Is-sufan


Patri Mario Attard OFM Cap

Is-sufan! Jinsab f’ħafna mid-djar. U, għaliex le, f’xi Djar tar-reliġjużi wkoll. Il-mistrieħ bżonn. Dejjem, għal min quddiem il-Kbir tal-kbarat, qed jagħti ħajtu għal ħaddieħor bid-dedikazzjoni f’xogħlu. U, ejjew ma ninsewx, li l-mistrieħ huwa kmandament tal-Mulej. Mela twaddablux ġebel ħabib! Iżda ħu ħsiebu kif imiss.

Is-sufan! Meta jkolli dak iċ-ċans nieħu gost bil-qabda ninżel fih. Ġismi, mikgħud b’dak il-mixi bla heda fl-Isptar, jitlobni bil-ħerqa li jiġi ġustament ikkumpensat. Jekk ma nagħmilx dak it-tip ta’ miexi li jagħmlu xi ħaddiema fl-Isptar dan id-diskors għalija jibqa’ għal kollox Grieg. Fis-sħab. U qatt, studjajt kemm studjajt, jew nippretendi kemm nippretedni li nifhem, mhu ħa nifhmu. Imma n-natura le! Dik dejjem il-verità tgħid. Leħinha jinstema’ mal-erbat irjieħ. Ma tigdibx. U, il-moħħ supperv u mniġġeż bil-preġudizzji tal-gideb, ikollu jbaxxi rasu aħmar nar quddiemha. U jilgħaq it-trab tal-art ukoll!

Is-sufan! Il-post tal-ħolm mingħajr imaġini. Il-post fejn jitfagħni norqod fil-fond. U joħodni f’postijiet vojta u li ma nagħrafhomx. Li naf hu li meta nqum tgħidx kemm inħossni mistrieħ. Għax is-sufan, kuntrarju għalik u għalija li nagħmlu eżami wieħed wara l-ieħor ta’ min jiġi quddiem wiċċna ħa kif u come, ma jagħmilx dawn il-mutetti. Is-sufan jilqa’ lil min joqgħod fuqu. U, ikun min ikun il-persuna, jagħtih is-servizz li għandu jagħtih.

Hekk is-sufan jilqagħni! U jien issa sirt ħabib tiegħu. Sirt inħobbu. L-għaliex huwa wieħed mill-ftit li nista’ tabilħaqq nafda fih. Fuqu nintelaq. U hu jwennisni. Ġieli, minn fuqu, aqta’ kemm nitgħallem ħwejjeġ! U anki films dirvententi li jimlewli biz-zokkor il-maggijiet tal-imrar li narahom għaddejja minn quddiemi, qishom f’purċissjoni waħda, meta nkun qed indur ma’ ħutna l-morda. Bħalissa qed infaqqa’ daħka fis-skiet. Għax, is-sufan, ilaqqagħni wkoll mas-soru! Tassew? Mela! Dik is-soru, Swor Angela, ta’ Dio ci aiuti. Bilħaqq! Issa wasalna in-numero 4! Is-sufan donnu jaf ukoll lil Massimo Giletti. Dak tal-Arena! Iva l-Italja kollha kulħadd għaddej jieħu bl-addoċċ il-vitalizzji, ċioè pensjonijiet fil-politika? Issa kull deputat sar intitulat għalih?

Bħalissa aqta’ x’daħka qed ifaqqa’ s-sufan! U mela dawk id-deputati li ilhom ipappuha s-snin minn fuq il-poplu Taljan beħsiebhom ikollhom il-kuraġġ li jiċħdu l-vitalizzju l-għaliex jgħidu: “Daqshekk! Il-vitalizzju ma rriduhx?” Taqta’ waħda, wieħed u xi tnejn bla ras. Imma l-oħrajn ma jridux. Iridu jibqgħu ipappuha. Hemm arah! Isimgħu! Agħmel stqarrija! Lest li jekk il-liġi toħroġ lest li jiċħad għall-vitalizzju! Insomma. Dak jarah il-Mulej! Il-fatt hu li l-money money money jogħġbu lil kulħadd. Anki lill-ewwel grupp appostoliku kienu jogħġbuh. Ġuda l-Iskarjota (u mhux l-Iskalora kif jiċċajtaw xi wħud), għall-money money money biegħ lill-Imgħallem tiegħu. Għax il-money money money huma l-iskalora tal-għasfur. L-ikel tal-bniedem li jrid jaħtaf! Vacuum cleaner!

Imnalla li s-sufan, meta nara dawn it-tip ta’ programmi, ibennini waħda sew minn tiegħu ħa norqod raqda fil-fond! U meta jqajjimni? Meta jiġi hu, Pippo Baudo! Domenica In! U hawn, is-sufan, nistħajlu jieħu f’idejh il-bakketta ta’ surmast. U ma nistax ma ngħidlux hekk. Bħalissa tiġini f’moħħi l-kantanta Paola Turci. Jiġifieri dik il-kantanta li, nhar il-15 ta’ Awwissu tal-1993, kellha dak l-inċident ikrah. Liema inċident Turci tfissru bħala t-tieni twelid tagħha. Nifhmek Paola l-għaliex, b’dak li qed tgħidli, daqqejtli n-nota s-siekta. Jien ukoll kelli inċident serju. Fija daħlu żewġ qattriet demm li żviluppawli f’attakk tal-qalb. U, biex ngħidlek, il-jum kien nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju 2012. Ta’ 39 sena kont sejjer in-naħa l-oħra bil-passaport mhux ittimbrat! Bla Shengen Paola! Insomma! Il-ħajja!
Madankollu nixtieq nirringrazzjak Paola tal-qlubija tiegħek li, minkejja l-inċident kbir li ġarrabt fuq l-autostrada Salerno-Reggio Calabria, mimlija ġrieħi u b’wiċċek sfigurat, fortunatament għal ftit żmien, għajnek il-leminija ġiet salvata mill-intervent tat-tobba. Anki jekk wara dak l-inċident kellek tgħaddi minn 12-il intervent kirurgiku ieħor. Biex ma nsemmix ukoll il-mitt punt f’wiċċek. Madankollu int bqajt għaddejja b’xogħlok ftit ġimgħat biss wara dan l-inċident.

Is-sufan! X’int komdu! Imma stenna ħej! Issa irrid nisma’ ukoll lilek, għażiża attriċi Alison Sweeney. Donnok ridt tgħidli xi ħaġa! Iva! “In-nies jaħsbu: ‘Oh! Qed inħobb lili nnifsi billi poġġejt bilqiegħda fuq is-sufan għal erba’ sigħat’. Ħobb lilek innifsek biżżejjed biex tqum!”

Hekk se nagħmel ara! Għax illejla ta’ billejl! “Kont marid u ġejtu tarawni” (Mt 25:36).

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: