Mis-6 għas-7


Patri Mario Attard OFM Cap

Is-Sena t-Tajba ħbieb!

Nawguralkom minn qalbi s-Sena t-Tajba mill-kunvent tagħna l-Kapuċċini u bit-tazza tal-grokk f’idi! Apposta għedtilkom tal-grokk u mhux tax-xorb: li ma jmurx taħsbuni sakranazz!

Intant! Issa r-raba’ numru dar! Minn 6 ġie 7. Veru? U dar f’nofsillejl. Iss ħej! Donnu lanqas minn nies m’għandu dan! Eh ħabib! Il-ħajja trid tibqa’ għaddejja. U ġieli tgħaddi anki minn fuq rasi u rasek. Aħseb u ara x’tagħmel mela minn ħajjitna stess! Kif taħratha! Imma issa ejja nitfgħu naqra t-tazza tal-grokk tiegħi u dik tax-xorb tiegħek fil-ġenb u nirraġunaw waħda flimkien. Ras im’bras. Ta’ żewġt iħbieb tal-qalb li aħna.

Ma’ bidu ta’ Sena Ġdida wieħed jinfetaħ għall-avventuri ġodda u toroq differenti. Il-ħajja hekk, titlob bidla. U bidla kontinwa. Inkella titbiel u tinxef! Bħall-fjuri! Biss il-ħajja għandha ukoll bżonn tal-għerf u d-dehen. Inkella tispiċċa qisha bieb bla żejt li l-ħin kollu jżaqżaq! U kemm idejqek hux bieb iżaqżaq! Almenu lili imarradni! Mela biex ħajjitna ma ssirx xi subscriber tas-sit elettroniku għalġolħajt.com importanti ħafna li nagħtuha naqra żejt tal-għaqal. Jien naf wieħed li għandu żejt veru tajjeb. Żejt li bih, ħajti u ħajtek, tkun tista’ taħdem aħjar. Almenu ma toħodilniex rasek u rasi biż-żaqżieq! Xi dwejjaq! X’ferneżija! Dan il-ħabib tagħna jismu s-Sur Dale Harbinson Carnegie (1888-1955). Is-Sur Carnegie kien espert fl-oqsma tan-negozju, tal-bejgħ, tat-taħdit pubbliku u tat-titjib personali. Ħa nħallik naqra f’idejh sieħbi ħa jtik naqra żejt hu! Il-mikrofonu għalik Sur Dale!

“Tibżax mill-għedewwa li jattakkawk. Ibża mill-ħbieb li jidilkuk bix-xaħam”. “Trid tkun taf id-differenza bejn apprezzament u dlik bix-xaħam? Faċli. Waħda hija sinċiera u l-oħra mhix sinċiera. Waħda ġejja mill-qalb ‘il barra u l-oħra mis-snien ‘il barra. Waħda hija egoista. L-oħra mhux egoista. Waħda hija ammirata kullimkien. L-oħra hija ikkundannata kullimkien”. “Tkellem ma’ xi ħadd fuqu nnifsu jew fuqha innifsha u jisimgħuk għal sigħat sħaħ”. “Meta qed tiddilja man-nies ftakar li mintix tiddilja ma’ ħlejjaq bir-raġuni iżda ma’ ħlejjaq li huma ankrati fil-preġudizzju u immotivati mill-kburija u l-vanità”. “L-ismijiet huma l-oħla u l-aktar ħoss importanti f’kull ilsien”. “Bil-ġlied qatt ma tieħu biżżejjed. Iżda meta iċċedi tikseb aktar milli tkun qed tistenna”. “L-għemejjel jitħaddtu b’mod aktar qawwi mill-kliem. Filwaqt li tbissima tgħid, ‘Togħġobni. Tagħmilni ferħan u ferħana. Jiena ferħan u ferħana li qed narak’”. “Huwa biss l-għerf li tuża li jibqa’ mwaħħal ma’ moħħok”. “Biex tkun interessanti kun interessat u interessata”. “L-għemil donnu jsegwi s-sentiment. Iżda l-għemil u s-sentiment imorru flimkien. U meta tirregola l-għemil, li huwa taħt il-kontroll dirett tar-rieda, aħna nistgħu, b’mod indirett, nikkontrollaw s-sentiment, li m’huwiex”.

“Int tagħmel aktar ħbieb f’xahrejn billi tkun interessat f’persuni oħra milli tagħmel f’sentejn billi tipprova iġġib persuni oħra interessati fik”. “Int ma tistax tirbaħ argment. Ma tistax l-għaliex jekk titilfu tkun tliftu u jekk tkun irbaħtu tkun tliftu”. “Kritika [distruttiva] hija perikoluża l-għaliex tferi l-preġju prezzjuż tal-persuna, tweġġa’ is-sens tal-importanza tagħha u tkabbar ir-riżentiment”. “Biex tirbaħ il-ħbieb trid tibda’ bil-ħbiberija”. “M’huwiex dak li għandek jew min int jew fejn int jew x’int tagħmel li jagħmlek ferħan jew imdejjaq. Huwa dak li int taħseb dwaru”. “Dak li dejjem jagħti biż-żewġ, anki l-aktar kritiku vjolenti, jibda’ isir ħelu u jċedi fil-preżenza ta’ xi ħadd li jisimgħu u jieħu paċenzja bih. Ta’ xi ħadd li jiskot u jħallih jitħaddet. Filwaqt li min il-ħin kollu jsib id-difetti l-għaliex ikun irrabjat jintefaħ bħas-sultan kobra u jarmi l-velenu ‘l barra mis-sistema tiegħu”. “Kabbar fil-persuna l-oħra xewqa kbira. Min jista’ jagħmel dan għandu d-dinja kollha miegħu. Min ma jagħmilx dan ikollu jimxi l-mixja waħdu”.

Dawn huma sempliċiment rigali għalik u għalija mingħand Dale Carnegie. Jekk trid ilqagħhom. Jekk le armihom. Imma, jekk imqar tieħu biss wieħed minnhom u tinżel fil-fond fih billi tgħixu ma taħsibx li l-bidla mis-6 għas-7 se tkun pożittiva għalik? … U għalija?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: