Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 5 Ħadd  fuq l-Għid Sena A

Lectio Divina: 5 Ħadd  fuq l-Għid Sena A


Vanġelu: L-aħbar tat-tradiment ta’ Ġuda, taċ-ċaħda ta’ Pietru u tat-tluq ta’ Ġesu ħawdu ħafna l-imħuħ tal-Appostli.  Ġesu qalilhom li kien jaqblilhom li huwa jmur għand il-Missier, għax kien se jħejjilhom post u jerġa’ jiġi għalihom.  Fil-fatt il-Knisja dejjem kienet tgħożż din il-wegħda  u tistennieh “sa ma jiġi fil-glorja.” Dan id-diskors Ġesu jgħidu awl il-lejl qabel ma miet, wara li ħasel riġlejn l-Appostli.  Għalkemm qed jipprepara għall-mewt l-aktar kiefra, moħħu kien fl-Appostli biex jagħmlilhom il-qalb u jtihom kuraġġ.  Jassigurahom li, għalkemm se jkollu jħallihom, se jibqa’ magħhom.  Dan iservi ta’ lezzjoni għall-ħajja Nisranija, li anki fid-diffikultajiet l-aktar kbar, għandna l-garanzija ta’ Ġesu: “Jien magħkom sal-aħħar.”

  1. Dis-silta hija magħżula f’dan iż-żmien tal-Għid, għax hija t-testment ta’ Ġesu. Għalhekk illum naqraw bl-akbar imħabba u rispett x’ħallilna Ġesu. Inkitbet xi 50 sena wara l-Qawmien fejn xi komunitajiet Insara fl-Asja Minuri kienu qed jiffaċċjaw qtigħ ta’ qalb minħabba persekuzzjonijiet.  Ma kienx hemm tixrid ta’ demm, imma xorta waħda xi wħud tħawdu, qatgħu qalbhom u ċaħdu l-Fidi.  Għalhekk Ġwanni jipproponi il-Vanġelu tal-lum għalihom u għal kull min ikun se jaqta’ qalbu.
  2. L-ewwel ħaġa li jgħid Ġesu hi: “Tħallux qalbkom titħawwad.” Fl-aħħar diskors ta’ Mose lil Lhud, qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda, qalilhom: “Taqtgħux qalbkom! Il-Mulej se jkun magħkom u se jurikom it-triq minn fejn tridu tgħaddu.” Ġesu issa qed jgħid l-istess lill-Appostli: wasal il-waqt li tibda s-Saltna Tiegħu, mhux dik tal-bhejjem selvaġġi imma tal-ħrief.  Biex jgħixu ta’ ħrief qalb l-ilpup, l-Appostli se jiġuhom mumenti ta’ biża’. Ġesu jgħid: “Ibqgħu emmnu f’Alla, u fija wkoll,” i.e. mhux temmnu darba u daqshekk imma tipperseveraw fil-fidi, anki waqt xi prova ħarxa.
  3. “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna għamajjar…. sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu.” Mhux qed jgħid għall-Ġenna. Din ilha bbukkjata għalina. Fi Ġwanni 2, “id-Dar ta’ Missieri” hi t-Tempju l-ġdid, il-Knisja fejn se tibda tiltaqa’ il-Komunita.  F’din il-miġemgħa hemm ħafna għamajjar, i.e. post għal kulħadd.  Kull membru hu għamara xierqa li minnha titla’ għand il-Missier il-fwieħa tal-imħabba tal-proxxmu. Il-membri huma diversi għax mhux kulħadd jirċievi l-istess doni minn għand l-Ispirtu s-Santu.  Id-doni kollha huma meħtieġa u ma jinpurtax jekk xi doni jagħmlu wieħed Papa u ieħor katekist. Kulħadd hu mportanti u għandu l-missjoni tiegħu x’jaqdi billi juża’ d-doni kif jixraq għas-servizz ta’ ħutu u għat-tixrid tas-Saltna.  F’dan il-qsim tad-doni tgħammar il-Ħajja Divina.  Bl-għotja ta’ ħajtu, Ġesu ppreparalna s-sala tal-pranzu fejn naqsmu l-imħabba tagħna ma’ ħutna. Aħna, li għandna bżonn xulxin, immantu lilna nfusna b’din l-imħabba reċiproka li tgħaqqadna bħala ulied tal-istess Missier.  Kif fwieħa tingħaraf minn oħra, hekk din l-imħabba tingħaraf minn kulħadd mill-ewwel għax tolqot kemm lit-tajbin kemm lill-ħżiena, il-qaddisin u l-midinbin, is-sinjuri u l-fqar, u dan għax l-oriġini tagħha huwa Alla nnifsu: “Minn dan nixtieq li jagħrfukom in-nies – l-imħabba għal xulxin.”
  4. “U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.” Hawn Ġesu jipprovokahom ftit, biex jgħallimhom kif se tkun ħajjithom wara li jqum mill-mewt. Tumas, it-tewmi tiegħi u tiegħek,  qabeż fil-pront: “Kif nistgħu nafu t-triq? Int sejjer għall-mewt. Din it-triq li qed tgħid?” Tumas għadu m’għamilx l-esperjenza tal-Qawmien. Għalhekk għalissa l-mewt kienet tfisser li jispiċċa kollox.  Ġesu jwieġbu: “Jien Hu t-Triq, il-Verita u l-Ħajja.”  (a) It-Triq, i.e. il-mixja tagħna li twassalna biex inwettqu l-iskop tal-eżistenza tagħna, id-dħul fid-Dar tal-Missier.  Din il-mixja hija Ġesu stess.  (b) Il-Verita: mhux xi kunċett filosofiku jew ta’ raġunar imma persuna, Ġesu stess – il-bniedem veru, awtentiku, il-bniedem li rnexxa.  Il-bniedem vjolenti mhux bniedem veru għax għadu jixbaħ lill-bhima selvaġġa.  Ġesu hu l-bniedem veru għax jurina wiċċ Alla.  (ċ) Il-Ħajja: mhux dik bijoloġika imma eterna, i.e. dik li l-ebda mewt ma tista’ tmissa.
  5. “Kieku għaraftu lili kontu tagħrfu ‘l Missier.” Filippu: “Urina ‘l Missier u jkun biżżejjed għalina.” Li wieħed jara’l Alla kienet ilha x-xewqa ta’ ħafna: “Jien infittex ‘il wiċċek Mulej” (Salm 27).  Ħafna minna llum ukoll ifittxu lill-Mulej, imma kull tant fil-postijiet u ħwejjeġ żbaljati.  Ġesu jwieġeb: “Min ra lili ra l-Missier ukoll.”  Ħadd qatt ma ra wiċċ Alla, l-anqas Abraham u Mose.  L-unika mod biex wieħed jara wiċċ Alla hu li jikkontempla l-immaġini perfetta tiegħu fl-Iben.  Fil-mentalita Lhudija, Ġużeppi bin Ġwanni ifisser li Ġużeppi jixbaħ lil Ġwanni, mhux biss fil-fattizzi, imma fil-karattru u temperament.  Fil-Magħmudija u t-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesu, il-Missier jirrikonoxxi lil Ġesu: “Dan hu Ibni l-Għażiż.”  Jagħmel żball min jgħid li r-reliġjonijiet kollha huma ndaqs u l-istess. Kull reliġjon li ma tagħrafx lil Alla fil-persuna ta’ Ġesu hija falza.  In fatti lil Filippu Ġesu jkompli jgħid: “Il-Missier li jgħammar fija qed iwettaq l-għemil.” Alla tal-Antik Testment kien Alla li jagħti l-ħelsien mill-jasar, jipproteġi l-orfni, r-romol, il-fqar, u l-barranin u kien jagħti każ ta’ kull min qed ibati xi nġustizzja.  Din l-immaġini rrepetiha Ġesu f’ħajtu.
  6. “ Min jemmen fija, hu wkoll jagħmel l-għemil.. u akbar minnu għad jagħmel.” Jemmen, i.e. min jafda ħajtu għal din il-proposta ta’ dinja ġdida, ordni ġdid, se jagħmel ħwejjeġ kbar.  Ġesu kellu ftit anqas minn tlett snin biex iwettaq il-missjoni. Dan kien biss bidu:  il-bqija ħallieh f’idejn l-Appostli ta’ żmienu u ta’ żmienna.

 

Sors:  Google/fernando armellini/commento al vangelo

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: