Mudelli tal-Knisja – Katekeżi Ekkleżjoloġika

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 10 ta’ Settembru 2017:  Fl-Eżortazzjoni Appostoliku tiegħu, Evangelii Gaudium, il-Papa Franġisku jisħaqq li għall-Evanġelizzazzjon jinħtieg nifhmu sewwa x’inhi tassew il-Knisja.  Dan l-artiklu kien publikat fir-Rivista Pastor ta’ Settembru-Ottubru 2002, 18-21.

MUDELLI TAL-KNISJA — KATAKEŻI EKKLEŻJOLOGIKA

Il-Knisja għalkemm hija mwaqqfa minn Sidna Ġesù Kristu, madankollu matul iż-żminijiet ħadet diversi forom kif ukoll għandha ħafna aspetti. Illum fit-teoloġija jissejjħu “mudelli”.

Għalhekk, meta nagħmlu katekeżi ekkleżjoloġika, ikun xieraq li nsemmu l-aspetti kollha tal-Knisja mingħajr ma nagħmlu enfasi żejda fuq xi mudell partikulari. Irridu nżommu f’moħħna “Li x-xbihat għar-raġuni li ġejjin mir-realtajiet finiti ta’ l-esperjenza ma humiex qawwija biżżejjed biex jispjegaw il-misteru tal-grazzja. Kull mudell tal-Knisja għandu d-dgħufija tiegħu; l-ebda wieħed minnhom ma għandu jiġi kanoninzat a skapitu ta’ l-oħrajn”1

Jekk fil-katekeżi jirnexxilna nispjegaw b’mod ekwilibrat id-diversi aspetti tal-Knisja, in-nisrani “jgħaddi milli jqis il-Knisja bħala organizzazzjoni għas-servizzi reliġjużi għal biex jgħixha bħala kommunità ta’ aħwa li minnhom ukoll għandu jimpurtah”.2

Però dan il-għan ma jistax jintlaħaq jekk wieħed ma jispjegax tajjeb li l-Knisja hija verament istituzzjoni. Hija soċjetà perfetta fejn hemm awtorità li tmexxi kif wkoll min jobdi. Infatti, il-Bellarminu jafferma li l-Knisja hija “soċjetà viżibbli u li tinħass bħal komunità tal-poplu Ruman, Is-Saltna ta’ Franza, jew jew r-Repubblika ta’ Venezja”.3 Anki hawnhekk wieħed għandu joqgħod attent li jittrażmetti katekeżi bilanċjata li tagħmel enfasi fuq il-viżibilità tal-Knisja u l-bżonn ta’ l-awtorità. “L-ebda soċjetà ma twassal għal ġimgħa, u lanqas għal siegħa, mingħajr tmexxija. Mill-mument li fih titwaqqaf soċjetà, mill-fatt tal-formazzjoni tagħha,  titlob li jkun hemm tmexxija”4.

Biex il-poplu jħobb aktar il-Knisja, l-operatur pastorali jrid  jkun  konxju li ma jfittixx “għax-xbieha l-aktar xbieha perfetta tal-Knisja, anzi jaċċetta li d-diversi xbihat ippreżentati mill-Iskrittura u t-Tradizzjoni huma komplimentari”5.

Il-Knisja hija wkoll l-ġisem mistiku ta’ Kristu. Huwa r-ras u aħna l-ġisem tiegħu. “It-tqabbil tal-Knisja mal-ġisem jagħti dawl lir-rabta intima bejn il-Knisja ta’ Kristu. Il-Knisja mhux biss miġbura madwaru, imma hi wkoll magħquda miegħu f’ġismu”6. L-operatur pastorali jista’ jislet ħafna tagħlimiet prattiċi pastorali minn dan il-mudell. In-nisrani jagħmel parti mill-ġisem mistiku ta’ Kristu. Din il-għaqda mistika ma’ tgħaqqadniex flimkien ma’ Kristu biss iżda ma’ xulxin wkoll. Għalhekk persuna tkun qegħda iġġib diżgwid intenżjonat fil-parroċċa tkun qiegħda tmur kontra l-finalità tal-Knisja. L-operatur pastorali jrid ifisser li l-Ewkaristija tfisser il-għaqda fil-Knisja. B’hekk dan il-mudell ta’ Knisja jindika l-Knisja bħala “kommunjoni jew kommunità”. Difatti, il-Knisja bħala l-ġisem mistiku ta’ Kristu huwa żvilupp fuq l-idea ta’ Soċjetà Perfetta jew istituzzjoni.

It-teoloġi żviluppaw l-idea tal-Knisja bħala ġisem mistiku ta’ Kristu u ħargu bil-kunċett ta’ poplu ta’ Alla. Fl-1940 id-dumnikan Mannes D.Koster fil-ktieb tiegħu Ekklesiologie im Werden (Paderborn 1940) ċaħad li l-Knisja hija ġisem mistiku u ppropona l-kunċett ta’ poplu ta’ Alla bħala alternattiva. “It-teoloġija dommatika, megħjuna u sostnuta mill-eżiġesi, laqgħet il-kunċett il-ġdid, bħala idea komplimentari u mhux opposta għal dik ta’ ġisem mistiku ta’ Kristu”7. Il-Konċilju Vatikan II laqa’ din l-idea. L-operatur pastorali jista’ jispjega fil-katekeżi tiegħu li l-Knisja hija l-poplu ta’ Alla miġbur f’isem Alla. L-idea ta’ poplu timplika li l-Knisja hija miexja fil-pelegrinaġġ tagħha lejn is-sema. Dan il-kunċett ifisser li hija dejjem Semper Reformanda u tieħu x-xejra taż-żmien li fih tgħix. Għalhekk dan il-mudell ta’ Knisja jista’ jissodisfatta l-mistoqsija sinċiera ta’ ħafna persuni, li jistaqsu : “l għaliex il-Knisja tbiddel l-istil ta’ tmexxija tagħha kif wkoll kif jsir żvilupp fid-duttrina nisranija”. Ir-risposta qiegħda fil-fatt li “ ’il għaliex iċ-ċiviltajiet tad-dinja jaqgħu, dawn iħallu effett fuq il-Knisja, li trid dejjem tiġġedded, filwaqt li tipprova tiżbarazza ruħha mill-eredità tal-passat, li kien forsi wkoll grandjuż, imma issa ‘mejjet’ ”8.

Meta l-operatur pastorali jippreżenta l-Knisja bħala l-poplu ta’ Alla għandu joqgħod attent li f’dan il-mudell ma jinnegax il-Knisja bħala istituzzjoni jew organizzazzjoni. Bħalma il-poplu ta’ Alla fit-Testment il-Qadim kellu l-mexxejja tiegħu, hekk ukoll il-Knisja għandha l-mexxejja tagħha, il-Papa u l-Isqfijiet. Kif għedna qabel il-mudelli tal-Knisja jfissru d-diversi aspetti tagħha. Huma kumplimentari u wieħed ma jeskludix lil ieħor. Dawn il-mudelli juruna kemm “dak li l-Ispirtu s-Santu jgħid hu dejjem dħul aktar fil-fond tal-misteru ta’ dejjem u fl-istess ħin indikazzjoni tat-triq li minnha jridu jgħaddu dawk li għandhom id-dmir li jwasslu dan il-misteru fid-dinja ta’ llum”9.

Mudell ieħor tal-Knisja huwa dak ta’ Sagrament. Il-Konċilju ta’ Trentu afferma li Sagrament huwa sinjal sensibbli li jagħti l-grazzja. Għalhekk, meta ngħidu li l-Knisja hija Sagrament, inkunu qegħdin ngħidu li hija sinjal li jagħti l-grazzja. Dan il-mudell ta’ Knisja jispjega b’mod tajjeb li l-Knisja hija istituzzjoni divina u umana fl-istess ħin. Kif is-Sagrament jsir effikaċi taħt sinjal sensibbli hekk wkoll il-grazzja ta’ Alla taħdem fl-istituzzjoni umana. B’dan il-mod kif is-Sagrament huwa istitwit minn Sidna Ġesù Kristu, il-Knisja għandha l-oriġini minnu wkoll.

Fuq livell pastorali dan il-mudell ta’ Knisja jista’ jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ ħafna persuni li jistaqsu: X’se jiġri minn dawk il-persuni li jagħmlux parti mill-Knisja istituzzjonali. It-tweġiba ta’ l-operatur pastorali għandha tkun li għalkemm il-Knisja hija istituzzjoni hija wkoll sagrament li jagħti l-grazzja lill-bnedmin tad-dinja kollha. Għalhekk dawk il-persuni li għalkemm jimxu fuq il-kuxjenza tagħhom u għadhom ma jafux bil-Knisja, huma jiffurmaw ir-“Ruħ” tagħha.

Mudell ieħor tal-Knisja huwa dak ta’ ħabbara. Dan il-mudell ta’ Knisja huwa bbażat fuq Sidna Ġesù Kristu u l-Bibbja. Il-Knisja min natura tagħha irceviet il-mandat minnu sabiex ixxandar il-Vanġelu mad-dinja kollha. Għalhekk il-kelma ta’ Alla mħabbra mill-Knisja, hija missjunarja. Hija indirizzata lejn il-bnedmin tad-dinja kollha. Meta jispjega dan l-aspett tal-Knisja l-operatur pastorali jrid ifiehem li għalkemm ir-reliġjonijiet mhux insara għandhom xi xrar tal-grazzja ta’ Alla, madankollu qatt ma huma kumplimentari għall-Knisja.

Mudell ieħor tal-Knisja huwa dak ta’ qaddejja. Skond din il-viżjoni l-Knisja għandha l-missjoni li toffri għajnuna lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Ix-xogħol tal-Knisja hu li tagħti xhieda tas-saltna ta’ Alla fost il-bnedmin, filwaqt li toffri gwida u kritika profetika lid-dinja.

Ikun xieraq li l-operaturi pastorali fil-katekeżi tagħhom ma jagħmlu l-ebda enfasi fuq l-ebda mudell filwaqt li jittraskuraw lill-ieħor. Għandhom iżommu quddiem għajnejhom li l-Knisja hija l-poplu ta’ Alla, gisem mistiku ta’ Kristu, soċjetà vizibbli u spiritwali, soċjetà ġerarkika, sagrament,  kif wkoll ġisem mistiku ta’ Kristu.

B’dan il-mod il-poplu jħossu aktar parti mill-Knisja u li għandu responsabiltà fil-ġejjieni tagħha billi jkun xhieda ta’ Kristu.

RIFERENZI

1 Dulles, Avery. Models of the Church, N.Y. 1974, p.29.

2 Blàsquez, Ricardo. Il-komunitajiet Neokatekumenali. Malta (1989). p.29.

3 De controversiis, tom.2 lib.3, cap.2 (Naples: Giuliano, 1857) Vol.2, p.75

4 Newman John Henry, An Essay on the Development of Christian Doctrine, NY.1909, p.51.

5 Dulles, Avery. Models of the Church, N.Y. 1974, p.29.

6 Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, para. 789.

7 Dalla Teologia del “Corpo Mistico” all’ecclesiologia del “Popolo di Dio” La Civiltà Cattolica (2 Febbraio). p.210.

8 ibid. p.212.

9 Ġwanni Pawlu II,  Immorru ’l hemm mill-Għatba tat-Tama, Malta 1995, p. 106.

 

 

BIBLIOGRAFIJA

De Lubac, Henri. The Motherhood of the Church. San Francisco (1982)

Jean-Herve, Nicholas. Dalla Trinità alla Trinità. Città del Vaticano (1992)

Von Balthasar, Hans Urs. Exploration in Theology IV. Spirit and Institution. San Francisco (1995)

Barbaglio Giuseppe, Dianich Severino, Nuovo Dizionario di Teologia. Torino (1988).

 

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: