Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Lejn kultura tal-laqgħa personali

Lejn kultura tal-laqgħa personali


Il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju 2017. Ħsieb li għamel l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, bit-tema “Lejn kultura tal-laqgħa personali”, waqt l-Adorazzjoni għall-Kleru fis-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù, fis-Santwarju parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana.

23.6 (2)

Wara li dan l-aħħar kelli okkażjoni nitkellem ma’ xi saċerdoti u naqra xi kitba ta’ oħrajn, inħoss li għandna bżonn naraw x’manwal ta’ ekkleżjoloġija qegħdin nużaw biex inkomplu naqdu lill-Knisja li tagħha aħna presbiteri. Għandi l-impressjoni li fostna hemm min għandu diffikultà biex jaħdem fuq il-manwal tal-ekkleżjoloġija li qed jagħtina l-Papa Franġisku; minflok, bħal donnu hawn min jippreferi l-ekkleżjoloġija ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II.

Qed nuża t-terminu “ekkleżjoloġija” għax “il-konverżjoni” li neħtieġu ma tirrigwardax id-duttrina – dik kienet u tibqa’ valida – imma hija waħda “pastorali”. Kif qal il-Papa lill-episkopat Latin-Amerikan fl-2013, “il-konverżjoni pastorali mhix ħaġa oħra għajr l-eżerċizzju tal-maternità tal-Knisja. Hija tnissel, tisqi l-ħalib, tkabbar, tikkoreġi, titma’ u taqbad id il-bniedem biex tgħinu jimxi. Għalhekk hemm bżonn Knisja li kapaċi tiskopri l-ġewwieni matern tal-miżerikordja. Mingħajr il-ħniena, ftit li xejn nistgħu ninfdu f’dinja mimlija persuni feruti li għandhom bżonn min jifhimhom u jgħinhom jagħmlu l-esperjenza tal-maħfra u l-imħabba”.

Nemmen li għandna nadottaw il-viżjoni ta’ Franġisku mhux għax ta’ qabel kienu żbaljati, imma għax inbidlu ż-żminijiet. Madwarna qed nassistu mhux għal bidla ta’ epoka imma għal bidla epokali! Ħamsin jew għoxrin sena ilu l-Knisja kellha approwċ pastorali, imma llum neħtieġu approwċ differenti li jikkorrispondi maż-żmien tal-lum.

Dan l-aħħar ġiet f’idejja intervista interessanti li dehret xi ġimgħa ilu f’La Crux ma’ Julian Carron, is-saċerdot li huwa responsabbli mill-Moviment ‘Komunjoni u Liberazzjoni’. Carron jgħid li min għadu ma fehemx li Franġisku huwa l-mediċina li neħtieġu bħalissa, ifisser li għadu ma għarafx il-gravità tal-marda. Qisu wieħed għandu kankru imma jibqa’ jgħid lilu nnifsu li għandu riħ, u flok il-kimoterapija jieħu l-panadol.

Nitqarrqu jekk nirriduċu l-kriżi li għandu l-bniedem illum għal sempliċi kriżi ekonomika, politika jew ta’ valuri. Il-kriżi hija ferm aktar profonda, għax tolqot il-ġewwieni ta’ dak li hu l-bniedem. Għandna nies li qed jistaqsu x’sens għandha l-ħajja, xi skop hemm li tifforma familja, u aktar… Uħud ma għandhomx aptit jgħixu, u għalhekk sempliċement jeżistu. Fenomenu komuni fost iż-żgħażagħ huwa li jibżgħu jaffrontaw il-futur! Jekk ngħidu li din mhix ir-realtà, allura ma nafux in-nies! Dawn huwa sitwazzjonijiet ġodda u ma nistgħux nibqgħu napplikaw il-mediċina li tajna lbieraħ.

Carron ġustament josserva li l-kriżi tinkludi aktar minn sempliċi ċaħda ta’ xi regola tal-etika. Jien konvint li mhux bilfors li min qed jagħmel għażliet li ma jidħlux fil-kwadru tal-morali tagħna jfisser li dan qed jaqa’ u jqum minn Alla. Jista’ jkun li għandna sitwazzjoni li qed tikxef kemm il-bniedem huwa kumpless! Għalhekk, dak li l-bniedem jeħtieġ mhux tant xi eżortazzjoni morali jew xi diskors teoloġiku għoli, imma li jiskopri l-qawwa attrattiva tal-Vanġelu u tal-ħajja Nisranija! Dan huwa li għamel Kristu – mhux tant bil-predikazzjoni daqskemm bil-laqgħat personali li kien ikollu man-nies kollha. “Meta daħal għand Żakkew, Kristu ma qagħadx jagħtih lekċer tat-teoloġija u lanqas qagħad jispjegalu l-liġijiet tal-morali. Il-verità kienet inkarnata fil-persuna tiegħu”. Waqt li “neża’” l-qawwa divina tiegħu, Ġesù ħalla l-verità tilma fl-attitudni tiegħu man-nies. Ġesù kkomunika l-verità bil-preżenza u bl-imġiba tiegħu kollha mħabba u mogħdrija! Meta l-bniedem ferut ġie f’kuntatt ma’ Ġesù u daq il-ħlewwa tal-kompassjoni tiegħu, dan beda jinteressa ruħu fih u fil-messaġġ sħiħ tiegħu.

It-triq tal-pastorali li qed jurina “Pietru” llum għandha isem: il-kultura tal-laqgħa personali! Meta telaq fuq din it-triq, Kristu inawgura bidu ġdid! Jekk bħala Knisja rridu ntellqu ħajja ġdida madwarna, din hija t-triq li għandna nterrqu: bil-kuraġġ “ninżgħu” minn ħafna affarijiet, inkluż il-psewdo-poter li jattribwulna, u nfittxu niltaqgħu mal-bniedem fl-ambjent tiegħu biex f’din il-laqgħa huwa jilmaħ il-ġmiel ta’ Kristu. Jekk nibqgħu nittratienu u niżbaljaw it-triq, allura verament ikollna Knisja marida f’soċjetà marida. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħinna nikkollaboraw aktar mal-Papa Franġisku.

Ħajr lil Francine Spiteri għar-ritratt.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: