Jum kollu dawl


Patri Mario Attard OFM Cap

Hekk naqbad insejjaħlu jum il-Ħadd, 5 ta’ Marzu 2017. Jiġifieri l-jum li fih iċċelebrajna l-ewwel Ħadd tar-Randan. F’dan il-jum, li ma ninsieh qatt, il-qawwa tax-xemx ħanina li niżlet fuq il-Gżejjer Maltin kienet, (meta tqis iż-żmien tas-sena), tabilħaqq qawwija.

Għaliex nhar il-5 ta’ Marzu kien it-tmiem ta’ irtir mill-isbaħ li s-Soċjetà Patristika Maltija organizzat fis-Seminarju tal-Ariċsqof fir-Rabat. L-irtir infetaħ, ġie akkumpanjat u ngħalaq miċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. It-tema tiegħu kienet relevantissma: It-Tentazzjonijiet ta’ Ġesù. U, la Ġesù, li minn Alla sar bniedem bħalna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ġie ittentat, Hu li hu l-Qaddis, aħseb u ara int u jien mela kemm niġu ittentanti! L-esperjenza ta’ ħajjitna turina dan il-ħin kollu.

L-erba’ kelliema fl-irtir, jiġifieri Dun Mark Sultana, Patri Salvino Caruana O.S.A., Dun Jonathan Farrugia u Dun Hector Scerri, minbarra li kienu mħejjija sa snienhom, għaddewlna l-benna ta’ kif Ġesù affaċċja u rebaħ it-tentazzjonijiet tiegħu. U dan għamluh billi irreferew kontinwament għal testi mill-isbaħ li għaddewlna Missirijiet il-Knisja. Bħalma jgħallimni dejjem raġel li jħobb lill-Mulej bis-serjetà, huwa importanti li f’ħajjitna nkunu nafu min hu l-għadu tagħna, jiġifieri x-xitan.

Ejjew nagħmluha ċara: ix-xitan mhuwiex, bħalma jaħsbu xi wħud, xi simboliżmu tal-ħażen. Ix-xitan huwa fil-fatt qawwa personali tal-ħażen. Din il-preżenza giddieba, arroganti u, fuq kollox, qarrieqa. Ix-xitan jagħmel minn kollox biex iħajjar u jikkonvinċi. U, fejn kollox hu ċert, jiżra’ id-dubju ħa jiskredita. Ix-xitan, li jaf il-Bibbja ħafna aktar minni u minnek, jagħżel li jikkwota minn fejn irid minnha. Imma ċertu passaġġi, għalkemm jafhom, jaħbihom. Ma jikkwotahomx. Ħeqq! Ma jaqbillux! Għalhekk, u fil-verità, ix-xitan mhux kapaċi jitħaddet fuq il-Bibbja la l-ispirtu tiegħu ta’ gideb fih innifsu jikkuntrasta bil-kbir mal-ispirtu tal-Kelma ta’ Alla li hu l-ispirtu tal-verità.

Lil Ġesù x-xitan ittantah biex ikun spettakolari. U mela li tittanta lill-Iben ta’ Alla billi tgħidlu: “Ordna li dan il-ġebel isir ħobż” (Mt 4:3) mhix tentazzjoni għall-protagoniżmu? Għal din it-tentazzjoni Ġesù jibqa’ kalm. Għalih l-importanti mhux li jobdi lix-xitan imma lill-Missieru u Missierna. Il-qofol m’huwiex l-aptit imma s-sottomissjoni lejn il-Kelma ta’ Alla. Għalhekk Ġesù lix-xitan, għax jaf li hu gideb u qerq fih innifsu, ma jiddjalogax miegħu. Iżda jikkwotalu l-Bibbja stess li x-xitan ma jiflahiex. Iwieġbu: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’” (Mt 4 :4).

Jiena u int m’aħniex Kristu. Għalkemm, jekk inħallu lill-Ispirtu s-Santu jaħdem f’ħajjitna, bħalu jagħmilna. Imma jekk il-Mulej jaf li jiena u int nistgħu naqgħu għalfejn jippermettilna li niġu ittentanti? It-tweġiba jagħtihielna San Ġwann Krisostmu meta jagħtina ħames raġunijiet l-għaliex niġu ittentati. L-ewwel, biex bit-tentazzjoni aħna nitgħallmu li biha qegħdin nissaħħu. It-tieni, biex nibqgħu umli u ma nitkabbrux fuq l-oħrajn. It-tielet, bix-xitan stess, meta jarana li bit-tentazzjonijiet tiegħu aħna aktar infittxu lill-Mulej, jibda’ jaqta’ qalbu minna. Ir-raba,’ ħalli nissaħħu dejjem aktar permezz tal-prova. Il-ħames, biex aħna nagħrfu dejjem aktar il-kobor tal-grazzji li ngħataw u jingħataw lilna.

Waqt it-tentazzjoni l-biża’ u l-konfużjoni tal-mument iġġagħlna naqgħu għan-nasba tax-xitan meta jħarrfilna li l-Mulej qed iħallina waħedna f’dak il-waqt ta’ prova. Fil-verità jiġri bil-kontra! Il-Mulej ikun magħna biex iweżinna f’dik it-tentazzjoni. Din it-tweġiba jagħtihielna Santu Wistin f’test mill-isbaħ meħud minn Priedka 2, 6 tal-omeliji tiegħu Taħdidiet dwar is-Salm 90, meta jgħid: “Jekk int Nisrani u inti ta’ Kristu, taħseb li sejjer jitilqek issa? Ma bagħtlekx għajnuna? Taħseb int li dan it-Tabib sejjer joperak sabiex imbagħad jitilqek waħdek, hekk kif hu ma semax it-talba ta’ Pawlu, imma mbagħad iva semagħha.” Il-Mulej irażżan lix-xitan. L-awtur anonimu fix-xogħol tiegħu Opus imperfectum in Matthaeum jgħidilna: “Ix-xitan ma jistax jittanta l-Poplu t’Alla kemm irid. Jista jittantahom sakemm jippermetti Kristu jew l-Ispirtu s-Santu li jinsab fihom” (nru. 5).

San Ġwann Klimaku fil-ħames skaluna tas-Sellum li joħodna għand il-Mulej jgħidilna: “L-indiema hija bint it-tama u ċ-ċaħda tagħha hija bint id-disperazzjoni”. Ħa nindmu u hekk nagħmlu minn ħajjitna Jum kollu dawl! U biex tissokta tiddawwal ħa iddawwal nistiednek iżżur il-Facebook Soċjetà Patristika Maltija. Sir membru!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: