Il-Papa Ljun XIV f’laqgħa mal-Awtoritajiet fil-Guinea

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Palazz Presidenzjali (Malabo)
It-Tlieta, 21 April, 2026

Sur President,
Distinti Awtoritajiet Ċivili
u Membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,

Insellmilkom minn qalbi u rrodilkom ħajr għall-kliem li indirizzajtuli.  Jien ferħan li ninsab fostkom, li qed inżur lill-maħbub poplu tal-Guinea Ekwatorjali.  Sur President, meta żar dal-pajjiż, il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien ideskrivih bħala “ċentru simboliku li fih l-aspirazzjonijiet ħajjin ta’ poplu jitlaqqgħu biex joħolqu klima soċjali ta’ libertà awtentika, ġustizzja, rispett lejn il-promozzjoni tad-drittijiet ta’ kull persuna u grupp, u kundizzjonijiet ta’ ħajja aħjar sabiex kulħadd ikun jista’ jilħaq il-milja tal-potenzjal tiegħu bħala persuna umana u bħala iben/bint Alla” (Indirizz lill-President tal Guinea Ekwatorjali, 18 ta’ Frar, 1982).  Dan hu kliem li għadu jgħodd u jisfida lil kulmin iġorr xi responsabbiltà pubblika.  Min-naħa l-oħra, “il-ferħ u t-tamiet, in-niket u l-uġigħ tan-nies ta’ żmienna, speċjalment ta’ dawk li huma foqra jew imnikkta, huma l-ferħ u t-tamiet, in-niket u l-uġigħ tas-segwaċi ta’ Kristu wkoll.  M’hemm xejn tassew uman li ma jsibx eku fi qlubhom” (Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 1).  Dawn il-kwotazzjonijiet mill-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes tal-Konċilju Vatikan II, jesprimu bl-aħjar mod ir-raġunijiet u s-sentimenti li jressquni lejkom, biex nikkonfermakom fil-fidi u nfarraġ lill-poplu ta’ din l-art li għaddejja minn trasformazzjoni mgħaġla.  Għax daqskemm fil-qalb ta’ Alla, daqstant ieħor fil-qalb tal-Knisja, jidwi l-eku ta’ kulma jiġri hawnhekk, fost miljuni ta’ rġiel u nisa li Ġesù Kristu ta ħajtu għalihom.

Intom tafu li Santu Wistin interpreta l-ġrajjiet tal-istorja fuq il-mudell taż-żewġ bliet: “Il-belt ta’ Alla” eterna, li l-karatteristika tagħha hi l-imħabba inkunidzzjonata ta’ Alla (amor Dei), kif ukoll l-imħabba lejn il-proxxmu, speċjalment il-foqra; u “l-belt tad-dinja” abitazzjoni temporanja li fiha l-bnedmin jgħixu sa ma’ jmutu.  Minn dil-perspettiva, iż-żewġ bliet jikkoeżistu sal-aħħar taż-żmien (cfr Il-Belt ta’ Alla, 19,14),  u kull maħluq, bid-deċiżjonijiet li jieħu fil-ħajja ta’ kuljum, ikun parti mill-waħda jew mill-oħra.

Jien naf li intom bdejtu proġett ambizzjuż li tibnu belt kapitali ġdida għall-pajjiżkom.  Għażlitu li tagħtuha isem li donnu hu eku tal-belt Biblika ta’ Ġerusalemm, Ciudad de la Paz (il-Belt tal-Paċi).  Jalla din id-deċiżjoni tixpruna lil kull persuna biex issaqsi lilha nfisha liema belt tixtieq isservi!  U kif kelli okkażjoni nfakkar lill-Korp Diplomatiku akkreditat mas-Santa Sede, skont il-kbir missier Santu Wistin, il-belt tad-dinja tiffoka fuq l-imħabba fiergħa tal-bniedem lejh innifsu (amor sui), fuq ir-regħba għall-poter u l-glorja tad-dinja li jmexxu lejn id-distruzzjoni.

B’kuntrast ma’ dan, Santu Wistin isostni li l-Insara għandhom sejħa minn Alla biex jgħammru fil-belt tad-dinja waqt li jżommu qlubhom u moħħhom iffukati fuq il-belt tas-sema, il-veru dar tagħhom.  Din hi l-belt li ġagħlet lil Abraham biex bil-fidi: “jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.  Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu ta’ l-istess wegħda; għax hu kien iħares ‘il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla” (Lhud 11:8-10).  Kull bniedem jista’ jibbenefika mill-għarfien antik li jgħix fuq l-art bħallikieku kien pellegrin.  Huwa essenzjali li niddexxrnu d-differenza bejn dak li jibqa’ u dak li jgħaddi, nibqgħu ħielsa mill-ġiri wara għana inġust u l-illużjoni tad-dominju.  Madankollu, b’mod partikolari: “in-nisrani li jgħix fil-belt tad-dinja mhux maqtgħuh mid-dinja politika, u jfittex li jadotta l-etika nisranija, ispirata mill-Iskrittura, fil-gvern ċivili.  Mhux l-għan “tal-Belt ta’ Alla” li tipproponi programm politiku, iżda joffri riflessjonijiet prezzjużi dwar kwistjonijiet fundamentali tal-ħajja politika u soċjali, bħat-tfittxija għal koeżistenza aktar ġusta u paċifika fost il-popli” (Indirizz lill-Membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat mas-Santa Sede, 9 ta’ Jannar, 2026).

Illum, it-tagħlim soċjali tal-Knisja joffri gwida lil kulmin irid jaffronta “ħwejjeġ ġodda” li jiddestabilizzaw il-pjaneta u l-koeżistenza umana, waqt li jagħti prijorità, fuq kollox, lis-Saltna t’Alla u l-ġustizzja tiegħu.  Din hi dimensjoni fundamentali fil-missjoni tal-Knisja: il-kontribut lejn il-formazzjoni tal-kuxjenzi permezz tax-xandir tal-Evanġelju, toffri kriterji morali u prinċipji etiċi awtentiċi – waqt li fl-istess ħin tirrispetta l-libertà individwali u l-awtonimija tan-nazzjonijiet u l-gvernijiet tagħhom.  Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tad-Duttrina Soċjali hi li lin-nies ittihom il-mezzi biex ikunu jistgħu jaffrontaw il-problemi li dejjem jevolvu; għax kull ġenerazzjoni hija unika, u ġġib magħha sfidi ġodda, ħolm ġdid u mistoqsijiet ġodda.

B’modpartikolari għandna quddiemna sitwazzjonijiet li jheżżu l-istess sisien tal-esperjenza umana. B’paralelliżmu bejn żmienna u żmien ir-Rerum Novarum tal-Papa Ljun XIII, kont sħaqt li “l-esklużjoni hi l-wiċċ il-ġdid tal-inġustizzja soċjali.  Id-distakk bejn ‘minoranza żgħira’ – 1% tal-popolazzjoni – u l-maġġoranza assoluta, kiber b’mod drammatiku.  Meta nitkellmu dwar l-esklużjoni nsibu quddiem wiċċna paradoss.  In-nuqqas ta’ art, ikel, akkomodazzjoni u xogħol dinjituz jgħixu flimkien mal-aċċess għat-teknoloġiji l-ġodda mifruxin kullimkien permezz tal-globalizzazzjoni tas-swieq.  “It-telefonija mobbli, in-netwerks soċjali kif ukoll l-intelliġenza artifiċjali jinsabu fil-bwiet ta’ miljuni ta’ persuni, inkluż il-foqra” (Indirizz lill-Parteċipanti tal-Laqgħa Dinjija tal-Movimenti Popolari, 23 ta’ Ottubru, 2025).  Bħala konsegwenza, huwa dmir kategoriku tal-awtoritajiet ċivili u ta’ politika soda li jħottu l-ostakli għall-iżvilupp uman integrali — missjoni msejsa fuq il-prinċipji fundamentali tas-solidarjetà u d-destinazzjoni universali tal-ġid.

Per eżempju, ma nistgħux ninjoraw li l-iżvilupp mgħaġġel tat-tekonoloġija li qed naraw iseħħ, ħaffef il-pass tal-ispekulazzjoni tal-materja prima.  Din il-bidla tidher li qed tieħu post prinċipji fundamentali bħalma huma ll-ħarsien tal-ħolqien, id-drittijiet tal-komunitajiet lokali, id-dinjità tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.  Rigward dan irrid inkun eku tal-appell tal-Papa Franġisku, li ħalliena eżattament sena ilu: “illum jeħtieġ ngħidu ‘le’ għal ekonomija tal-esklużjoni u n-nuqqas ta’ ugwaljanza.  Din it-tip ta’ ekonomija toqtol” (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 53). Fil-fatt, hu aktar evidenti llum minn qabel li l-firxa tal-kunflitti bl-armi spiss hi xprunata mill-isfruttament tad-depożiti taż-żejt u l-minerali, u qed issir bla ebda rispett lejn il-liġi internazzjonali jew l-awtodeterminazzjoni tal-popli.

Dawn l-istess tekonoloġiji spiss jidher li huma maħsuba primarjament għal skopijiet tal-gwerra, f’kuntesti li jonqsu mill-joħolqu opportunitajiet għal kulħadd.  Għall-kuntrarju, id-destin tal-umanità jinsab f’riskju li jisfa traġikament kompromess mingħajr bidla fir-rotta dwar ir-responsabbiltà politika u mingħajr rispett lejn l-istituzzjonijiet u lejn kull ftehim internazzjonali.  Alla dan ma jridux.  L-Isem qaddis tiegħu ma jistax ikun imżeblaħ mir-rieda ta’ min irid jiddomina, mill-arroganza u d-diskriminazzjoni; fuq kollox, qatt m’għandu jintuża biex jiġġustifika għażliet u azzjonijiet li jġibu l-mewt.  Jalla pajjiżkom ma joqgħodx jitlajja biex jevalwa t-toroq tal-iżvilupp tiegħu u l-opportunitajiet pożittivi billi fix-xena internazzjonali jieħu pożizzjoni minn ta’ quddiem għas-servizz tal-liġi u l-ġustizzja.

Pajjiżkom hu pajjiż żgħażugħ!  Tabilħaqq, jien ċert li fil-Knisja intom issibu l-għajnuna biex tiffurmaw kuxjenzi ħielsa u responsabbli, li jgħinukom timxu ‘l quddiem flimkien lejn il-ġejjieni.  F’dinja miġrugħa bl-arroganza, in-nies għandhom il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja.  Hemm bżonn ninkoraġġixxu lil dawk li jemmnu fil-paċi u li jażżardaw iħaddmu politika “ta’ kontra l-kurrent” – dawk li fiċ-ċentru ta’ kollox iqiegħdu l-ġid komuni.  Dak li hu meħtieġ b’mod urġenti huwa l-kuraġġ ta’ viżjonijiet ġodda u patt edukattiv li jagħti liż-żgħażagħ spazju u fiduċja. Il-belt ta’ Alla — il-belt tal-paċi — hija tabilħaqq milqugħa bħala don mill-għoli, ix-xefaq li lejh iddur kull aspirazzjoni nobbli tagħna.  Hija kemm wegħda kif ukoll kompitu.  L-abitanti tagħha “jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel” (Is 2:4). Wara li jnixxfu kull demgħa, se jieħdu sehem f’festa li mhix aktar riservata għal èlite, għax tkun mejda ta’ ikel fin b’laħam imsemmen u nbejjed ħelwin” (cfr 25:6) li tinqasam bejn kulħadd.

Sur President, Sinjuri, ejjew nimxu flimkiem bid-dehen u t-tama lejn il-belt ta’ Alla li hi l-belt tal-paċi.  Grazzi!

Miġjub għall-Malti  minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading