Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 4 Ħadd tal-Għid Sena A

Lectio Divina: 4 Ħadd tal-Għid Sena A


Vanġelu:  Ġwanni jsejjaħ lir-ragħaj “ħokalos” – sabiħ.  Ir-ragħaj hu tajjeb imma wkoll sabiħ.  Aħna nsejħu lil Alla bħala Missier, ħallieq, re.  Imma din ix-xbiha ta’ Alla Ragħaj minn dejjem kienet għażiża kemm għall-poplu Lhudi u kemm għalina l-Insara.  Fis-Salmi nsibu: “Int mexxejt lill-poplu tiegħek bħala merħla permezz ta’ Mose” (77); “Int ragħaj ta’ Israel, gwida għal Ġużeppi, ismagħna” (80); “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi” (23). 

  1. Allura din ix-xbiha għalina tfisser li għandna nkunu ġwejda bħan-nagħaġ, devoti u nobdu bla tlaqlieq kulma jgħidulna l-mexxejja tal-Knisja? Ifisser ukoll li min ma jaġixxix hekk hu nagħġa ħażina u mhux tajba biex tagħmel parti mill-merħla tagħna? Żgur li le. Il-kelma “ragħaj” bl-Ebrajk ġejja mill-kelma “ra” li tfisser tmantni, tieħu ħsieb u kura, tagħti attenzjoni individwali għall-bżonnijiet ta’ kull nagħġa.  Ir-ragħaj imbagħad jaf liema huma l-perikli fit-triq, kif ukoll fejn isib ħaxix tajjeb u ilma bnin għalihom.  Anki bil-lejl jgħasses, u jqum jiġri għal kull ħoss suspettuż.   Dan hu r-Ragħaj it-Tajjeb, ir-Ragħaj is-Sabiħ.
  2. Is-silta tal-lum ma titkellimx fuq Ġesu li jiġri wara n-nagħġa l-mitlufa, jew li jiġbor in-nagħaġ f’maqjel wieħed. Il-lum qal xi ħaġa li laqtet il-Fariżej fil-laħam il-ħaj, tant li għajruh miġnun, imxajtan, u qabdu l-ġebel biex iħaġġruh! Mela x’qal? “Fis-sewwa, fis-sewwa (jew Amen, Amen) ngħidilkom (introduzzjoni solenni) min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb, hu ħalliel.”  Il-kelma “maqjel” hawn mhux eżatta. Bil-Grieg, “awle” tfisser atriju, bitħa.  F’Ġerusalemm, atriju kbir wieħed kien hemm – dik il-bitħa fit-Tempju fejn Ġesu keċċa l-bejjiegħa tal-annimali. F’din il-bitħa il-kapijiet tat-Tempju kienu jistennew in-nies devoti ġejjin biex joffru xi annimal għas-sagrifiċċju.  Dil-bitħa kellha bieb wieħed.  Min kien jipprova jidħol minn xi mkien ieħor ma jkunx ġie biex joffri sagrifiċċju imma biex jisraq.  In-nagħaġ hawn jirrapreżentaw dawk in-nies li ġew hawn biex jirċievu manteniment spiritwali, b’kelma ta’ kuraġġ skond il-pjan t’Alla u mhux biex jiġu sfruttati.  Dil-bitħa kienet imdawra b’ċint għas-sigurta. Imma f’dal-każ, Ġesu qed jgħid li l-ħitan ta’ dil-bitħa qed joħonqu l-liberta tan-nagħaġ. Dawn se jmutu bil-ġuħ u bil-għatx għax il-manteniment li ppretendew li jirċievu ġie miċħud lilhom. Għalhekk ir-Ragħaj is-Sabiħ ġie biex joħroġ in-nagħaġ ‘il barra minn dil-bitħa biex jeħodhom f’mergħa fejn jista’ jmantnihom kif imiss. Il-kapijiet tat-Tempju ndunaw li Ġesu kien jgħid għalihom bħala l-briganti u ħallelin li sakkru lin-nies ġo dil-bitħa, u temawhom l-idejat u t-tagħlim żbaljat fuq Alla għall-qliegħ personali tagħhom.  Dan il-qerq ma kienx jippermetti lin-nies li jgħixu ferħana skond il-pjan t’Alla, għax il-kapijiet kienu jinsistu li jekk ma joffrux sagrifiċċji biex ipattu għall-dnubiethom, Alla kien se jikkastigahom bl-aħrax. Kienu jkomplu joħonqu l-poplu b’mijiet ta’ ritwali ta’ ħasil u purifikazzjoni, u b’elf tradizzjoni oħra.  Kif seta’ wieħed iħobb Alla bħal dan, b’dan il-biża’ u t-twerwir kollu?  Dawn il-kapijiet fehmu x’kellu f’moħħu Ġesu – li joħroġ lill-poplu minn dan l-isqaq li daħħluh fih dawn il-ħallelin, li ma kinux jgħaddu mill-bieb tal-Verita, imma jipprofittaw ruħhom mill-injoranza tan-nies, u jingannawhom biex jisolħulhom il-ftit flus li kien ikollhom.  Dawn il-briganti kienu qed (a) jisirqu n-nies minn għand Alla, li Hu l-veru proprjetarju tal-bniedem (b) jisirqulhom l-immaġini ta’ Alla Ħanin (c) jisirqulhom il-ferħ li għandu jkollhom dawk li jħossuhom ulied Alla (d) kull tant jaslu wkoll biex jirrikorru għall-vjolenza fuq dawk li ma jkunux iridu jisimgħu minnhom.
  3. Hawn jidħol fix-xena ir-Ragħaj is-Sabiħ, li jidħol mill-bieb tal-Verita. In-ngħaġ ma joħorġux mill-bieb għax ma jafuhx. Ġew imqarrqa. Għalhekk ir-Ragħaj jidħol biex jgħallimhom il-verita, jiftħilhom għajnejhom, jgħajtilhom għax huma jagħrfu leħnu, u b’hekk imexxihom lejn il-bieb li jeħodhom lejn il-liberta. Dan il-bieb ifisser ukoll l-intelliġenza li tagħna Alla, li permezz tagħha Alla jgħinna niddixxernu x’inhu tajjeb u ħażin, liema hi l-Kelma t’Alla u liema m’hijiex, xi jwassal għall-ħajja jew għall-mewt.  Il-purtinar ta’ dan il-bieb m’hu ħadd ħlief il-kuxjenza tagħna, li tgħinna nagħrfu leħen ir-Ragħaj li ġie biex joħroġna ‘il bogħod mill-ħakma tal-briganti.  Anki llum għandna minnhom li jridu joħonquna, jaħtfuna u jgħassruna għall-qliegħ tagħhom.  Irridu ngħassu b’seba’ għajnejn biex nisimgħu biss il-leħen tar-Ragħaj it-tajjeb.  Dan nistgħu nagħmluh billi mhux biss nisimgħu il-Kelma t’Alla, imma nagħtuha ċans tidħol fil-fond ta’ qalbna biex tagħmel il-frott mixtieq: “In-ngħaġ minn leħnu jisimgħu.”
  4. “Hu jsejjaħ kull waħda min-ngħaġ tiegħu b’isimha.” Ir-Ragħaj ma jħobbx massa ta’ nies, imma kull individwu bl-identita tiegħu. “… u joħroġhom barra minn dawn iċ-ċnut li jgħassruhom”. X’inhuma ċ-ċnut tal-lum li jippruvaw joħonqu l-leħen tar-Ragħaj? (a) Tagħlim antik fuq Alla bħala mħallef kattiv u mhux li jaħfer u jħobb (b) kull idejoloġija jew reliġjon ibbażata fuq il-biża’ u mhux l-imħabba, l-ferħ u l-maħfra (ċ) L-idoli tal-lum: flus, karriera, suċċess, workaholiċiżmu (d) Mudelli ta’ ħajja proposti mill-media, soaps, eċċ (e) Nagħmel kif qed jagħmel kulħadd (bħan-ngħaġ ta’ Bendu).
  5. Xi ngħaġ ma jarawx il-bieb tal-liberta u r-Ragħaj ikollu juża’ xi ftit tal-forza – xi daqqa ħafifa ta’ qasba jew ta’ sieq – imma dan kollu għall-ġid tagħhom. Ġesu jtemm billi jgħid: “Jien il-bieb li jwassal għall-ħajja ferħana mhux għal xi skjavitu ieħor.” Dawk in-ngħaġ li jgħaddu minn dal-bieb (li hu r-Ragħaj is-Sabiħ), isiru sbieħ bħalu huma wkoll.  Għax “jien ġejt biex ikollhom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra.”

 

Sors:  google/fernando armellini/commento al vangelo

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: