Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 3 Ħadd tal-Avvent Sena A

Lectio Divina: 3 Ħadd tal-Avvent Sena A


Vanġelu: Ġwanni priġunier fil-fortizza Makeronte ta’ Erodi, li kienet fuq quċċata ta’ muntanja lil hinn mill-Baħar Mejjet.  F’din il-fortizza kien hemm is-sala fejn żifnet Salome u talbet ras Ġwanni.  Erodja riedet toqtol lil Ġwanni għax kien perikoluż u n-nies kienu jżommu miegħu meta jixliha li kienet qed tiddradixxi lil żewġha.

Erodi jarresta lil Ġwanni kemm għax kien qed isir popolari wisq u kemm biex jipproteġih minn Erodja, u jżommu taħt għajnejh.  Erodi kien joqgħod jisimgħu u kien jittrattah tajjeb.  Kien iħalli d-dixxipli tiegħu jiġu jarawh.  Dawn kien jtarrfulu x’qed jgħid u x’qed jagħmel Ġesu.  Xi ftit jew wisq Ġwanni kien imdakkar mill-ideja antika tal-Messija, sa minn ċkunitu. Sema’ li mhux talli ma jikkundannax lill-midinbin, imma li jmur jiekol magħhom.  Kien ukoll ħabib tal-pubblikani.  Mhux ta’ b’xejn li daħallu dubju fuq Ġesu.  Barra minn hekk kien jaf  Is. 61: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi …. nagħti l-ħelsien lill-ħabsin”.  Meta se jiġi biex jeħles lili? Mela jibgħat lid-dixxipli jsaqsu ‘l Ġesu: “Int li kellek tiġi jew nistennew ieħor?  Għaliex m’intix aħrax mal-midinbin? Dawn mhux għall-infern?  Titkellem biss fuq l-imħabba u l-maħfra. Messija bħal dan qed jgħaġġeb lil kulħadd, u forsi mhux ġej mis-sema.”  Il-kontra: Messija li ma jgħaġġibx mhux awtentiku.

Ġesu ma jirrabjax. Ma jgħidx lil Ġwanni: “Meta ġejt fil-Ġordan int għaraftni bħala l-ħaruf t’Alla.  Issa x’ġara?”  Le. L-anqas ma jgħid hekk lilna meta jkollna xi dubji fuq il-Fidi. Dawn jgħinuna naħsbu, insaqsu, nitolbu parir, nitolbu iżjed.  Bla dubji ta’ xejn fuq il-fidi, ikollna ċertezza assoluta.  Din tista’ twassalna għall-fanatiżmu.  Meta nkunu ċerti, aktarx ikun ifisser li qed ninterpretaw xi jfisser Messija skond il-fantasija u l-kriterji tagħna biss.

Ġesu jgħid lid-dixxipli: “Morru għidu lil Ġwanni dawn is-6 sinjali li juru li l-Messija wasal tabilħaqq.  Fejn jasal il-Messija jinbidel kollox,  jibda ordni ġdid mhux bir-raġunar biss imma bil-fatti.  Aħna ltqajna mal-Messija u nbdilna bil-fatti, jew bil-paroli u r-raġunar biss?

  1. L-Għomja – dawk li tilfu l-orjentament, jimxu mal-kurrent u ma jafux fejn se jispiċċaw. Meta jiltaqgħu mad-dawl ta’ Kristu jibdew jaraw biex jgħixu l-ħajja tal-fidi.
  2. It-torox – dawk li ma jisimgħu lil ħadd ħlief il-vuċi tal-egoiżmu u l-passjonijiet tagħhom. Kif jisimgħu u jaċċettaw il-vanġelu, jibdew il-mixja tal-ħajja awtentika.
  3. Iz-zopop – dawn imxekklin fil-mixja tal-ħajja b’ħafna skużi u nganni. Sa jidħku bihom infushom. Il-vanġelu jgħinhom jaqbdu t-triq it-tajba b’pass regolari.
  4. L-imġiddmin – dawk li jistħu minnhom infushom għax koroh. Il-ġdiem huwa simbolu tad-dnub.  Il-midinbin kbar (qattiela, il-vjolenti, eċċ) iħarsu lejhom bl-ikrah, jiskartawhom u jobgħoduhom.  Kif iħaddnu l-vanġelu ifiequ u tmurilhom il-kruha.  Jibdew jiddu bil-ħajja l-ġdida tas-Saltna t’Alla.
  5. Il-mejtin – mhux tal-oqbra imma dawk li rrifjutaw il-Kelma t’Alla. La darba jilqgħuha f’qalbhom u f’moħħhom, jirxuxtaw.
  6. Il-fqar – dawk irrifjutati minn kulħadd, l-iskart tas-soċjeta. Dawn se jirċievu l-Aħbar it-Tajba – li Alla jħobbhom.

 

Aħna rridu nieħdu dawn is-sinjali bħala prova li s-Saltna t’Alla bdiet tassew u qiegħda f’nofsna.  “Hienu hu min ma jitfixkilx imħabba fija.”  Min jibqa’ bl-ideja antika ta’ Alla ġust, aħrax, vendikattiv, eċċ se jiskandalizza ruħu meta jara ‘l Alla jaħfer lil min qatel lil ibnu, lill-ħalliel it-tajjeb, eċċ.

“IL-ĠUSTIZZJA  T’ALLA   HIJA ĦANINA.  IL-ĦNIENA T’ALLA HIJA  ĠUSTA.”

(Papa Franġisku – f’għeluq is-sena tal-Ħniena).

Qasba tixxejjer mar-riħ – dak li jġib ħafna skużi u jdur bħall-pinnur, p.e. “għax iż-żminijiet inbidlu” .  Ċertu tagħlim ma jinbidel qatt.

 

 

REF:  lachiesa.it / liturgia/  data / cerca/omelie/padre fernando armellini.

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: