Omelija tal-Papa Ljun XIV f’Malabo

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, IL-KAMERUN, L-ANGOLA U L-GUINEA EKWATORJALI
(13-23 TA’ APRIL 2026)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Grawnd ta’ Malabo
Il-Ħamis 23 ta’ April 2026

Għeżież ħuti,

Nixtieq qabelxejn insellem b’affett lil din il-Knisja partikulari ta’ Malabo flimkien mar-Ragħaj tagħha u, fl-istess ħin, nesprimi minn qalbi l-kondoljanzi lill-komunità kollha arċidjoċesana, lil ħuti s-saċerdoti u lill-familjari għat-telfa, xi jiem ilu, tal-Vigarju Ġenerali tagħha, Monsinjur Fortunato Nsue Esono, li niftakru fih f’din l-Ewkaristija.

Nistedinkom biex ngħixu bi spirtu ta’ fidi dan il-mument ta’ niket u għandi fiduċja li, mingħajr ma naslu għal kummenti jew konklużjonijiet mgħaġġla, għad ikollna dawl sħiħ fuq iċ-ċirkustanzi tal-mewt tiegħu.

Il-kitbiet mill-Iskrittura li għadna kemm smajna jisfidawna, għax jistaqsu fuq kull wieħed u waħda minna jekk u kif nafu naqraw il-paġni bibliċi li llum qed naqsmu. Hija stedina tant serja daqskemm providenzjali, għax tħejjina biex naqraw flimkien il-ktieb tal-istorja, jiġifieri l-paġni tal-ħajja tagħna, li Alla jkompli jnebbaħ bl-għerf tiegħu.

Id-djaknu Filippu jidħol jieħu sehem fil-mixja ta’ vjaġġatur, li minn Ġerusalemm jerġa’ lura proprju fl-Afrika, u jistaqsih: “Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?” (Atti 8:30). Dak il-pellegrin, ewnuku tas-sultana tal-Etjopja, iwieġbu minnufih b’intelliġenza umli: “Kif nista’ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?” (v. 31). Hekk il-mistoqsija tiegħu ssir mhux biss appell għall-verità, imma espressjoni ta’ kurżità. Inħarsu b’attenzjoni lejn min qed jitkellem: huwa raġel għani, bħal art twelidu, imma lsir. It-teżori kollha li jamministra mhumiex tiegħu: tiegħu hu t-taħbit, li jmur għall-benefiċċju tal-oħrajn. Dan ir-raġel għandu intelliġenza u kultura, u dan jurih kemm fix-xogħol u kemm fit-talb, imma mhuwiex għalkollox ħieles. Dan l-istat tiegħu b’għafsa ta’ qalb hu mmarkat fuq ġismu: fil-fatt dan hu ewnuku. Ma jistax jagħti ħajja: l-enerġiji tiegħu huma kollha għas-servizz ta’ poter li jikkontrollah u jiddominah.

Proprju huwa u sejjer lura f’art twelidu, l-Afrika, li għalih saret post ta’ servitù, it-tħabbira tal-Vanġelu teħilsu. Il-kelma ta’ Alla, li għandu f’idejh, iġġib frott sorprendenti fil-ħajja tiegħu: meta jiltaqa’ ma’ Filippu, xhud ta’ Kristu msallab u rxuxtat, l-ewnuku jsir mhux biss qarrej tal-Bibbja, jiġifieri spettatur, imma protagonista ta’ rakkont li jinvolvih, għax jolqot proprju lilu. It-test sagru jkellmu u jqanqal il-mistoqsija tiegħu ta’ verità. Huwa b’dan il-mod li l-Afrikan jidħol fl-Iskrittura, li tilqa’ lil kull qarrej li jrid jifhem il-kelma ta’ Alla. Jidħol fl-istorja tas-salvazzjoni, li tilqa’ lil kull raġel u mara, fuq kollox lill-maħqurin, l-imwarrbin u dawk fl-aħħar post. Mat-test miktub issa jaqbel il-ġest mgħix: meta jirċievi l-Magħmudija, hu ma għadux iżjed barrani, imma jsir bin Alla, ħuna fil-fidi. Ilsir u bla dixxendenza, dan ir-raġel jitwieled għal ħajja ġdida u ħielsa f’isem il-Mulej Ġesù: għadna nitkellmu aħna llum dwar il-fidwa tiegħu, proprju aħna u naqraw l-Iskrittura!

Bħalu, aħna wkoll sirna Nsara permezz tal-Magħmudija, u writna l-istess dawl, jiġifieri l-istess fidi, biex naqraw il-kelma ta’ Alla. Biex nirriflettu fuq il-profeziji, biex nitolbu s-salmi, biex nistudjaw il-Liġi u nxandru l-Vanġelu bil-ħajja tagħna. Fil-fatt, it-testi bibliċi kollha jirrivelaw fil-fidi s-sens veru tagħhom, għax fil-fidi huma ġew miktuba u mgħoddija lilna: għalhekk il-qari tagħhom huwa att dejjem personali u dejjem ekkleżjali, mhux xi eżerċizzju solitarju jew sempliċiment tekniku.

Flimkien naqraw l-Iskrittura bħala ġid komuni tal-Knisja, bl-Ispirtu s-Santu bħala gwida, hu li kien l-ispirazzjoni biex ġiet minsuġa, u t-Tradizzjoni Appostolika, li ħarsitha u xerrditha fuq l-art kollha. Kif jistaqsi l-ewnuku, anki aħna nistgħu nifhmu l-kelma ta’ Alla grazzi għal gwida li takkumpanjana fil-mixja tal-fidi, kif kien id-djaknu Filippu, li “fetaħ fommu u beda minn din is-silta tal-Iskrittura jxandarlu l-Evanġelju ta’ Ġesù” (v. 35). Il-vjaġġatur Afrikan kien qed jaqra profezija, li seħħet għalih dakinhar kif isseħħ għalina llum: il-qaddej sofferenti, li dwaru jitkellem il-profeta Iżaija (ara Iż 53:7-8), huwa Ġesù, dak li permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu jifdina mid-dnub u mill-mewt. Huwa l-Verb magħmul bniedem, li fih issib il-milja tagħha kull kelma ta’ Alla: juri l-intenzjoni tal-bidu tagħha, is-sens sħiħ u l-għan aħħari tagħha.

Fil-fatt, kif jafferma Kristu, “ħadd qatt [ma] ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla” (Ġw 6:46). Fl-Iben, il-Missier innifsu juri l-glorja tiegħu: Alla jħalli lil min jarah, jisimgħu, imissu. Permezz tal-ġesti ta’ Ġesù, il-Feddej, hu jwetttaq fil-milja dak li jagħmel sa minn dejjem: jagħti l-ħajja. Joħloq id-dinja, isalvaha, iħobbha għal dejjem. Lil dawk li jisimgħuh, Ġesù jfakkarhom f’sinjal ta’ din il-providenza kontinwa: “Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert” (v. 49). Hekk hu qed jirriferi għall-esperjenza tal-eżodu: mixja ta’ ħelsien mill-jasar, imma li saret tlajjar li jegħji, fuq medda ta’ erbgħin sena, għax il-poplu ma emminx fil-wegħda tal-Mulej, u saħansitra beda jibki lill-Eġittu (ara Eż 16:3). Fil-fatt, taħt il-madmad tal-Fargħun, il-poplu kien jiekol il-frott tal-art; imma Alla jieħdu fid-deżert, fejn il-ħobż jista’ jiġi biss mill-providenza tiegħu. Il-manna allura hija prova, barka u wegħda, li Ġesù jiġi biex iwettaq. Flok dak is-sinjal antik issa jiġi s-Sagrament tal-Patt il-ġdid u etern: l-Ewkaristija, ħobż ikkonsagrat minn Dak li niżel mis-sema biex isir l-ikel tagħna. Jekk dawk li kielu mill-manna “mietu” (Ġw 6:49), min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem (ara v. 51), għax Kristu hu ħaj! Huwa l-Irxoxt, u jkompli jagħti ħajtu għalina.

Permezz tal-eżodu defenittiv li hu l-Għid ta’ Ġesù, kull poplu jiġi meħlus mill-jasar tal-ħażen. Waqt li niċċelebraw din il-ġrajja ta’ salvazzjoni, il-Mulej isejħilna għal għażla deċiżiva: “Min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem” (v. 47). F’Ġesù hi mogħtija lilna possibbiltà sorprendenti: Alla jagħti lilu nnifsu għalina. Jiena nemmen li l-imħabba tiegħu hi aqwa mill-mewt tiegħi? Meta niddeċiedu li nemmnuh, kull wieħed minna jagħżel bejn disperazzjoni ċerta u tama li Alla jagħmel possibbli. Allura l-ġuħ tagħna għall-ħajja u għall-ġustizzja jsib is-serħan fil-kelma ta’ Ġesù: “Il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (v. 51).

Grazzi, Mulej! Aħna nfaħħruk u nberkuk, għax int ridt issir għalina Ewkaristija, ħobż ta’ ħajja eterna, biex aħna stajna ngħixu għal dejjem. Proprju issa, għeżież, aħna u niċċelebraw dan is-Sagrament ta’ salvazzjoni, nistgħu nesklamaw bil-ferħ: “Kristu għalina huwa kollox!”. Fih insibu l-milja tal-ħajja u tas-sens: “Jekk tħossok mgħaffeġ qalb l-għawġ, Huwa l-ġustizzja; jekk teħtieġ l-għajnuna, Huwa l-qawwa; jekk tibża’ mill-mewt, Huwa l-ħajja; jekk tixtieq is-sema, Huwa t-triq; jekk tinsab fid-dlamijiet, Huwa d-dawl” (Sant’Ambroġ, De virginitate, 16, 99). Fil-kumpanija tal-Mulej, il-problemi tagħna ma jgħibux, imma jiġu mdawla: kif kull salib isib il-fidwa f’Ġesù, hekk fil-Vanġelu r-rakkont tal-ħajja tagħna jsib sens. Għalhekk illum kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: “Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi; ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu” (Salm 66:20). Hu jħobbna l-ewwel, dejjem: il-kelma tiegħu hi għalina Vanġelu, u ma għandna xejn aħjar xi nħabbru fid-dinja. Din l-evanġelizzazzjoni tinvolvina lkoll biex nibdew mill-Magħmudija, li hu sagrament ta’ fraternità, ħasil ta’ maħfra u għajn ta’ tama. Permezz tax-xhieda tagħna, it-tħabbira tas-salvazzjoni ssir ġest, issir qadi, issir maħfra: f’kelma waħda, issir Knisja!

Kif għallem il-Papa Franġisku, tassew “il-ferħ tal-Vanġelu jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 1). Fl-istess ħin, meta naqsmu dan il-ferħ inħossu iktar ir-riskju ta’ “diqa individwalista li tnixxi mill-qalb komda u xħiħa, mit-tiftixa marradija għal pjaċiri superfiċjali, mill-kuxjenza iżolata. Meta l-ħajja interjuri tingħalaq fl-interessi tagħha, ma jifdalx wisa’ għall-oħrajn, ma jkunx hemm fejn jidħlu l-foqra, il-leħen ta’ Alla ma tisimgħux iżjed, ma tgawdix aktar mill-ferħ ħelu ta’ mħabbtu” (ibid., 2). Quddiem dan l-għeluq kollu, hija proprju l-imħabba tal-Mulej li twieżen l-impenn tagħna, fuq kollox għas-servizz tal-ġustizzja u tas-solidarjetà.

Għalhekk inħeġġeġ lilkom ilkoll, Knisja li tgħix fil-Guinea Ekwatorjali, biex tkomplu bil-ferħ il-missjoni tal-ewwel dixxipli ta’ Ġesù. Aqraw flimkien il-Vanġelu, u hekk issiru ħabbara appassjonati tiegħu, kif kien id-djaknu Filippu. Meta tiċċelebraw flimkien l-Ewkaristija, tagħtu xhieda bil-ħajja tagħkom tal-fidi li ssalva, sabiex il-kelma ta’ Alla ssir ħobż tajjeb għal kulħadd!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading