Eroj siekta


Patri Mario Attard OFM Cap

Bħalissa tgħidx x’hawn tal-passa! Prattikament lil kull min tisma’! Il-virus tal-influwenza veru tost ħej! La għandu djar, uffiċċini inkella kunventi. Mgħaddas li hu jagħmel kullimkien tiegħu u jiknes lil kull min isib quddiemu!

Mela, biex naqtagħha fil-qasir, l-influwenza għoġobha żżur il-kunvent fejn ngħammar. Taf li lanqas ma kellha l-ħila tagħfas il-buttuna tal-intercom biex tara jekk għandniex pjaċir biha! Le! Ma tarax! It-tosta qabdet u telgħet iżżurna fil-kmamar tagħna. U sabitna kif sabitna. Bħalma sabet lili, li kont qed nitħejja ħa nissokta ħidmieti ma’ ħutna l-morda fl-Isptar Mater Dei.

L-influwenza tallum hija tabilħaqq arroganti! Is-sinjura influwenza tallum m’għadhiex dik ta’ qabel fejn kienet timla’ l-imnieħer biex imbagħad, dak li jkun, jissofja u hekk jitbattal. L-influwenza tallum temmen fil-bullying. U tipprattikah tabilħaqq tafux l-għaliex tmur mill-ewwel fis-sider. Fil-bronki! Mela iġri għand it-tabib li ma jmurx, bħalma darba qal professur kbir tal-mediċina li kien żar pajjiżna, għad naslu f’punt li n-nies jibdew imutu bl-influwenza!

Il-mistura, l-antibijotiċi, il-post għas-sħana u l-mumenti tal-mistrieħ, dawn kienu l-ħwejjeġ li t-tobba qaluli nagħmel. Madankollu ma rridx le ninsa’ l-kontribuzzjoni dehebija taċ-ċittadini li tgħidx kemm saħquli: “Patri! Ħu l-misħun u fih itfa’ l-ġinġel, għasar il-lumi u itfa’ wkoll l-għasel. Ħallat kollox u ixrob. Ħa jqatta!” Saħanistra persuna ikkwutatli x’kien qalilha pedjatra mustaċċun li kellha Malta fejn kien taha parir li lil binha tagħasarlu l-lumi. Ħa jqattalgħu l-katarru. U hekk jitnaddaf mil-bili tal-influwenza. Ħaġa li għamlet u illum binha għadu ħaj u mimli bl-għomor. Alla jbierku!

Il-waqtiet fejn kelli nibla’ l-pilloli minħabba l-ħajta tad-deni ġagħlitni naħseb u naħseb. In-nuqqas ta’ saħħa li ħassejt f’dawn il-jiem ħadittni fl-imgħoddi. U, fis-skiet fejn l-arloġġ donnu waqaf jaħdem, bdejt nara, quddiem għajnejja bħal film, ġrajjiet sħaħ minn ħajti. Ġrajjiet fejn laqqgħuni ma’ nies kbar tal-mediċina li f’ħajti kienu ta’ barka kbira għalija. Għalkemm dawn in-nies m’għadhomx magħna imma, l-eżempju sabiħ li ħallewli, għadu tant miegħi li meta nħossni ma niflaħx niftakar fihom u nieħu tant kuraġġ! Biex ma ngħidx li dritt nibda’ nħossni aħjar!

Bħalissa, waqt li għadni kemm ħadt il-panadols kontra l-ħajta tad-deni li ħakmittni, jiġini l-eżempju mill-isbaħ tat-tabib Ġorġ Żarb. Fit-tmeninijiet, meta kont għadni daqxejn ta’ tifel, niftakar li t-tabib Żarb jieħu sehem fil-programm li kienet ittella’ Susan Malvaney Għalina n-Nisa fuq Xandir Malta. Tiftakruh? Kemm kont nieħu gost nismgħu jitħaddet! Bit-ton kajman tiegħu Dr Żarb kien ifiehem, bis-sabar kollu, lis-semmiegħa li kienu jiktbulu inkella jċemplulu, fuq għadd ta’ problemi marbuta mas-saħħa li kienu jiltaqgħu magħhom. Niftakar li Dr Żarb kien iħobb isemmi ħafna frazi li kienet sinonima miegħu: “Ikkonsulta lit-tabib tiegħek”. L-għaliex, għalkemm hu, ta’ tabib surmast li kien, kien jagħti l-viżjoni tiegħu tal-problema, kien jagħti mbagħad il-lok meħtieġ u neċessarju lit-tabib tal-persuna biex jagħti l-aħħar opinjoni hu tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-pazzjent/a tiegħu.

Kemm għamel ġid man-nies Dr Żarb mhux biss man-nies ta’ San Ġwann imma wkoll mal-Patrijiet tagħna! Fil-fatt, huwa kien it-tabib tal-kunvent. Għadni qisu issa narah għall-quddiesa tas-Sibt fis-6.00 pm fil-Parroċċa flimkien mas-Sinjura tiegħu. U, ġeneralment, kien dejjem jitla’ jaqra l-Ewwel Lezzjoni fil-Quddiesa.

Tobba oħra li għamluli ġid kbir f’ħajti kienu il-Professur Cachia u l-Professur Ferrante. Il-Mulej kien bagħat lil dawn iż-żewġ anġli biex bihom isalvali ħajti. Ta’ sitt xhur jiena laqqatt pulmonite. L-għażiża ommi tgħid li kienu daħħluni f’kamra f’St Lukes u għamluni f’borża hemm. F’kamra iżolata. Bis-saħħa ta’ dawn iż-żewġ tobba bravi u anki bl-istaff tal-isptar ta’ dak iż-żmien, il-ħanin Alla tani l-grazzja li għandi ħaj sallum! Meta tħadditt ma uħud li jifhmu fil-mediċina ntbaħt b’xi ħaġa straordinarja: għalkemm, f’dak iż-żmien, ma kienx hemm l-avvanzi tallum fil-mediċina, madankollu, fis-sempliċità, dawn it-tobba u infermiera kienu jagħmlu letteralment il-mirakli! Bħalma għamlu miegħi!

Niftakar bħalissa lill-iżpiżjar li kellna San Ġwann, is-Sur Ġużeppi. Kemm kien jifhem! U x’kapaċità kellu kif itaqqab tifel ta’ 5 snin. Għadni niftakru qisu issa, b’dik it-tbissima ħelwa u mimlija ħniena fuq wiċċu, kien jiġi itaqqabni d-dar. Miegħu dejjem kien iġibli pakkett jelly Tots mis-sofor. Tiftakruhom? Tant kemm kont drajtu li kont ngħajjatlu “z-Ziju Ġuż”. U bqajt nirrispettah sakemm għalaq għajnejh.

Dawn it-tobba u spiżjara kbar fakkruni f’tabib kbir ieħor li, tant kemm kien tabib fuq it-tobba, li ġie iddikjarat qaddis: San Giuseppe Moscati. Dottor Moscati ta ħajtu għall-pazzjenti li, b’tant imħabba, kien jaqdi. Il-ħlewwa, il-ġenerożità u l-ispirtu straordinarju tiegħu ta’ sagrifiċċju għamluh eroj kbir mal-morda. U, lill-morda, mhux talli ma kienx joħdilhom talli kien itihom minn tiegħu! Mhux biss mediċini b’xejn imma wkoll offerti ta’ flus. F’kull quddiesa li nqaddes dejjem insemmieh! U meta nsemmieh id-dmugħ iġelben ma’ ħaddejja. Insomma, un vero medico! Dottor Moscati kien iħobb jgħid lill-istudenti tal-mediċina li kien jgħallem: “Ftakkru li bil-mediċina intom ħaddtu responsabbiltà ta’ missjoni sublimi. Ipperseveraw mal-Mulej bil-qalb, bit-tagħlim ta’ missirijietkom u ommijietkom dejjem fil-memorja tagħkom, bl-imħabba u l-ħniena lejn il-batuti, b’fidi u b’entużjażmu, torox għat-tifħir u għall-kritika, magħluqa għall-għejra, disposti biss għat-tajjeb”.

Filwaqt li nifraħ minn qalbi lil dawk li ħadu unur ir-Repubblika ejjew niftakru wkoll f’dawn in-nies, inklużi l-kappillani fl-Isptarijiet tagħna, li ilhom snin sħaħ jaħdmu mal-morda u jservu r-repubblika tagħna. Ejjew nonorawhom ukoll. Dawn ħbieb huma eroj tabilħaqq … siekta!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: