Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 2 Ħadd Avvent Sena A

Lectio Divina: 2 Ħadd Avvent Sena A


Vanġeelu:  Mill-Vanġeli u minn xi storiċi nafu li Ġwanni l-Battista kien raġel tajjeb, iħajjar lil Lhud biex jgħixu ħajja sewwa, ikunu ġusti ma’ kulħadd u jissottomettu ruħhom għal Alla. Kien jgħammed mhux bħala xi rit maġiku imma bħala espressjoni ta’ bidla fil-qalb u fil-moħħ.

Ġwanni ma jagħżilx il-belt imma d-deżert – il-post fejn Alla mexxa l-poplu tiegħu għal 40 sena biex jedukah.  40 sena=ħajja ta’ bniedem,  ġenerazzjoni sħiħa.  Ġwanni jistieden lil Lhud biex jiġu fid-deżert biex jerġgħu jiskopru t-tagħlim li Alla għaddielu hemmhekk.  Fid-deżert

  1. hemm il-kwiet fejn wieħed jista’ jidħol daħla fih innifsu u jirrifletti fuq x’inhu l-iktar importanti fil-ħajja. F’dan l-Avvent, Ġwanni jistieden lilna wkoll biex nieqfu ftit mill-ġenn tal-ħajja u nsibu ħin għal ftit silenzju biex, wara li nkunu rriflettejna fuq il-Kelma t’Alla, naċċettawha bil-qalb;
  2. issib dak li hu neċessarju biss. Il-ħwejjeġ żejda li għandna, jtaqqluna u jfixkluna milli nitgħallmu l-lezzjonijiet li Alla għadda lil Lhud fid-deżert, u b’hekk ma nkunux nistgħu ngħixu ħajja awtentika;
  3. m’hemmx wieħed aqwa mill-ieħor; kulħadd indaqs u fl-istess livell.  Ma tistax takkumula ġid għax l-art li timxi fuqha tkun tiegħek għal ftit ħin.  Fid-deżert ma tistax tieqaf  ħafna. Trid tibqa’ miexi lejn it-tmiem tal-vjaġġ.  Mela, l-art li tirfes illum, għada se tkun ta’ ħaddieħor.  Mela, biex nieħdu l-frott ta’ dan l-Avvent irridu nagħmlu dan il-vjaġġ spiritwalment.  Hekk biss inkunu nistgħu nilqgħu sew f’qalbna lil Ġesu Tarbija;
  4. ma tistax timxi waħdek għax tintilef. Trid timxi id f’id mal-membri l-oħra tal-kommunita.

Ġwanni jgħidilna:  “Indmu!” = inbidlu, ikkonvertu.  Mhux għal xi nuqqas new xi dnub venjal, imma wkoll irridu nbiddlu l-mod kif naħsbu. “Is-Saltna tas-Smewwiet waslet, qiegħda viċin”: mhux ġimgħa jew xahar ieħor imma ISSA.  Kulma trid, tiftaħ għajnejk sew u tmissha b’idejk.  Titlef  l-ebda opportunita biex tħaddan din is-Saltna ġdida billi tħobb kull ħin u kull mument.  Ġwanni mpinġi bħall-profeti ta’ qablu, x’jilbes u x’jiekol.  Kien jgħix ħajja iebsa, jikkuntenta biss b’dak li hu neċessarju.  Jikkundanna l-ħajja ta’ xalar u ħela kemm fi żmienu u wkoll fi żmienna.  Kulħadd kien imur ifittxu.  Xi wħud ħarġu mill-Ġudeja, li għalihom kienet l-art tal-liberta’ u kienet biżżejjed biex jirrejalizzaw ħajjithom (fulfilment).  Ġwanni jikkoreġihom: “Li tagħmilkom tassew liberi hi s-saltna l-ġdida, is-saltna ta’ Kristu, dak  li jien qed nindikalkom li hu l-veru Messija.”   Ix-xmara Ġordan ma kellha ebda mportanza ħlief li tifred l-art tal-iskjavitu mill-art ħielsa. Il-Lhud taħt Ġożwe’ kien temm l-iskjavitu tiegħu billi qasam din ix-xmara.  Ġwanni hawn iħajjar lill-Lhud: “Erġgħu ejjew fix-xmara għax għadkom skjavi tal-passjonijiet, vjolenzi, korruzzjoni, eċċ.  Meta tinħaslu minn dawn tkunu tassew ħielsa.”  Jekk aħna nagħmlu hekk ukoll inkunu nistgħu nilqgħu lill-Messija.  Forsi mhux skjavi tal-passjonijiet u vjolenzi, imma għandu mnejn dħalna f’rutina reliġjuża, bqajna naħsbuha kif konna nagħmlu dari, bqajna b’dak li tgħallimna fil-mużew u ma mmaturajna xejn.  F’dan l-Avvent ejjew ninqalgħu minn dal-istaġnar u nagħtu spinta ġdida u friska lill-ħajja spiritwali tagħna imnebbħin mill-Kelma t’Alla, l-Aħbar (ħaġa ġdida) it-Tajba.  Ejjew ma nikkuntentawx  bil-ftit – quddiesa, rużarju u daqshekk.  Ħa nħallu din l-iskjavitu, din ir-rabta tagħna mal-passat, biex niftħu widnejna għal-leħen tal-Messija li ġej biex iġeddidilna l-mod kif naħsbu fuq Alla u fuq kif qed ngħixu.  J’Alla jkollna l-umilta’ u l-kuraġġ li nammettu li għandna bżonn inbiddlu  din il-mentalita antika, biex naraw dawl ġdid li li se jagħmilna tassew ferħanin.  U meta ningħataw dan id-dawl ara li ma ngħalqux għajnejna għalih.

“In-nies stqarrew dnubiethom”.  Jekk aħna se nkomplu niskużaw ruħna tan-nuqqasijiet tagħna u ngħattu x-xemx bl-għarbiel, se nibqgħu skjavi.  Il-Fariżej u s-Sadduċej kurjużi biex jaraw għala Ġwanni qed jiġbed tant nies. Ħasbu li se jfaħħarhom tal-ħajja tajba li kienu qed jgħixu.  Dawn jirrapreżentaw in-nies tal-lum li ma jridux ikollom x’jaqsu mas-saltna l-ġdida u mal-Aħbar  Tajba li se tibda mal-miġja ta’ Kristu.  Ma jafdawx il-ħwejjeġ ġodda ta’ din l-Aħbar imma jħallu l-istatus quo, kollox kif inhu. Dawn jistgħu jkunu pagani bil-materjaliżmu tagħhom jew Insara effettwati mill-ħmira tal-Fariżej.  Ġwanni jsejħilhom lifgħat.  Javżahom li ġej in-nar tal-imħabba t’Alla li se jeqred id-dinja antika.  Il-Fariżej u s-Sadduċej (anki ta’ żmienna) se jiqfulu dan in-nar billi jiġġustifikaw il-pożizzjoni tagħhom.  Se jxerrdu u għadhom ixerrdu l-velenu tat-tagħlim qarrieq tagħhom.  Ġwanni jwissina kontra  dir-razza ta’ lifgħat, dal-velenu u l-ħmira tal-Fariżej.  “Kif se taħarbu mill-korla li ġejja?”  Dil-korla ta’ Alla mhix ħlief l-imħabba immensa t’Alla li, meta jara ‘l uliedu fil-periklu, jinvolvi ruħu mhux jibqa’ passiv.  Jindirizza n-nar fuq il-velenu mhux fuq il-persuni li jkunu qed ixerrduh.  Bin-nar ikun jixtieq isaffi lil dawn in-nies biex ikun jista’ jsalvahom.  “Agħmlu frott xieraq ta’ ndiema. Il-fatt li Abraham missierkom mhux se jiġġustifikakhom. Tridu temmnu u timxu fuq l-eżempju tiegħu u tal-profeti l-oħra.”  Anki llum għandna profeti li jwasslulna l-messaġġi mis-sema, biex nikkonvertu u nibdew ngħixu l-Ġenna minn issa. “Ġa riġlejna qegħdin fi bwiebek, Ġerusalemm.” (Ps 121). Il-mannara hija l-Kelma t’Alla li tinfed il-qlub biex taqla’ l-ħaxix ħażin li jkun rabba’ l-għeruq hemm.  Dal-ħaxix ħażin mhux il-persuna, li jrid jinxteħet fin-nar. Ir-riħ fil-midra wkoll huwa l-Kelma, li ttajjar minn ġo nofsna l-fama, l-egoiżmu, s-suppervja, eċċ u tħalli l-essenzjal, i.e. il-qamħa li tikber bla xkiel biex tagħti l-frott. “Jien ngħammed bl-ilma, imma issa ġej wieħed li se jgħaddasna fl-Ispirtu Qaddis, Spirtu Ġdid, mimli bil-qawwa t’Alla li hi l-istess Imħabba, li se jkeċċi minn ġo fina l-ispirti ħżiena biex inkunu nistgħu nipparteċipaw minn issa fil-Ħajja Divina, u ngħixu skond ir-Rieda t’Alla, i.e. li nħobbu kif iħobb il-Missier Etern.

 

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: