Omelija tar-4 Ħadd tal-Għid. Sena A. Jum il-Vokazzjonijiet

Minn D. Edward Vella

Fil-ħajja xi drabi jkun faċli li nagħżlu bejn dak li hu tajjeb jew ħażin għalina, xi drabi jkun diffiċli, u xi drabi niżbaljaw għaliex xi ħaġa li tkun ta’ ħsara għalina naħsbuha ta’ ġid u viċe versa. Li hu żgur hu li aħna l-bnedmin niżbaljaw u l-moħħ tagħna mhux dejjem jagħraf dak li huwa tajjeb jew ħażin. Kemm ikun għaqli l-bniedem li jieħu inkonsiderazzjoni l-fatt li huwa jista’ jiżbalja, ma’ jkunx supperv u jaċċetta b’umiltà il-fragilità tiegħu. Kemm hu għaqli l-bniedem li fid-deċiżjonijiet tiegħu dejjem idaħħal ’l Alla u l-għerf tal-Kelma tiegħu.

Pietru, fl-ewwel qari tal-lum, jiftaħ għajnejn il-poplu ta’ Iżrael dwar l-iżbal tiegħu, “… lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija”. Dawk li kienu umli biżżejjed biex jaċċettaw kelmtu ikkonvertew, iżda l-kapijiet, mogħmijin fis-suppervja tagħhom, għamlu lilu u lil sħabu dak li kienu għamlu lil Ġesù. Kemm hu għaqli l-bniedem li jagħraf dgħufijietu u jaċċetta l-grazzja tal-maħfra b’umiltà. “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom…”. Kemm hi kbira l-grazzja tal-maħfra t’Alla; kemm nirċievu barkiet għalina u għal oħrajn permezz tagħha, ‘il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom…’.

X’ħin nirriflettu fuq is-salm tal-lum tajjeb nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien min hu r-ragħaj tiegħi? U fid-dawl tal-Evanġelju, ‘jien il-vuċi ta’ min nisma?’ ‘…in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom’. Tajjeb li ma ninsewx dak li qalilna l-Mulej illum, ‘min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant… Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien.’ Nistgħu nxebbħu lil qalbna ma’ dak il-maqjel, u Ġesù huwa l-bieb. Dak li jidħol f’qalbna, jekk ma jkunx permezz ta’ Ġesù, żgur li l-lum jew għada jinbidel f’għadu. Niftakar dak li kien jgħid bniedem għaqli li jibża mill-Mulej, ‘Min ma jibżax minn Alla, nibża minnu jien’.

Fis-salm smajna wkoll, ‘Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi…’ Illum huwa jum il-vokazzjonijiet. Tajjeb niftakru li l-Mulej, il-ħidma tiegħu ta’ ragħaj illum iwettaqgħa permezz ta’ dawk li hu jagħżel f’ismu. Nitolbu għas-saċerdoti, reliġjużi u missjunarji u għal aktar vokazzjonijiet, biex il-Mulej ikun jista’ jibqa’ jmexxini lejn il-mergħat ta’ dejjem.

Mulej Ġesù nitolbuk minn qalbna biex tibqa’ tbierek il-Knisja tiegħek b’għadd sabiħ ta’ ragħajja li jħalluk tmexxina permezz tagħhom: nitolbuk ukoll biex issejjaħ ħafna żgħażagħ u tfal biex jisimgħuk tħabbat fuq qalbhom u jilqgħu s-sejħa tiegħek li jkunu saċerdoti, reliġjużi u missjunarji skont qalbek. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading