Kemm tħobbuni!


Patri Mario Attard OFM Cap

Aw ħbieb! Kemm isseggwuni! Dejjem niġri magħkom! Intom dejjem taqrawni! Il-messaġġi tiegħi donnhom jogħġbukom! Jinżlulkom għasel! Almenu hekk tagħtuni l-impressjoni!

Ġieli tħalluni fuq il-komodina. Eżatt eżatt ħdejn raskom. U, għalkemm tagħmluni silent, xorta waħda irrid inżarżrilkom dik iż-żarżira. U jekk ma nżarżarx jien min tridu iżarżar x’kull waħda tnejn? Jaqaw se jibqa’ iżarżar il-werżieq jew l-insetti l-oħra? Jekk kważi qtiltuhom kollha bil-pestiċidi li titfgħulhom? Imsieken!

Iż-żarżira tiegħi naf li tkunu qiegħdin tistennewha. Għid miskina lil dik it-tfajla li tkun għadha kemm għamlet l-ewwel date mal-għarus? Inkella lil dak il-ġuvni li ġġennen fuq waħda? U ma tarax li mhux se joqgħod kwiet qabel jirċievi mingħandha? Imbagħad hemm żarżir naqra waħda suspettuż. Iż-żarżir tal-ħabib u tal-ħabiba. Min jaf kemm-il darba jaħsduni għaliex jitfgħuni norqod meta naħbat inżarżar żarżiriet bħal dawn. Inkella jitfgħuni għar-rasi taħt xi mħadda. Addijo r-raġġ li nitfa’ li ma tantx jagħmlilhom tajjeb għal saħħithom. Imma m’hemmx tagħmel. Jekk ma rridux li l-affari titwal u teħxien mingħajr kontroll.

Imbagħad iż-żarżir tiegħi hawn min ikun qed jistennieh. Għaliex tgħidx kemm iġib ferħ! Tiftakru dik l-omm li tkun għadha kemm iġġieldet ma’ bintha? U, l-għaliex id-demm ma jsirx sehem, dik it-tifla, f’nofs ta’ lejl, toħroġni inkiss inkiss u, minn wara dahar Romeo, tafgħasni tnejn ħa tibgħat messaġġ sabiħ ta’ rikonċiljazzjoni? Kemm tifraħ ommha! Emmnuni, anki jien nitgħaxxaq nara dak il-wiċċ li, b’dawli, narah inixxi dmugħ ta’ ferħ. Għaliex x’hawn l-isbaħ mill-imħabba li taf tafħer, tħenn u tagħti ċans fil-ħajja. Veru?

Hawn min tant iħobbni li anki fit-toilet idaħħalni! Iridni miegħu anki hemm! Kos! Kemm jien importanti hux! Tafu li anki hemmhekk jużawni? Anki jekk il-post, biex ngħidilkom is-sewwa, ma jogħġobni xejn! Ma nafx. Donni nippreferi veduti isbaħ u aktar rifreskanti. Hemm ġew ikolli nibla’ nifsi! Mhux bil-fors jekk inkun qed inħossni mmut? U, qabel jinfetaħ dak il-bieb tal-ħelsien mill-ewwel jitfgħuni niġri fil-but. Inkella fil-¬¬handbag. Bil-mod Miss! Ċaqlaqtli l-ilma ta’ widnejja!

Ma kontx naf li f’Malta għandkom il-heros. Hawn min jiġi jaqa’ u jqum minn dak li jgħid il-Kappillan fil-quddiesa tal-Ħadd. Għaliex lili joħodni miegħu fil-Knisja u jħallini mixgħul. U jista’ jgħid il-qassis u l-patri biex jitfuni! Xorta mixgħul iħalluni! U, jekk mhux ukoll, bil-volum għoli! Issa xi tridni nagħmel jien jekk joqorsuni? Mhux ngħajjat x’kull waħda jkolli? Jekk il-ħin kollu hawn min jagħtini fuq rasi? Messaġġ u telefonata waħda wara l-oħra? Bla sabar? Mela, aħfirli Sur Kappillan! Nitolbok biex ma tberraqlix u ma toħodhiex miegħi! Imma iġbed waħda l-widnejn ta’ sidi u sidti. Dejjem jekk jogħġbok. Għax meta titkellem int dejjem joħodni fuq idejh u donnu jogħxa joqgħod jaqrani. L-aktar dik il-paġna kaħla kaħla li dan l-aħħar tgħallimt li jgħidulha Facebook! Jew dik, il-ħadra, li s-sinjorina X u s-sinjura Y iffissati fuqha. Eh dik! Tal-Whatz up!

Uff! Kemm tqabduli l-fawra bil-mistħija ħbieb! L-għaliex jien ma ġejtx ivvintat għalhekk! Biex inġib il-ġlied fir-relazzjonijiet jew il-problemi fil-vokazzjonijiet! Jiena ġejt ivvintat biex insewwi u mhux inħott. Inħit u mhux noftoq. Insewwi u mhux inkisser. Mela l-għaliex moħħkom biex tagħfsuni ħa tinsuletaw lil dik jew lil dak? Inkella biex theddu lil dawk u lill-oħrajn?

U bilħaqq, hemm biċċa xogħol oħra li tgħidx kemm qed tagħtini ġewwa bħalissa. Tafu li jien għandi daqsijiet differenti. U sirt niswa wkoll ħafna flus. Minn ftit ewro għall-eluf kbar. Imma, u jekk jogħġobkom, tħalluniex aktar nieħu postkom fuq il-mejda tal-ikel? Ħalliekom milli tieklu u toqgħodu tħarsu lejn wiċċi? Ngħid jien wiċċi x’fih sabiħ xi tħarislu? Mhux isbaħ il-wiċċ tal-mara? Jew tar-raġel? Inkella tat-tifel jew tat-tifla? Mhux aħjar it-tbissima tan-nanna? U l-par għajnejn sbieħ tal-għarusa u l-barbetti tal-għarus?

Naf li b’hekk qed ngħid xi ħaġa kontra tiegħi stess. Imma ma nistax ma nitħadditiex magħkom li tużawni. Tuni ftit nifs! Itfuni għall-mument! Daħħluni norqod meta tkunu fuq il-mejda tal-ikel. Jew meta tkunu qed titolbu inkella tkunu fil-Knisja. Minix importanti daqskemm taħsbuni! Tuni ħini u nagħtikom dak kollu li għandi. Imma tħallunix numbrakom. Tagħtunix aktar importanza milli għandi!

Hekk tagħmlu hekk tkunu qed tħobbuni. Bħalma nħobbkom jien. Il-mowbajl tagħkom! … U tiegħek!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: