Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Ejjew inkunu “perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”

Ejjew inkunu “perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”


Is-Sibt 18 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fiċ-Ċentru Pastorali tas-Sgħajtar, u ltaqa’ mat-tfal, żgħażagħ, ġenituri u katekisti fiż-Żona Pastorali tas-Sgħajtar.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Kappella Famlja Mqaddsa, Is-Sgħajtar, in-Naxxar.

L-aħħar vers tal-Evanġelju jgħid, “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5, 48).

Iżjed ma tikber fiż-żmien iżjed tinduna kemm din il-kelma ta’ Ġesù hija diffiċli, mhux faċli. “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”. Meta nkunu żgħar fl-età naħsbu li l-leaders tagħna: il-mamà, il-papà, Fr Ray, l-Isqof, l-Arċipriet Fr David, perfetti, imbagħad nibdew nikbru u nibdew narawhom jimxu bil-mod, ma jarawx, ma jisimgħux u ngħidu: “mela mhux perfetti perfetti dawn”. Int meta tikber tibda tinduna wkoll li għandek ħafna ħolm imma baqa’ ħolm!

Meta Ġesù jgħid “kunu perfeti” x’qed jgħidilna, u f’liema sens ‘perfetti’? Jgħinna billi jgħidilna “bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”. Dan ‘Missierna li hu fis-smewwiet’ min hu? Alla! Fil-fatt meta Ġesù għallimna nitolbu, x’għallimna ngħidu lil Alla? “Missierna li inti fis-smewwiet” (Mt 6, 9).

“Bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”. Ġesù meta jrid jitkellem fuq Alla, jgħidlu ‘Missierna’ mhux Missieri, ‘Missierna’ jew ‘Missierkom li hu fis-smewwiet’. Missierna li hu fis-smewwiet huwa Alla li huwa imħabba. Mela l-perfezzjoni tal-Missier li hu fis-smewwiet hija l-perfezzjoni fl-imħabba. Alla jħobb biss, ma jafx jagħmel mod ieħor. Iħobb biss! Għalhekk jaħfer, għalhekk jieħu paċenzja bina. Ġesù qed jgħidilna: “ħarsu lejn il-Mulej, lejn Missierna li hu fis-smewwiet” u nitgħallmu minnu.

Ġesù jieħu l-liġi tal-bnedmin u jgħidilna: “issa l-liġi tajba imma aħna rridu nagħmlu pass ieħor”. Ħa nieħdu l-ewwel liġi li jsemmi: “għajn b’għajn u sinna b’sinna” (Mt 5, 38). Xi tfisser? Jiġi xi ħadd, fl-antik mhux illum – ara ma tmorrux tgħalluni – u jagħtini daqqa ta’ ponn u nitlef sinna. Intom taqgħalkom meta tkunu qed tikbru, imma mbagħad meta tikber m’hemmx ċans, ma terġax tikber. Hu jagħmillek ‘garaxx’ hawnhekk fin-nofs. Il-liġi kienet tgħid: jekk għamillek garaxx issa nagħmlu lilu wkoll, naqlgħuli sinna. Din kienet importanti biex inti taqlagħlu sinna waħda biss mhux tnejn. Mela “għajn għal għajn, sinna għal sinna”. Jekk inti qlajtlu sinna waħda mhux taqlagħlu tnejn, “mela għajn għal għajn, sinna għal sinna” mhux immorru iżjed minn dak li tgħidilna l-ġustizzja, għax il-ġustizzja jekk għamilt il-ħsara tħallas għaliha.

“Għajn għal għajn sinna b’sinna”, “aħna allura rridu npattuha”. Dik kienet il-liġi li kienet diġà progress: li inti mhux żewġ għajnejn għal għajn waħda, imma “għajn għal għajn u sinna għal sinna”. Ġesù jgħidilna: “insewhom dawn l-affarijiet, itgħallmu aħfru lil xulxin”. Per eżempju, xi ħadd jgħajjarni, jiena l-ewwel sentiment, l-ewwel xi ħaġa li nħoss fil-qalb tiegħi li ngħajru, anzi nagħmillu iżjed, ħalli nurih! Jew inkella tkunu qed tilagħbu l-futbol intom is-subien, u xi ħadd jagħmillek fawl naqra goff. Inti l-ewwel ħaġa li tiġik f’moħħok li tgħolli saqajk biex tagħtih daqqa ma jinsieha qatt. Mhux hekk inħossu fil-qalb tagħna?

Ġesù qed jgħidilna: kalma, kalma. Jekk se nkomplu hekk bil-vjolenza, inġibu vjolenza oħra. Il-gwerer hekk jibdew; l-argumenti fil-familja minn dawk li mbagħad jaqa’ kollox magħhom; hekk jibdew b’argument żgħir, fjamma żgħira, issir ħuġġieġa li taħraq kollox. Ġesù qed jgħidlna: “isma’, mhux aħjar nkunu l-ewwel aħna li jieqfu?”. Orrajt, għajjarni imma jien mhux se ngħajru lura u dak li jkun ikun hemm xi ħadd irid iniggżek, jgħidlek: “prosit għalik, lanqas tkellimt int, lanqas irrispondejt, kemm inti ġifa!”. U inti tiftakar fil-kliem ta’ Ġesù. Dak ifisser konkretament meta Ġesù jgħidilna: jekk xi ħadd jagħtik daqqa, warrablu n-naħa l-oħra wkoll” (v, 39). Xi tfisser? Tirrispondix b’daqqa oħra. Ġesù jitkellem b’mod qawwi ħafna.

Kien hemm nies kbar li għamlu ħafna ġid billi ma rrispondewx bil-vjolenza. Intom għadkom żgħar u tikbru ’l quddiem imma aħna l-kbar niftakru meta fit-13 ta’ Mejju 1981 sparaw lill-Papa. Qatt smajtuha l-istorja meta sparaw lill-Papa San Ġwann Pawlu II? Ħaduh malajr malajr l-isptar lill-Papa u rnexxielhom isalvawlu ħajtu għaliex il-bullet peress li laqat ftit il-ponta ta’ subgħajh ma laqtitx lil qalbu għax kien imut żgur u kien irringrazzja ħafna lill-Madonna ta’ Fatima wkoll il-Papa San Ġwann Pawlu II.

San Ġwani Pawlu II għallimna l-maħfra tan-Nisrani. Tiftakru fl-istorja li mbagħad mar iżur lil Ali Agca? Qatt rajtu xi ritratt tal-Papa qed ikellmu bil-kwiet? Ma nafux x’intqal bejniethom u l-Papa ried jgħid b’dak il-ġest: aħna l-Insara ma npattuhiex, aħna l-Insara anke ma’ min ried joqtolni, għax il-Papa ma kienx hemm dubju Ali Agca qal: “jiena kont imħallas” – beda jgħid ħafna affarijiet imbagħad biex ma jaqbdux min – “biex noqtlu” Kien hemm nies li riedu li l-Papa jmut, ma jibqax jgħix imma Alla kellu l-pjan tiegħu.

(Ġesù fuq is-salib -) Għax aħna ngħidu: “kemm hu iebes il-kliem ta’ Ġesù”. Meta inti tħossha diffiċli biex taċċetta l-kelma ta’ Ġesù, taf x’għandna nagħmlu? Jien hekk nagħmel. Ngħid: “ħa nara Ġesù din il-kelma għamilhiex”. Għax inti faċli tgħid: “aħfer lill-għedewwa tiegħek, aħfer lil min jgħammillek il-ħsara”, imma Ġesù għamilha din? Meta lil Ġesù sallbuh fuq is-salib, x‘qalilhom, x’qallu lil-Missier li hu fis-smewwiet? “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). Ma qallux: “pattihielhom issa, ta!”. Ara Ġesù stess għamel dak li qalilna nagħmlu. Għamlu hu. Allura m’għandiex skużi.

Anke l-ewwel martri, l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù li miet martri, ħaġġruħ jiġifieri waddbulu l-ġebel sakemm miet. Kien jismu San Stiefnu; ngħidu mill-Milied sa San Stiefnu jiġifieri fis-26 ta’ Dicembru nagħmlu l-festa tiegħu. Hawn xi ħadd jismu Stephen, Stefania, Stefan. Hawn xi ħadd? Fejn qegħdin? Ħa narawkom, ċapċpulhom li jisimhom Stephen. Lil San Stiefnu huma u jħaġġruħ lill-Mulej qallu: “tgħoddulhomx dan” (Atti 7, 60). Qal l-istess kliem kważi li qal il-Mulej Ġesù. Ħafna martri, qabel ma mietu, ħafru lil min għamlilhom il-ħsara.

Anke Marija Goretti, tfajla ta’ 12-il sena, il-Papa għamilha qaddisa fin-1950, imma kienet tas-seklu li għadda. Mietet martri u qabel ma mietet, ma mititx mill-ewwel, damet ftit jien fl-isptar, kienet dejjem taħseb f’dak il-ġuvni li taha ħafna daqqiet tas-sikkina għax hi ma riditx tagħmel id-dnub. Riedha tagħmel id-dnub miegħu, hi qaltlu ‘le’, imbagħad tant irvilla li qabad u beda jagħtieha bis-sikkina u qatilha kważi imma ma mititx mal-ewwel. Qabel ma mietet baqgħet titlob ħafna għalih u meta saret qaddisa kien hemm, imbagħad ovvjament ikkundannawh u ħa l-ħabs talli qatilha, imma kien għadu ħaj meta hi saret qaddisa.

Nitolbu l-grazzja aħna l-Insara li dak li għamel Ġesù, nagħmluh aħna. Kemm ikollna okkażjonijiet: xi ħadd jgħajrek, qisu ma qallek xejn, xi ħadd għamillek il-ħsara u jiġi jgħidlek: “tista’ tgħini?” u tgħinu. Hekk inkunu “perfetti bħalma hu perfett Missierna li huwa fis-smewwiet”. Tridx nerġgħu naqrawha dik il-kelma ta’ Ġesù l-aħħar sentenza tal-Evanġelju? “Kunu, mela perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”. Bravi, verament tajtuni pjaċir, intom u l-ġenituri tagħkom.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: