Home > Minn Angelo Xuereb > Mill-ktieb “Quddiem Ġesù Tarbija” ta’ Angelo Xuereb

Mill-ktieb “Quddiem Ġesù Tarbija” ta’ Angelo Xuereb


L-Ewwel Jum:
L-imħabba ta’ Alla għalina.

Alla huwa mħabba. Hekk jgħidilna San Ġwann l-Evanġelista. Dan l-appostlu meta ħareġ din l-espressjoni wera l-esperjenza mill-aktar intima li kellu ma’ Sidna Ġesù Kristu. Infatti, il-miġja ta’ Kristu fid-dinja hija wirja tal-imħabba li Alla għandu għalina.

Jekk irridu niddeskrivu l-ħajja Trinitarja nistgħu ngħidu li hija komunità mill-aktar intima ta’ imħabba. Però Alla ma qagħadx jitgħaxxaq bih innifsu iżda dawwar u qasam l-imħabba tiegħu billi ħalaq l-anġli li qegħdin kontinwament jaqduh. Infatti, il-kelma anġlu bil-Grieg kif insibuha fl-iskrittura hija ‘aggelos’ li tfisser messaġġier jew qaddej ta’ Alla.

Qisu Alla ma kienx kuntent li ħalaq madwaru l-anġli miegħu iżda ried ikompli juri l-imħabba billi ħalaq il-kosmos, li jfisser l-univers materjali bis-sbuħija kollha tiegħu. Huwa żejjen dan l-univers billi ħalaq il-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tiegħu u poġġieh biex isaltan fuq il-ħolqien kollu.

Alla ħalaq il-bniedem biex jaqdih, jagħtih glorja u jagħmel ir-rieda tiegħu. Però l-bniedem ma qagħadx għal dak li ried Alla u tbiegħed minnu permezz tad-dnub tan-nisel. L-imħabba ta’Alla narawha b’mod aktar ċar meta l-bniedem dineb. Huwa veru li Adam u Eva tilfu l-armonija perfetta li kellhom qabel id-dnub, iżda Alla wegħidhom salvazzjoni (Ġen 3, 15).

Hekk is-salvazzjoni tal-bniedem hija opra ta’ l-imħabba ta’Alla. Huwa ma ħalliex il-bniedem jaqa’ fir-rovina eterna iżda wiegħdu salvazzjoni li kellha tidher fl-aqwa tagħha meta Kristu ġie fid-dinja.

Kristu kien mistenni sa mill-waqgħa tal-ewlenin ġenituri tal-bnedmin tagħna. Ta’ min jinnota li Alla ħabb hekk id-dinja li lanqas ma ħalla l-bniedem mitluq għad-diżordni tad-dnub sal-miġja ta’ Kristu. Huwa qajjem il-Patrijarki, lil Mosè, u l-Profeti biex ixandru l-imħabba li huwa għandu għalina.

Anki jekk fl-Antik Testment naraw li Alla jikkastiga, din irridu narawha fil-kuntest ta’ dak iż-żmien. Il-letteratura extra-biblika għandha bosta rakkonti ta’ allat kapriċċjużi. Iżda l-Iskrittura għandha tagħlim aktar ċar. Alla jikkastiga’ minħabba d-dnub tal-bniedem sabiex jippurifika u jsaffi l-umanità għall-miġja ta’ Kristu. Dan jissejjaħ kastig mediċinali.

Jekk ma nifhmux din it-tagħlima, naslu biex inqisu l-Bibbja bħala ktieb ta’ storja li ma jagħmilx sens. Alla huwa kontinwament isaffi l-poplu tiegħu. B’dan il-mod biss nistgħu nifhmu kif Alla jħalli l-popli li tant kien iħobb u li minnu kellu jitwieled il-Messija, jgħaddi minn bosta tiġrib.

It-Tieni Jum:
Id-Divinità ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Hekk kif inħarsu lejn il-grottta ta’ Betlehem naraw maġenb il-Madonna lil Ġesù Tarbija. Dan Ġesù Tarbija huwa t-tieni persuna tat-Trinità qaddisa, l-Iben ta’ Alla. Jekk fil-festi tal-Milied niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù Tarbija, għandna niftakru li l-ġrajja ta’ Betlehem hija l-konsegwenza tat-tnissil tiegħu fuq din l-art li seħħet meta Marija qalet l-“Iva” tagħha (Lq 1, 38).

Id-duttrina nisranija tgħidilna li l-Missier huwa etern. Sa mill-eternità huwa jagħraf lilu nnifsu u hekk inissel fuq xebh tiegħu l-Iben. Għalhekk l-Iben huwa xbieha perfetta tal-Missier. Dan qalu huwa stess “Min jara lili jara lil Missieri”. Ta’ min jinnota li, għalkemm l-Iben huwa mnissel, dan ma jfissirx li huwa maħluq. Infatti l-Kredu tal-Knisja jgħid ċar u tond għal Kristu “Alla min Alla, Alla veru minn Alla veru imnissel u mhux maħluq”. Il-Knisja tal-bidu kollha kienet temmen li Ġesù qabel ma ġie fid-dinja kien fi ħdan il-Missier. Però, meta fil-Knisja qam il-moviment Arjan, li ċaħad l-eternita ta’ l-Iben, il-Konċilju ta’ Niċea għamel din l-istqarrija li semmejna.

B’dan il-mod l-Iben ġie mnissel mill-Missier li huwa Alla. Għalhekk, l-Iben huwa Alla daqsu. Is-Santi Padri kellhom għal qalbhom din it-tixbiha tat-tnissil ta’ l-Iben. Ix-xemx tagħti r-raġġi tagħha, li ħerġin minnha. B’hekk b’dan l-istess mod l-Iben huwa ta’ l-istess sustanza tal-Missier filwaqt li huwa Alla u etern daqsu.

Però, qabel ma twieled, Ġesù Kristu ġie mnissel fi ħdan il-Verġni Marija. Dan it-tieni tnissil sar b’miraklu ta’ l-Ispirtu s-Santu u b’dan il-mod seħħet l-Unjoni Ipostatika jiġifieri n-natura ta’ Alla u n-natura ta’ bniedem inghaqdu fil-persuna ta’ Sidna Ġesù Kristu. Permezz ta’ miraklu, it-tieni persuna tat-Trinità, il-Kelma ta’ Alla ħadet magħha l-umanità bħal tal-bnedmin l-oħra barra id-dnub.

Il-Knisja tiċċelebra t-tnissil ta’ Ġesù f’din id-dinja fil-25 ta’ Marzu filwaqt li tiċċelebra t-twelid tiegħu fil-25 ta’ Diċembru. Din hija l-istorja ta’ Ġesù qabel ma twieled biex jsalvana.

It-Tielet Jum:
L-Umanità ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Anki l-fatt li nagħmlu l-presepju u lil Ġesù taħt xbieha ta’ Bambin (jiġifieri tarbija żgħira), hija prova biżżejjed li aħna nemmnu li Ġesù għaqqad miegħu n-natura umana.

Ġesù, it-tieni persuna tad-divinità, ġie mnissel fil-ġuf ta’ Marija permezz ta’ miraklu speċjali ta’ l-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt il-persuna divina ta’ Sidna Ġesù Kristu ħadet in-natura umana. Hekk l-persuna tiegħu għandha natura divina u oħra umana. Ma humiex imħalltin iżda separati u distinti minn xulxin. Però l-persuna ta’ Kristu hija divina.

Il-Knisja tiċċelebra l-Milied jew it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu disa’ xhur wara li ġie mnissel jiġifieri l-festa tat-Tħabbira tal-Mulej. Hija tiċċelebra’ dawn il-festi jum b’jum biex turina r-realtà umana ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Il-Milied jurina b’mod mill-aktar ċar il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni. Din l-kelma tfisser ir-realtà li Kristu libes il-faqar tagħna.

Ġesù kien bniedem bħalna f’kollox barra mid-dnub. L-Evanġelu ta’ San Luqa jgħidilna “U Ġesù kien ġej ’il quddiem fil-għerf, fit-tul u fil-grazzja ma’ Alla u mal-bnedmin” (Lq 2,52). L-Evanġelisti riedu jagħtuna l-idea eżatta li Ġesù kien bniedem bħalna. Infatti kemm San Mattew u San Luqa għandhom il-ġenealoġiji. Dik ta’ San Mattew turi n-nisel ta’ Ġesù minn Abraham, filwaqt li dik ta’ San Luqa tieħu sa Adam. L-evanġelisti għamlu dawn il-ġenealoġiji taħt l-influss ta’ l-Ispirtu s-Santu biex juruna li Ġesù kien tassew bniedem bħalna f’kollox barra id-dnub. Pass ieħor mill-Vanġelu li jurina li Ġesù kien tassew bniedem huwa mill-Vanġelu ta’ San Mark “Dan mhux il-mastrudaxxa, bin Marija u ħu Ġakbu u Ġosè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet m’humiex hawn magħna?” ( Mark 6,3).

L-evanġelisti juruna li Sidna Ġesù Kristu kien jgħeja, jistrieħ, jiekol, jixrob u jbati bħalna l-bnedmin. Fil-fatt fl-istorja tal-Knisja insibu d-Doċeti li kienu jgħidu li l-ġisem ta’ Kristu kien fantażma. Dan huma għamluh biex jenfasizzaw li Ġesù kien tassew Alla. Però Ġesù Kristu kien Alla u bniedem fl-istess ħin.

Għalhekk il-Milied huwa festa ta’ ferħ għaliex l-Iben ta’ Alla jieħu n-natura ta’ bniedem biex ikun jista’ jsalvana. Għandna biex nifirħu għax Alla niżel fostna u ha n-natura tagħna l-bnedmin biex lilna jkun jista’ jeħodna għandu.

Ir-realtà ta’ l-inkarnazzjoni tista’ tinġabar fil-viżjoni li kellu Danjel “Kont inħares fid-dehra tal-lejl, u ara, mas-sħab tas-sema ġej wieħed bħal Iben ta’ bniedem, u wasal sax-Xiħ fil-jiem, u ressquh quddiemu. U lilu kienet mogħtija ħakma, sebħ u saltna u l-popli kollha, ġnus u ilsna jaqduh; il-ħakma tiegħu ħakma ta’ dejjem, li ma tgħaddix, u s-saltna tiegħu li ma tinqeridx” (Danjel 7, 12-14). Din il-profezija tal-profeta Danjel tirreferi għal Kristu. Infatti huwa kien iħobb jgħid li huwa ‘bin il-bniedem’.

Ir-Raba’ Jum:
Id-Dejifikazzjoni

Is-Santi Padri kienu jħobbu jgħidu li Sidna Ġesù Kristu daħal fil-kors tal-ħajja tagħna biex aħna nkunu nistgħu nsiru allat. Dan iffisser li bid-dnub ta’ Adam u Eva aħna konna lsiera tad-dnub u l-bieb tal-Ġenna kien magħluq ħtija tad-dnub oriġinali.

San Ġwann jgħidilna fl-Evanġelju, “Iva, Alla hekk ħabb d-dinja, li ta l-Iben tiegħu l-waħdieni, biex kull min jemmen bih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem, għax Alla ma bagħatx ’l-Ibnu fid-dinja, biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja tkun salvata bih” (Ġw. 3, 16-17).

Ġesù ġie fid-dinja biex ikun jista’ jsalvana mid-dnub tan-nisel u jagħtina ħajja ġdida fil-grazzja. Il-grazzja hija tant xi ħaġa tal-għaġeb li s-Santi Padri kienu jitkellmu mid-divinizzazzjoni tal-bniedem permezz tal-grazzja ta’ Kristu. Din il-grazzja hija tant kbira li l-Knisja fl-Exultet tkanta li l-ħtija ta’ Adam u Eva kienet waħda feliċi għax il-grazzja li ġabilna Kristu kienet waħda akbar minn dik li kellhom Adam u Eva. U San Pawl ikompli: “Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5, 20).

Il-Milied ifakkarna li biex Kristu kisbilna l-fidwa ried isir bniedem bħalna f’kollox barra mid-dnub. Bħala Alla Sidna Ġesù Kristu ma setax ibati iżda meta ħa n-natura umana seta’ jbati biex jifdina mid-dnub. F’kelma oħra l-bieb tal-Ġenna seta’ jinfetaħ billi Ġesù jinżel fostna l-bnedmin ħalli jkun qisu s-sellum li miegħu nitilgħu l-Ġenna.

Fil-Ġenesi naqraw li Ġakobb, “U ħolom u jara sellum wieqaf fl-art, u rasu tmiss mas-sema, u jara l-anġli ta’ Alla telgħin u neżlin miegħu.” (Ġen 28, 12). L-awtur tal-ktieb tal-Ġenesi jkompli jgħidilna li fuqu kien hemm il-Mulej Alla. Nistgħu ngħidu li s-sellum ta’ Ġakobb huwa figura ta’ Kristu medjatur. Permezz ta’ l-Inkarnazzjoni l-Mulej Sidna Ġesù Kristu niżel minn dan is-sellum biex aħna nkunu nistgħu nitilgħu miegħu lejn il-Ġenna. Forsi jkun hawn min jgħid li din hija fantasija. Din hija figura li tesprimi realtà profonda li permezz ta’ l-inżul ta’ Kristu fid-dinja aħna ksibna mhux biss is-salvazzjoni iżda sirna wlied Alla.

Fuq il-medjazzjoni għandna sentenza ċara wkoll minn San Ġwann, “Ħadd ma tela’ fis-sema, ħlief min niżel mis-sema, Bin il-bniedem, u bħalma għolla Mosè s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jitgħolla Bin il-bniedem, biex kull min jemmen ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 13-15). Ġesù hawnhekk qiegħed jitkellem fuq meta jitgħolla fuq is-salib. Però biex jissallab Ġesù l-ewwel ried jsir bniedem.

Meta nħarsu lejn l-għar ta’ Betlehem, naraw tarbija ħelwa li kulħadd jitgħaxxaq jaraha. Għalkemm hija mnissla mir-razza ta’ Adam hija ġejja wkoll mis-Sema. Għalhekk il-Milied huwa festa kbira. L-Iben ta’ Alla jidħol fl-istorja tagħna l-bnedmin biex jittrasformaha u jqarreb il-bniedem lejn Alla.

Il-Ħames Jum:
Is-Salvazzjoni u l-Eżempju

Hawn forsi min jistaqsi: għaliex Ġesù ġie fid-dinja biex jifdina? Id-duttrina tal-Knisja tgħidilna li Adam u Eva daħħlu d-dnub fid-dinja u hekk ġabu rovina morali u spiritwali lill-bnedmin ta’ kull żmien. Hawn min jirraġuna u jgħid li dnub ta’ wieħed ma jistax idaħħal il-ġeneru uman kollu f’din ir-rovina kollha. Infatti l-Katekiżmu tal-Knisja jgħidilna li t-trasmissjoni tad-dnub oriġinali hija misteru. Nistgħu nieħdu eżempju wkoll mill-ħajja ta’ kuljum. Jekk president ta’ pajjiz jiddikjara gwerra, il-pajjiż b’xi mod jew ieħor jkollu jbati minn din id-deċiżjoni tal-kap tiegħu.

Jekk inqallbu l-ktieb tal-Ġenesi insibu li malli Adam u Eva dinbu Alla wegħidhom salvazzjoni. “Mibegħda nqajjem bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, hu jisħaqlek rasek, int u trid tħebb għal għarqubu” (Ġen 3,15). Dawn il-kelmiet huma tant qawwija li t-tradizzjoni tal-Knisja rat fihom l-ewwel taħbir tal-Vanġelu u għalhekk ġew mogħtija l-isem ta’ Proto-Vanġelu (l-ewwel vanġelu). Dan kien l-ewwel tħabbira ta’ Kristu li huwa l-bidu u t-tmiem tad-dinja.

Għalkemm Kristu ġie fid-dinja, l-inkarnazzjoni u l-miġja tiegħu kienu frott tat-Trinità kollha kemm hija. Huwa l-Missier li bagħat lil Sidna Ġesù Kristu fid-dinja, filwaqt li l-Ispirtu s-Santu, b’intervent speċjali, ifforma l-ġisem ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ Marija Verġni.

Ġesù huwa qisu appostlu li ġie fid-dinja bħala l-mibgħut ta’ Alla sabiex itwettaq missjoni speċjali li jsalvana u jagħtina eżempju ta’ kif inhuma t-triqatu.

It-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu għandu għax iferraħ id-dinja. Bih inħolqot kommunikazzjoni diretta, sabiħa u ta’ paċi bejn Alla u l-bniedem. Huwa fatt veru li fl-Antik Testment l-poplu kellu l-patt ma’ Alla. U anke bosta profeti kellhom esperjenza tiegħu profonda u mistika bħal Abraham, Mosè, David, Elija u Ġeremija eċċ. Iżda din l-esperjenza kienet waħda fil-bogħod.

Din id-distanza ġiet megħluba permezz tat-twelid ta’ Ġesù fid-dinja. Setgħu jżuruh anki l-aktar nies baxxi tas-soċjetà Lhudija li huma r-ragħajja. L-appostli meta xandru lil Kristu ma xandrux xi fantażma iżda xandru persuna li qattgħu miegħu bosta snin, li kielu u anki li tkellmu miegħu.

Ġesù ġie fid-dinja anki biex jagħtina eżempju ta’ kif għandna ngħixu u kif inġibu ruħna fit-tbatija. Anki permezz tat-twelid tiegħu Ġesù ried jgħallimna li t-triqat ta’ Alla m’humiex bħal dawk tal-bniedem. Huwa twieled fil-faqar, b’mod umli, fis-satra u bil-kumpanija tar-ragħajja li kienu meqjusa bħala emarġinati fis-soċjetà Lhudija. Però fil-Għar ta’ Betlehem kien hemm il-paċi. Dan nistgħu nispjegawh biss bil-prinċipju li t-triqat ta’ Alla għalkemm jitolbu ċ-ċaħda, ma jġibux id-dwejjaq, anzi l-paċi fil-qalb li l-ħwejjeġ tad-dinja ma jagħtuhiex.

Is-Sitt Jum:
Nirringrazzjaw lil Verġni Marija.

Fil-festi tal-Milied inħossu l-ferħ li Ġesù ġie fostna bl-umiltà kollha. Twieled ġo għar. Il-Vanġelu jgħidilna, “U meta kienu hemm għalqilha ż-żmien li teħles, u wildet l-ewwel tifel tagħha u fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm wisa’ għalihom fil-lukanda” (Lq 2,7). Din il-persuna li ġabet ’l-Ġesù fid-dinja hija l-Verġni Marija.

Ġesù ried jifdina mid-dnub billi jbati. Huwa ma setax jbati jekk ma jkunx bniedem li għandu natura bħal tagħna. Din in-natura riedet tkun imnissla mir-razza ta’ Adam. Għalhekk il-pjan ta’ Alla kien li Ġesù jitwieled minn mara. Iżda din l-mara kellha tkun bla tebgħa ta’ dnub filwaqt li tkun mimlija bl-Ispirtu s-Santu. Alla hejja minn qabel din il-mara billi ħelisha, għall-merti futuri ta’ Sidna Ġesù Kristu, mid-dnub oriġinali u minn kull tebgħa oħra.

Iżda Alla ried l-“Iva” wkoll ta’ Marija. Għal dan l-iskop, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel sabiex jistaqsiha jekk tridx issir omm Alla. Marija ħadet deċiżjoni u bagħtet l-“Iva” tagħha ma’ l-anġlu Gabrijel għand Alla. Minn dak il-mument Ġesù tnissel fil-ġuf tagħha kif qalilha l-anġlu Gabrijel. “L-Ispirtu s-Santu jigi fuqek u l-qawwa tal-għoli tgħattik, għalhekk dak li jitwieled ikun qaddis, jissejjaħ Bin Alla” (Lq.1,35).

Hekk Marija kienet dik l-persuna li ġabitilna ’l Ġesù fid-dinja. Hija li mxiet fl-ubbidjenza għandha għax tifraħ hija wkoll b’mod aktar minna. Jekk hija ma fehmitx x’ried jgħidilha l-anġlu, issa, l-ubbidjenza tagħha qiegħda taraha fil-prattika billi x’ħin tħares fil-maxtura tara tarbija żgħira li kellha ssaħħar lid-dinja kollha kemm hija.

Ejjew nirringrazzjaw lil Marija talli tatna din t-tarbija. Però ma rridux ninsew li l-frott li Marija tat fit-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu kien kollu ġej mill-fidi u l-ubbidjenza tagħhom (San Ġużepp jidħol b’mod profond fil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni). Meta nsemmu lil Marija, mhux ta’ min jinsa lil San Ġużepp. Huwa kien ir-raġel ta’ Marija li kien jgħix ħajja ta’ qdusija liema bħalha. Il-Vanġelu ta’ San Luqa jgħidilna, “Tela’ Ġużeppi wkoll mill-Galilea, mill-Belt ta’ Nażaret, fil-Lhudija, fil-belt ta’ David, li jisimha Betlehem, billi hu kien mid-dar u mill-familja ta’ David, biex jinkiteb ma’ l-għarusa tiegħu, li kienet tqila” (Lq 2, 4-5).

L-ubbidjenza tal-Madonna u San Ġużepp li joqogħdu għall-awtoritajiet anki ċivili taw il-frott tagħhom billi Ġesù twieled f’Betlehem. Din hija l-istess belt li fiha twieled is-sultan maħbub tal-Lhud David. Hekk kif David twieled f’Betlehem hekk wkoll Ġesù li kien ġej minn din ir-razza kien xieraq li jitwieled hemmhekk.

F’din in-novena nitolbu lil Madonna u ’l San Ġużepp biex jdawluna ħalli Ġesù jitwieled fil-qalb tagħna billi nkunu nies ta’ rieda tajba. Hekk nilqgħu aktar bil-ferħ u l-ħeġġa t-tagħlim tal-Vanġelu. Dan kien l-iskop ta’ Ġesù li ġie fid-dinja biex jgħallimna u jifdina.

Is-Seba’ Jum:
Inhejju ruħna spiritwalment għall-Milied biex Ġesù jitwieled ġewwa fina

Sidna Ġesù Kristu twieled fil-għar ta’ Betlehem madwar elfejn sena ilu. Iżda jekk nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq xi ħaġa storika biss, bħal kull bniedem importanti fid-dinja, inkunu nitilfu s-sens ta’ dan il-misteru tal-Milied. Matul l-Avvent irridu nippreparaw ruħna spiritwalment biex fil-Milied Ġesù Kristu jitwieled fina b’mod speċjali.

L-Avvent huwa ż-żmien ta’ stennija għal Kristu. Dan narawh mill-qari tal-Liturġija ta’ nhar ta’ Ħadd matul l-Avvent. Din il-Liturġija ta’ l-Avvent hija bbażata fuq l-idea li Kristu għad jerġa’ jiġi fl-aħħar tad-dinja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin. Din it-tieni miġja ta’ Ġesù hija tant kbira li aħna rridu inhejju għaliha ħajjitna kollha.
Hekk il-Milied huwa festa li tfakkarna li kif Ġesù ġie elfejn sena ilu biex jifdina, għad jerġa’ jiġi biex jiġbor il-frott tal-fidwa tiegħu. Infatti, meta l-anġlu ħabbar lil Marija li kellha tkun omm Alla, qalilha b’mod ċar “Dan ikun kbir, jissemma Bin l-Għola, u jagħtih il-Mulej, Alla, it-tron ta’ David, missieru, u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u saltnatu ma jkollhiex tmiem” (Lq 1,32). L-ewwel miġja ta’ Ġesù kienet fil-faqar u fl-umiltà imma t-tieni miġja tiegħu tkun bil-glorja u l-qawwa. Però, henjin huma dawk il-bnedmin li Sidna Ġesù Kristu jiġi biex jiġġudika sabiex jeħodhom għand il-Missier. Dawn huma dawk il-persuni li jkunu stqarrew lil Ġesù. Huwa jitkellem b’mod iebes fil-Vanġelu għal dawk li ma jkunux laqgħu l-messaġġ tiegħu, “Għax min jistħi minni u minn kliemi, dan jistħi minnu wkoll Bin il-bniedem fis-sebħ tiegħu, tal-Missier u ta’ l-anġli qaddisa” (Lq 9,26). Hekk dawk li jkunu laqgħu lil Ġesù, huwa jeħodhom għand Missieru għall-eternità. Din hija aħbar ta’ ferħ. Biex Ġesù jitwieled f’qalbna rridu nagħmlu eżami tal-kuxjenza matul l-Avvent, filwaqt li nippreparaw ruħna għat-tqarbina b’devozzjoni nhar il-Milied. Jekk nimxu fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu, aħna se nsiru ħbieb tiegħu u, għalhekk, meta mmutu, huwa stess jeħodna għand il-Missier, biex hemmhekk nitwieldu għall-eternità. Għal dan l-iskop il-Knisja tiċċelebra l-mewt tal-qaddisin, għax f’dan il-jum huma jkunu twieldu mill-ġdid f’Ġerusalem tas-sema. Għalhekk, bħala insara m’għandniex inpoġġu l-ferħ tal-Milied f’affarijiet materjali biss, imma niltaqgħu mill-qrib ma’ Sidna Ġesù Kristu, billi nħalluh jitwieled fina. Hekk huwa jwellidna mill-ġdid għand il-Missier għall-ħajja eterna.

It-Tmien Jum:
L-Umiltà u l-Ubbidjenza ta’ Sidna Ġesù Kristu Fil-ġrajja tal-Milied naraw l-umiltà u l-ubbidjenza li kellu Sidna Ġesù Kristu. San Pawl jesprimi tajjeb din ir-realtà meta kiteb, “Ħa jkollkhom fikom l-istess ħsibijiet li kellu Kristu Ġesù, hu li kellu natura divina ma qishiex bħala ħaġa maħtufa li jkun daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa s-sura ta’ lsir u sar jixbah lill-bnedmin; minn barra deher bħala bniedem; iċċekken billi sar ubbidjenti sal-mewt, sal-mewt fuq is-salib. Għalhekk Alla għollieh u tah l-isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù tiltewa kull irkobba fis-smewwiet, fuq l-art u taħt l-art u kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu hu l-MULEJ fil-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 2, 5-11). Dan l-innu, li nsibuh fl-ittra lill-Filippin, għandu tagħlim kbir fuq l-Inkarnazzjoni. Huwa jgħidilna li sar qisu lsir u sar jixbah lill-bnedmin. Ġesù meta ġie fostna u ħa sura ta’ bniedem baqa’ bil-personalità divina. Però, biex minn Alla issir bniedem huwa att kbir ta’ umiltà. Naraw ftit il-kuntrast, Satana u sħabu jixtiequ li jsiru Allat billi ssuppervjaw, filwaqt li l-Iben ta’ Alla jsir bniedem bħalna barra mid-dnub. San Pawl ikompli jfissrilna li huwa kien tant ubbidjenti, li din l-ubbidjenza wasslitu għas-sagrifiċċju tas-salib. Però, l-Iskrittura titkellem fuq l-ubbidjenza ta’ Ġesù anki waqt l-inkarnazzjoni. L-awtur ta’ l-ittra lil-Lhud jgħidilna, “Għalhekk, meta daħal fid-dinja, Kristu qal: “Sagrifiċċju u offerta Int le ma ridthom; imma sawwartli ġisem. Vittma tal-ħruq vittma tal-ħtija le ma jogħġbuk. Imbagħad għedt: hawn jiena ġej; ftuħ tal-ktieb hemm miktub fuqi, biex nagħmel, ja Alla, ir-rieda tiegħek” (Lhud 10, 5-7). Huwa stess qal, “L-ikel tiegħi huwa li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u ntemm xogħlu” (Ġw. 4,34). Kif Kristu twieled fost dawn il-virtujiet hekk sbieħ u nobbli, hekk ukoll aħna rridu ngħaddu mill-istess triq, jekk irridu li jitwieled Kristu fina. L-ewwel virtù li jrid ikun hemm fina hija l-umiltà li biha nilqgħu t-tagħlim tal-Knisja, minkejja li mhux dejjem nifhmuh. Jekk inkunu umli żgur li se nilqgħu l-messaġġ ta’ Sidna Ġesù Kristu. Wara l-umiltà jrid jkollna l-ubbidjenza. Permezz ta’ din il-virtù aħna nilqgħu l-fidi ta’ Sidna Ġesù Kristu b’mod komplet mingħajr ma ngħawġuha. Din hija n-novena tal-Milied. Tagħlim meħud mill-presepju biex nitwieldu mill-ġdid b’mod spiritwali.

Id-Disa’ Jum:
Is-Satra u l-Paċi.

In-natura umana għandha l-istint ġewwa fiha li ma tagħmel xejn għal xejn. L-aktar importanti huwa li taħkem lil ħaddieħor. Jekk xi ħaġa ma jarawkx in-nies tagħmilha, aħjar ma twettaqha xejn. Ġesù stess jgħallimna biex ma nfittxux il-postijiet ta’ quddiem iżda inkunu umli.

L-akbar eżempju tahulna huwa stess meta twieled fil-faqar fil-maxtura tal-għar ta’ Betlehem. Huwa twieled wkoll fis-satra filwaqt li l-ewwel żjara li għamlulu kienu r-ragħajja ta’ Betlehem; jiġifieri l-aktar nies foqra u mwarrbin. Lanqas twieled f’xi lukanda ta’ Betlehem.

Però din ix-xena ta’ Ġesù Tarbija saħħret lil bosta artisti u pitturi, u f’ħafna pajjiżi għandna t-tradizzjoni tal-presepju. Forsi huwa ta’ min jistaqsi: Għaliex ħabbejna l-episodju tat-twelid ta’ Ġesù Bambin? Ir-risposta insibuha fil-għana tal-anġli “Glorja lil Alla fl-għola tas-smewwiet, u sliem fuq l-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2, 14).

Il-grotta ta’ Betlehem tgħallimna li Ġesù huwa li jagħti lill-poplu l-paċi tiegħu. Il-paċi ma tinsabx f’kemm wieħed ikollu flus, għana jew poter. Il-paċi tinsab għand dawk li jagħmlu r-rieda ta’ Alla bil-qalb.

Jekk inħarsu lejn il-grotta ta’ Betlehem ma nsibu xejn li d-dinja tgħożż. La hija xi palazz, lanqas hija mimlija b’nies għonja. Però niftakru x’qal San Luqa fl-Evanġelju, “Imberkin intom il-foqra, għax tagħkom hi s-saltna ta’ Alla” (Lq 6,20).

Il-grotta ta’ Betlehem hija nieqsa minn kollox u fiha kollox. Fiha t-tagħlim ta’ San Ġwann tas-Salib li għandu espressjoni, “Ix-xejn huwa kollox”. Dan il-mistiku fi ħdan il-Knisja ried jgħallem li meta r-ruħ tal-bniedem titneżża’ mill-affarijiet ta’ din id-dinja u anki mill-ħlewwiet spiritwali, timtela b’Alla. Hija ma għandha xejn minn ta’ din id-dinja. Imma għandha kollox fis-sens li hija mimlija b’Alla. L-istess nistgħu ngħidu għall-grotta ta’ Betlehem. Fiha l-faqar, hemm ir-ragħajja, iżda hemm kollox. Għax hemm l-Iben ta’ Alla fiha flimkien ma’ San Ġużepp u l-Madonna, żewġ ġawhriet oħra imhejjija minn Alla biex jieħdu ħsiebu. Għalhekk fil-grotta ta’ Betlehem kien hemm Ġesù, Marija u Ġużeppi.

Min irid jsib il-vera paċi, irid iħares lejn il-grotta ta’ Betlehem u jara fiha l-Iben t’Alla, il-ħallieq tad-dinja, “Kollox sar biha (il-kelma ta’ Alla jiġifieri Sidna Ġesù Kristu) mingħajrha ma sar xejn milli sar” (Ġw 1,3).

Il-qawwa ta’ Alla tinsab fil-faqar, fl-umiltà, fis-satra, u fl-ubbidjenza. Ġesù beda jbati sa mill-ewwel mumenti tal-ħajja tiegħu. Ma twelidx fil-faqar u l-lussu imma fl-aktar faqar possibbli. Imma t-triqat ta’ Alla mhumiex dawk tal-bnedmin. It-triqat tal-bnedmin ħafna drabi jwasslu għall-iskuntentizza, filwaqt li t-triqat ta’ Alla jwasslu għall-paċi.

Għalhekk, min jrid isib il-Paċi fil-Milied, isibha f’Sidna Ġesù Kristu. Huwa stess qalilna “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Erfgħu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien qalbi ħelwa u umli, u intom issibu mistrieħ għall irwieħkom, għax il-madmad tiegħi huwa ħafif” ( Mt 11, 28-30).

Ejjew nifirħu b’Ġesù tarbija, li huwa dawl u salvazzjoni eterna għall-umanità mġarrba bid-dnub.

Categories: Minn Angelo Xuereb
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: