Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Luqa 11, 37-41
San Luqa ma jgħidilniex għalfejn il-fariżew stieden lil Ġesù għall-ikel. Seta’ kien interess ġenwin li, f’ambjent ta’ ikla f’familja, jiddjaloga ma’ Ġesù dwar dak li kien għadu kif qal. Seta’ wkoll kien għan nassabi biex isib mod kif isib xi ħtija f’Ġesù jew f’dak li jgħid. Kien x’kien l-għan, Ġesù jiddeċiedi, u mhux b’kumbinazzjoni, li ma jimxix mar-regoli ċerimonjali tal-fariżej.
Għand il-fariżew żgur li kien hemm kollox lest, anke dak li jservi għall-ħasil ċerimonjali. Kienu jaħsbu għal kollox. L-għażla ta’ Ġesù hija ntenzjonata. Kien jaf li din kienet xi ħaġa li se jistaqsuh dwarha. Ġesù ried jurihom li l-inkwiet żejjed fuq l-osservanza ta’ liġijiet ivvintati mill-bnedmin u l-assolutiżmu li jġibu magħhom, mhumiex l-iktar essenzjali.
Minn naħa l-oħra Ġesù juri li hu jitkellem ma’ kulħadd. Ma jfissirx li japprova jew jiġġustifika dak li jagħmel kulħadd. Id-dixxipli, bħalna kienu lesti li jitolbu n-nar u l-kubrit għal min ma jaqbilx magħhom, iżda Ġesù ma jiddejjaq xejn jitkellem ma’ min hu ta’ fehma differenti, anke ma’ min irid jakkużah. Iżda dan ma jfissirx li ma jippruvax jiftaħlu għajnejh. Il-bniedem xortih tajba huwa dak li jkollu lil min, anke b’sogru li jidher ikrah, jiftaħlu għajnejh. Min jarak miexi f’xifer l-irdum u jinkoraġġik biex tibqa’ sejjer, mewt iridlek mhux ġid.
Id-diskors ta’ Ġesù jista’ jidher offensiv inidirzzat lil min stiednu għall-ikel f’daru stess. Il-kelma ‘bla moħħ’ turi li huma kienu qed jaħsbu u jkejlu dak li jidher minn barra biss. Min għandu moħħ jaf li dak li hemm ġewwa li juri min hu tassew il-bniedem. Inutli li tipprova turi minn barra xbieha sabiħa jekk ġewwa huwa mxellef u mtebba’ jekk mhux ukoll imkisser u maħmuġ. Wara kollox Alla li għamel barra m’għamilx ukoll ġewwa. Nistgħu nigdbu u nuru ħaġa b’oħra quddiem il-bnedmin; nistgħu anke naslu biex nemmnu l-gideb tagħna stess dwarna nfusna, imma quddiem Alla kollox jidher kif inhu.
Ħaġa oħra li tolqotni f’din is-silta hi l-fatt li l-ħmieġ li semmi Ġesù huma ħtijiet kontra l-proxxmu, is-serq u l-ħażen, l-intenzjonijiet ħżiena, il-qerq. Donnu Ġesù qed jikkundanna l-għemil meta l-bniedem juri li hu tajjeb u b’dan it-tajjeb jipprova jqarraq b’ħaddieħor; l-abbuż mill-impressjonijiet tajbin li n-nies ikollhom dwarna. Huwa għemil ikraħ u ta’ min jstmerru. Huwa kundannabli li jkun hawn min juża l-fiduċja li l-oħrajn għandhom fih biex jabbuża minnhom. Iżda huwa bil-bosta agħar meta xi ħadd iqarraq bl-oħrajn u jpinġi lilu nnifsu bħala tajjeb bl-iskop li jabbuża minnhom
Dan mhux dnub li ma nistgħux nagħmlu, anzi huwa ħażen li faċli nsibu ruħna fih.
Tajjeb li wieħed ikun safi bħall-ħamiem u għaqli bħas-sriep biex ma jħallix dan jiġri lilu, iżda huwa ferm iktar għaqli li ngħassu kontinwament fuqna nfusna li ma nagħmlux hekk aħna lil ħaddieħor.