikun tard wisq!

Mela, la ISSA hu tiegħi, ħa mmur inqerr qrara biex nibda’ s-sena 2017 bit-tajjeb. U int x’taħseb? Għax ma tagħmilx bħali?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: