Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Biex nevitaw ekonomija li toqtol

Biex nevitaw ekonomija li toqtol


Il-Ħamis 12 ta’ Ottubru 2017. Messaġġ tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-ftuħ ta’ Fergħa ġdida tal-Bank APS, Tas-Sliema.

Biex istituzzjoni finanzjarja bħalma huwa bank ikollha storja ta’ suċċess, teħtieġ mhux biss nies esperti fl-ekonomija, fl-accounts jew fl-investimenti, imma li dawn ikollhom ukoll prinċipji etiċi. Ma nistgħux nirriduċu l-ekonomija għan-numri, charts, statistika, investimenti, attività fil-Borża, u l-bqija. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet finanzjarji bħalma huma l-banek ma humiex biss business biex ikun hemm il-qligħ, imma għandhom ukoll vokazzjoni soċjali.

Fil-qalba tas-sistema finanzjarja hemm il-bniedem; jekk il-flus jiġu qabel il-bniedem, allura l-bniedem isir strument fil-loġika tal-iskart li kapaċi toħloq żbilanċi kbar. Kif jgħid il-Papa Franġisku, “il-kriżi finanzjarja li għaddejjin minnha qed tnessina li fl-għeruq tagħha hemm kriżi antropoloġika profonda: iċ-ċaħda tal-primat tal-bniedem” (Evangelii gaudium, 55). Ekonomija miftuma mill-etika kapaċi tasal li tkun “ekonomija tal-esklużjoni” jew “ekonomija li toqtol”. Għalhekk huwa importanti li jkollna ekonomija ħabiba tal-bniedem, imma biex nilħqu dan għandna bżonn irroddu mill-ġdid il-primat lill-bniedem fuq l-ekonomija. L-attività finanzjarja tkun soda biss jekk ikollha pedament umanistiku.

Meta nitkellmu fuq etika fil-finanzi tajjeb li nwessgħu l-viżjoni tagħna. Inkunu mijopiċi jekk naħsbu li b’etika finanzjarja nifhmu biss li wieħed jevita li jinvesti fis-suq tal-armamenti jew fl-industrija farmaċewtika li tagħmel ħsara lill-ħajja umana, jew f’attività li tkun tnaqqar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem jew li tirrikorri għal tax havens!

Investiment ikun etiku jekk ukoll jagħti kas tal-ambjent. Attività finanzjarja li tirrendi qligħ tajjeb imma tkun tagħmel ħsara lill-ambjent, mhix attività etikament tajba. L-attenzjoni dwar il-bidla fil-klima (climate change) għandha tkun fid-DNA tal-investimenti. Fi żmien ħmistax-il sena ser ikun hawn mitt miljun persuna jgħixu fil-faqar proprju minħabba din il-bidla fil-klima! Dan l-aħħar l-Università ta’ Cambridge ġiet ikkritikata bl-aħrax għax għandha investimenti kbar fil-fossil fuel, u dan għax din ix-xorta ta’ investimenti hija inkompatibbli mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.

Meta llum qegħdin ninawguraw din il-fergħa l-ġdida tal-APS, inħeġġeġ biex dan il-bank ma jarax biss il-profitti imma jkollu l-bniedem bħala ċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Nawguralu li jkompli jinvesti fil-formazzjoni etika tal-impjegati tiegħu, jakkumpanja lill-klijenti biex isiru aktar konxji tal-etika fl-attività ekonomika u finanzjarja, u filwaqt li joffri skemi ta’ investiment li jkunu environment friendly, iwessa’ l-investimenti li għandu fir-rigward ta’ enerġija rinnovabbli.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: