Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > X’kummentarju dak!

X’kummentarju dak!


Patri Mario Attard OFM Cap

Nhar is-Sibt, 20 ta’ Settembru, meta pajjiżna kien qiegħed jiċċelebra waħda mill-festi nazzjonali tiegħu, fil-Knisja arċipretali ta’ San Pawl fir-Rabat, sewwasew fis-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinnhar, kienet qiegħdha tiġi iċċelebrata l-ħajja sabiħa tal-mibki Twanni Buġeja.

Għal min hu dilettant tat-tiġrijiet taż-żwiemel, bħali, Twanni huwa marbut sewwa mal-kummentarji sbieħ li kien jagħmel. Twanny ma kienx kummentatur kwalunkwe. Fil-kummentarji tiegħu kont tintebaħ bi tliet ħwejjeġ li jagħmlu kummentatur ta’ kalibru. L-ewwel nett l-isport li kien jikkummenta kienu jafu fuq ponot subgħajh. Kien jgħaġġibni kif kien jafhom iż-żwiemel! Wieħed mill-għeżież uliedu qalli li, waqt it-tiġrijiet, Twanny rari kien iħares lejn il-karta li kien ikollu quddiemu. Liż-żwiemel bil-ġerrejja tagħhom kien iqaxxarhom!

It-tieni ħaġa li tolqtok f’kummentatur ta’ veru hija l-intwizzjoni personali li jkollu fuq dak li jikkummenta. Twanny ma kienx sempliċiment jgħid x’qiegħed jara. Kien iħawwar dak li kien jara bir-riflessjonijiet tiegħu. Għalhekk kont nieħu gost nisimgħu jikkummenta! Twanny kien isammarni l-għaliex kien igħallimni nosserva bi ħsieb!

It-tielet ħaġa li Twanny kien imsemmi sewwa għaliha kienet il-passjoni li biha kien jikkummenta t-tiġrijiet taż-żwiemel. Kif nista’ ninsa’ dawk il-kummentarji sbieħ tiegħu meta, fil-qalba tas-snin tmenin, ġewwa l-Marsa kien jiġri l-magħruf żiemel Isard Du Pont? B’liema passjoni Twanny kien jikkummenta t-tiġrijiet ta’ dan iż-żiemel leġġenda u anki t’oħrajn! U illum, minkejja li għadda daqshekk żmien, għaliex dawk il-kummentarji għadhom iġebbduk minn idek u, bħal tifel żgħir, jgħidulek, kważi jibkulek, għax jitolbuk bil-ħniena: “Arani”? Minn fejn Twanny kien iġib dak in-nifs u s-saħħa li jikkummenta b’daqshekk ħrara?

Twanny Buġeja kien il-bniedem ta’ qalb kbira. Il-ġentlom. Il-bniedem li jirrispetta u jiċċajta ma’ kulħadd. Ir-raġel li kellu għal qalbu l-familja. Fejn tidħol din ma kien jidħol ħadd u xejn. Dan ir-raġel tar-rispett, li dejjem kien jaħseb f’uliedu u f’iben ibnu, Cedric, li kien il-mimmi t’għajnejh, kien iħobb jgħin u jaqdi lin-nies minn qalbu. Kien iħossha li kienet il-missjoni tiegħu li jkun ta’ għajnuna għall-oħrajn. Interessanti li din il-missjoni baqa’ jwettaqha bi mħabba kbira sal-aħħar ġimgħat ta’ ħajtu.

Dan il-bniedem ġeneruż, intwittiv u li fuqu tista’ isserraħ, kien imżejjen b’umiltà kbira. Il-qaddis li għalih kien imsemmi, Sant’Antnin ta’ Padova, kien iħobb jgħid: “L-ispirtu tal- umiltà huwa oħla mill-għasel u dawk li jmantnu ruħhom b’dan il-għasel jipproduċu frott ħelu”. U x’inhu l-frott ħelu li pproduċa Twanny?

Il-paċi. L-għaqda. Ir-rikonċiljazzjoni. Kemm bħala membru fil-kunsill lokali, segretarju tal-Malta Racing Club u anki fuq il-post tax-xogħol tiegħu, Twanny kien imsemmi għall-ġid kbir li għamel billi ipprova jibni pontijiet u jressaq lin-nies lejn xulxin biex isiru ħbieb. Bħala Franġiskan fi Twanny nara t-twettieq tat-talba attribwita lil San Franġisk t’Assisi, Mulej agħmilni strument tal-Paċi tiegħek.

Min jaf sewwa lil Twanny żgur li se jaqbel miegħi kemm dan il-bniedem ta’ paċi f’ħajtu ħeġġeġ l-imħabba fejn kien hemm il-mibegħda. Kemm ferrex il-maħfra fejn saltnet il-ħtija. Kemm daħħal il-fidi fejn il-ħajja ta’ persuni oħra iċċajpret bid-dubju. Kemm qawwa t-tama meta n-nies ta’ quddiemu kienu qiegħdin jittertqu bil-qtiegħ il-qalb. Kemm kebbes id-dawl tas-sewwa meta ħajjet ħaddieħor iddallmet bid-dlam tal-ħażen. Kemm xerred il-ferħ meta ħaddieħor ħasbu se jegħreq fin-niket.

U għaliex seħħlu Twanny jagħmel dan? Għax fittex li jfarraġ lil ħaddieħor qabel farrġu lilu. Fittex li jifhem lil ħaddieħor qabel stenna lil ħaddieħor jifhmu. Fittex li jagħti u mhux jistenna li jaqla’. Fittex li jaħfer minflok ma jistenna li ħaddieħor jitolbu maħfra.

Għażiż Twanny! Naf li bħalissa mis-sema qiegħed tgħidli: “Dan il-kliem ta’ tifħir agħtih lil Alla. Mhux lili! Imma, meta sirt tafni sewwa, int għedtli bit-tbissima fuq fommok: “Int bniedem partikulari!” Anki int Twanny! Int ukoll bniedem partikulari! It-tjubija, l-umiltà u s-sempliċità li hemm maħżuna fik jagħmluk bniedem speċjali! Ħajtek fejqan! X’kummentarju dak!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: