Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħadd, 15 ta’ Ottubru 2017

L-Evanġelju tal-Ħadd, 15 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Mt 22, 1-14

Ma nafx ċelebrazzjoni ta’ tieġ kemm iddum illum. Nisma’ li hawn uħud li jdumu ħafna. Nisma’ wkoll li hawn min id-dewmien jipprova jevitah minħabba l-ħlasijiet tal-overtime tal-impjegati. Fi żmien Ġesù, tieġ kien l-aqwa festa fir-raħal jew belt tal-għarajjes. Barra minn festa tal-għartajjes, tieġ kien il-festa tal-komunità kollha u kien idum ħafna, kultant anke ġimgħa sħiħa. U dan tieġ ta’ nies ordinarji f’raħal jew belt, aħseb u ara meta jkun it-tieġ ta’ bin is-Sultan.

Ġesù jqabbel is-saltna tas-smewwiet ma’ tieġ ta’ bin sultan. Is-saltna tas-smewwiet, skont Ġesù hija l-ewwel u qabel kollox stedina għal festa, għall-ferħ, għal ferħ flimkien, dak li jħoss hu irid li jkun dak li jħoss kulħadd. Meta l-għarajjes ta’ Kana fil-Gallilija spiċċalhom l-inbid, kien se jkollhom l-inkwiet, iktar u iktar meta il-Ktieb tal-Imħallfin jgħid li l-inbid iferraħ allat u bnedmin (9, 13) u Alla f’Salm 104 (14-15) huwa u jwiegħed prosperità u ġid jinkludi l-inbid li jferraħ qalb il-bniedem. Isaija fl-ewwel silta tallum darbtejn isemmi l-inbid fuq il-muntanja li fuqha l-Mulej se jiġma lil kulħadd, u nbejjed ħelwa u fini wkoll. L-inbid iġib il-ferħ (iġib affarijiet oħra wkoll skont Shakespeare f’Macbeth u skont l-esperjenza tagħna) u jekk m’hemmx inbid ifisser li l-ferħ spiċċa. Alla jsejjaħ lill-bniedem biex jaqsam miegħu il-ferħ tat-tieġ ta’ Ibnu, li għada pitgħada jnissel l-eredi għat-tron u hekk jiżgura saltna li ttul fiż-żmien. Hu għalhekk ukoll li Ġesù juża ‘sultan’ u mhux ‘sinjur’ fil-parabbola tiegħu.

Hija stedina għall-ferħ li mhux kulħadd donnu japprezza.

L-ewwel mistiedna ma ridux jiġu. Ir-raġuni tan-nuqqas ta’ rieda tagħhom Ġesù ma jgħidhielnix. Barra minn hekk lis-sultan din il-ħaġa ma tkiddux ħafna. Donnu kien jaf li ma riedux. Imma ħaġa tal-iskantament bagħat jistieden lilhom l-ewwel. Xorta ttama li jilqgħu l-istedina tiegħu imma dawk qattgħu l-invit f’wiċċ min wassalulhom.

It-tieni ġemgħa ta’ mistednin mhux biss ġew mistiedna, iżda ġew infurmati wkoll bil-menu biex forsi jitħajru iżjed. Iżda, jgħid Ġesù, dawn ġew jaqgħu jqumu, ma tawx kas. Għalihom it-tieġ ta’ bin is-sultan kien non-event; kellhom affarijiet iktar importanti x’jagħmlu milli jifirħu mas-sultan, fil-ħajja normali tagħhom raw ferħ u sodisfazzjon ikbar, l-għalqa u n-negozju bit-tama li l-but ikompli jimtelà, għax il-but l-ikbar ħabib u bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Hawn min jirraġuna li l-flus ma tixtrix kollox bihom, imma hawn min jirraġuna wkoll li l-flus u l-qliegħ huma l-għajn ta’ kull hena; nies li, alla tagħhom m’hux il-flus, iżda it-tkabbir bla rażan tal-ammont tagħhom mingħajr ma jitqies min jitgħaffeġ jew jitkisser.

It-tielet ġemgħa ta’ mistiedna qerdu lil dawk li wasslulhom l-invit, żebilħuhom u qatluhom. Il-ħabbâra tal-istedina nies skomdi, mhux ta’ żmienna u l-invit li jwasslu qadim, mhux tas-sena li qed ngħixu fiha; mela irridikolhom u neħħihom minn nofs. Bl-ingliż jgħidu, this rings a bell!

Kien fadal il-bqija. Il-ħżiena u t-tajba. Ħadd ma hu eskluż. Kulħadd, anzi kullmin ma jistax irodd pjaċir bi pjaċir, fi kliem Ġesù stess, huwa mistieden u milqugħ. U Alla jbierek dawn kienu ħafna għax is-sala mtliet. Min jaf dawk li ma laqgħux l-istedina kemm tkażaw għax is-sultan mela s-sala bl-irmixk tal-umanità. Kemm tirrepetii ruħha l-istorja! Jew aħjar, kemm tassew kien konxju Ġesù tal-mod kif il-bnedmin iġibu ruħhom f’kull żmien.

Il-festa bdiet. Fi żmien Ġesù ukoll l-ilbies mhux biss jintuża għall-għata, iżda biex juri x’qed iħoss il-bniedem. Dawn in-nies ta’ salib it-toroq mhux bilfors kellhom libsa adatta għat-tieġ tas-sultan biex biha juru l-apprezzament tagħhom, jagħtuh ġieh għall-sitedina li għamlilhom u juru l-ferħ li qed iħossu. Hawn min jgħid li minħabba f’hekk is-sultan mhux biss stedinhom iżda, bħalma għamel missier l-iben il-ħali, tahom libsa wkoll biex ħadd ma jħossu inqas minn ħadd.

Iżda xi ħadd iddeċieda li jmur igawdi biss, jiekol u jiffanga mingħajr ma jkun parti milll-okkażjoni. Bil-ħwejjeġ tax-xogħol kien u bil-ħwejjeġ tax-xogħol baqa’, x’jimpurtah mill-festa, l-aqwa li jimla’ żaqqu. Offiża serja ħafna. Wiċċ b’ieħor ċar u tond. Irid biss jinqeda’ b’min stiednu. Nuqqas ta’ apprezzament, nuqqas ta’ gratitudni. Għalih m’hemmx differenza bejn il-ħajja ta’ kuljum u dak li ġġib magħha u l-festa tat-tieġ u l-hena li ġġarrab fiha. Dan stħaqqlu kundanna ikbar minn tal-oħrajn.

Mhux biżżejjed li tkun imsejjaħ; biex tkun magħżul trid taħdem id f’id ma’ min qed isejjaħlek. It-taljani għandhom qawl li jgħid li nies li ma jagħmlux hekk iridu l-mara fis-sakra u l-bettija mimlija. Iridu jibqgħu igawdu ż-żewġ ħajjiet. Jilqgħu l-istedina ta’ Alla imma jibqgħu jagħmlu li jridu. It-tweġiba tagħhom hija: niġi imma bil-kundizzjonijiet tiegħi.

Meta nagħmel hekk ma’ Alla, inkun qed ngħidlu li dak li naħseb u ngħid u nagħmel jien huwa aqwa minn dak li jaħseb, jgħid jew jagħmel hu; jien aqwa minnu. Mhiex offiża ta’ dgħufija, lanqas ta’ nteress personali mqanqal mill-ambizzjoni jew il-kilba għall-flus, iżda attitudni ta’ suppervja fl-aqwa tagħha. Jien aqwa minnek. Jien alla tiegħek.

Tidher gravi u forsi mpossibli. La qed jgħidha Ġesù, gravi hi ħafna imma mpossibli mhix żgur. Ġesù ma jwissiex kontra dak li mpossibli jsir. Anzi jwissi kontra dak li l-bniedem huwa tassew dgħajjef fih.

Illum ir-rejaltà ta’ din l-aħbar tajba nħossuha tiġbdilna widnejna, iżda fl-istess ħin timliena bit-tama għax qed turina r-rejaltà tal-ħajja tagħna u kif ngħixuha. Hija stedina għall-hena fiha nnifisiha.

Ir-riżultat ma jiddependix mill-istedina imma minn kif inwieġeb għaliha.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: