Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 4 Ħadd Avvent Sena A

Lectio Divina: 4 Ħadd Avvent Sena A


Vanġelu:  Ir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesu skond Mattew hu differenti minn ta’ Luqa. It-tnejn m’għandniex neħduhom biss bħala rapporti ta’ ġrajjiet storiċi minn ġurnalisti, imma nfittxu l-messaġġ ċentrali.  Għal ħafna snin, Israel kien jistenna l-Messija; u meta kien jinqala’ xi għawġ, kienu jippretendu l-Messija jiġi u jidħol għalihom.  Il-Messija …

  1. għas-Sadduċej kellu jżomm l-ordni
  2. għall-Fariżej kellu josserva t-Torah
  3. għall-Esseni kellu jmexxi l-ġlieda ta’ ulied id-dawl kontra ulied id-dlam
  4. għaz-zeloti kellu jkeċċi r-Rumani minn pajjiżhom.

Ħadd ma basar li l-Messija se jiġi mill-Galileja, art nofsha pagana, b’Lhud mhux totalment puri.  Aħseb hu ara kemm stennew Messija li jispiċċa fuq salib.  Għalhekk Mattew jafferma li “Ġesu Kristu hu tabilħaqq il-Messija.  Tistennewx ieħor.”

Dak iż-żmien l-għarajjes kienu jidħlu taħt tinda (ħubba) u jiffirmaw il-kuntratt taż-żwieġ. L-għarus jgħatti ras l-għarusa bil-velu tiegħu tat-talb (talitt) u jgħid:  “issa inti marti”.  U hi twieġeb: “Issa inti żewġi.”  Iżda kienu jistennew sena biex imorru joqgħodu flimkien. Kienu jkunu żgħar – hi bejn 12 u 14-il sena u hu 15-16.  Ikollom bżonn jimmaturaw ftit.   Marija qatt ma għamlet vot tal-kastita, kif  ġieli qalu xi wħud.  Kien f’din is-sena li Marija saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Għalkemm dan huwa l-misteru tal-Inkarnazzjoni, hemm bżonn nifhmu li din “il-ħidma” m’hijiex is-sostitut maskil ta’ tnissil uman kwalunkwe.  Hija l-Qawwa Krejattiva u Divina minn Spirtu s-Santu. (It-tejoloġi jgħidu minn mhux tal-).  Il-messaġġ qawwi hawn hu li Ġesu ma kienx biss uman imma Divin fl-istess ħin.

Ġużeppi kien ġust – allura qatt m’għaddielu minn rasu li Marija naqset mill-fedelta.  Jaf li ġara xi ħaġa imma ma setax jispjegaha.  Tħawwad u ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel.  Iddeċieda li jħalli lil Marija fil-liberta, biex iżomm kollox fil-kwiet, jevita tpaċpiċ fil-vojt u għagħa li jġib il-konfużjoni,  u jagħmel minn Marija spettaklu pubbliku.  Għsl-Lhud, ġust kien wieħed li josserva t-Torah.  Skond din il-liġi, Ġużeppi kellu d-dmir li jirraporta din l-infedelta.  Ġużeppi jagħżel li ma jimxix ma’ dil-liġi għax immexxi minn ġustizzja oħra: dik tal-imħabba –  din l-istess ġustizzja li aktar tard xandar Ġesu, li hi aqwa mill-ittra tal-liġi.

Ġesu se jkun magħruf bħala iben Ġużeppi.  Aħna ngħidu putattiv, i.e. ma kienx il-missier bijoloġiku ta’ Ġesu.  Imma raġel li jrabbi tifel u jrawmu fil-valuri tal-familja, rispett, imħabba tal-proxxmu, eċċ, xorta jistħoqqlu t-titlu ta’ missier.  F’Ġużeppi Ġesu kien jara mudell ta’ kif ikun raġel tal-affari tiegħu, bħal missier kif kellna ħafna minna.  F’din il-persuna aħna (u Ġesu bħalna) rajna ir-rifless tal-Missier Etern.  Ġużeppi ġie msejjaħ mis-sema għax żgur kien l-aħjar bniedem biex jaqdi dan ir-rwol.

Il-Mulej ma ħalliehx waħdu lil Ġużeppi.  Irrivelalu x’kien ġara – din opra qaddisa.  Kif irrivelalu ma nafux.  Peress li dak iż-żmien il-bniedem kien iħoss li hemm baħar jaqsam bejnu u bejn Alla, l-awturi kienu jużaw il-forma ta’ anġlu (messaġġier) mibgħut minn Alla.  F’ħolma: din hi forma letterrarja (metafora) li tfisser rivelazzjoni tar-rieda t’Alla (e.g. Ġużeppi fl-Eġittu, Salamun meta talab l-għerf, Ġużeppi biex jaħrab minn Erodi, eċċ). Ġużeppi, li f’ħajtu dejjem fittex biex jogħġob lil Alla, issa jaf x’għandu jagħmel: ibaxxi rasu għar-rieda t’Alla u jieħu lil Marija għandu mingħajr ma jlissen kelma oħra.  Meta ngħidu il-biża’ t’Alla din hi:  li tbaxxi rasek u taċċetta r-rieda t’Alla li kull tant tkun iebsa u kull tant xi ftit tal-biża’.  Bl-Ebrajk, “Jexa” = issalva.  “Ġesu” ġejja minn Jeħuxuha jew Joxwa (Ġożwe).  Kien isem popolari għax il-Lhud kienu jistennew il-Messija li se jsalvahom mill-għedewwa umani tagħhom.  Imma Ġesu Kristu ġie biex isalvana minn dawk li jwaqqgħuna fid-dnub u jippruvaw joqtlulna l-ħajja tal-Fidi.  Fosthom hemm ukoll il-passjonijiet, il-vizzji tagħna, eċċ.  U aħna f’dan l-Avvent mill-liema għedewwa  qed nistennew li Ġesu jsalvana?

Ġesu jrid isalvana fi tmiem ħajjitna imma jrid jibda mill-lum, għax  l-“Immanuel” tfisser Alla magħna llum.  Għalhekk Ġesu sar bniedem – biex ikun magħna, jibqa’ magħna u jqarribna  lejn il-Missier.

 

Ref:  lachiesa.it / liturgia / data/ cerca / omelie / padre fernando armellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: