Ir-Rużarju huwa katina twila li tgħaqqad flimkien is-sema u l-art.
(Santa Tereża ta’ Lisieux)
Kien dan il-kliem ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux li fl-2017 ispirana biex dak li huwa internazzjonalment magħruf bħala l-“Global Rosary Relay”, fi kliema niddefenuh bħala Katina ta’ Rużarju madwar id-dinja kollha. Isir kull sena fil-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù u l-intenzjoni hija dejjem waħda, dik li nitolbu flimkien għall-qdusija tas-Saċerdoti.

Illum, permezz tat-teknoloġija moderna nistgħu faċilment ningħaqdu flimkien f’din it-talba, mhux biss ma’ persuni oħra viċin tagħna, imma wkoll internazzjonalment. Għalhekk matul dak il-jum speċjali, meta l-Knisja tfakkarna fl-Imħabba kbira ta’ Alla, murija lilna mill-Qalb ta’ Kristu nnifsu, nistgħu aħna stess u l-komunitajiet tagħna, inkunu ħolqa oħra f’din il-katina dinjija spiritwali.
Diversi komunitajiet minn Malta u minn Għawdex, ilhom jieħdu sehem kull sena fil-Global Rosary Relay sa mill-2017. Sas-sena li għaddiet, kienu diġà ipparteċipaw bosta lokalitjiet, fosthom mis-Santwarji tal-Madonna tal-Mellieħa u tmien darbiet mis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fl-Għarb, darbtejn mill-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta, mis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ħaż-Żebbuġ, mill-Bażiliċi ta’ Marija Bambina fl-Isla u dik ta’ Marija Assunta fil-Mosta, mill-Knisja Parrokjali tal-Fgura, mill-Knisja ta’ San Ġużepp fil-Manikata u mill-Knisja Parrokjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien.
Ma’ dawn kien hemm ukoll is-saċerdoti li jgħixu fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkra, residenti minn San Vinċenz de Paule f’Ħal Luqa, studenti mill-Iskola Santa Monika fil-Ġżira, grupp ta’ persuni f’Dar Karmni Grima fl-Għarb, residenti minn Casa Leone f’San Ġiljan, tfal mill-Istitut ta’ San Ġużepp f’Santa Venera, grupp seminaristi mill-Kappella tal-Madonna tal-Ħerba f’Birkirkara, mill-Kappella ta’ Missio Malta fil-Mosta, mill-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat u mill-Kappella ta’ Santa Marija Madalena, Dingli.
Dawn kollha tista’ tara l-filmati tagħhom minn din il-paġna tal-Laikos … https://www.laikos.org/grr/
Din is-sena wkoll, fit-12 ta’ Ġunju 2026, minn pajjżina ser ikompli bl-impenn tagħna billi nieħdu sehem mill-ġdid, din id-darba minn ħames lokalitajiet oħra …
Mis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fl-Għatb.
Mill-Kappella tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Floriana,
Mill-Kappella tal-Università fl-Imsida,
Mill-Kappella tal-Isptar Mater Dei fl-Imsida, u
Mill-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamangia.
Meta toqrob id-data, tat-12 ta’ Ġunju 2026, tkun tista’ ssib aktar tagħrif dwarhom u dwar il-links minn fejn inti wkoll tkun tista’ tissieħeb, minn din il-paġna … https://laikosblog.org/2026/03/07/grr26/

Jekk jogħġbok ara wkoll https://www.worldpriest.com/ biex tara s-siti parteċipanti l-oħra kollha bħal tiegħek madwar id-dinja.