Minn Fr Michael Bugeja

L-Evanġelju tas-Sibt, 9 ta’ Diċembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 9, 35 – 10, 1.6-8

Il-bliet u r-rħula tar-ritratti jaħbu rejaltajiet iebsa. Ġesù jdurhom kollha imma mhux turista. It-tir tiegħu hu dejjem li jxandar u jistieden, l-Aħbar it-Tajba tas-Saltna li waslet. Alla ma jasalx fil-ġrajjiet straordinarji li joħloq il-bniedem imma fil-weġgħat tal-qalb. Mhux Alla tal-‘Ooo’ imma Alla tal-‘ajma’. F’kull belt u raħal hemm l-‘ajma’ sinċiera u ħafna drabi siekta, għax l-‘ajma’ ma tingħoġobx, hija piż għal min ma jafhiex jew insieha. Il-ftit ‘ajmiet’ li nafu bihom għandna l-ħila ndawruhom f’investiment personali, il-bqija għandna l-ħila nippretendu li ma nafux bihom; ngħixu magħhom u meta jitilgħu fil-wiċċ, jisiltulna demgħa, imma, kif ngħidu, il-ħajja tibqa’ għaddejja.

Ġesù ma jxandarx Evanġelju ta’ aljenazzjoni, tal-immaġinazzjoni jew tal-ħolm. L-Evanġelju tiegħu saqajh mal-art. Huwa Evanġelju ta’ ħelsien minn kull xkiel. Ifejjaq lil min hu marid u jitħassar lin-nies imdejqa u mitluqa.

Donnu lanqas il-fejqan mill-mard tal-ġisem ma jagħti l-ferħ, lanqas hu ma jagħti direzzjoni żgura. Jaf li l-fejqan waħdu mhux biżżejjed biex jagħmel il-bniedem sħiqħ u fl-aqwa tiegħu. L-abbandun u t-telqa huma riżultat ta’ mard soċjali. Dak li jikkawżahom huwa sens ta’ direzzjoni waħda. Aħna ngħidu li li kulħadd għandu jiġbed ħabel wieħed, u dan huwa minnu, iżda ninsew inkomplu li dak lil-ħabel, kulħadd għandu jiġbdu naħa waħda; jekk kulħadd jiġbed lejh, mhux talli ma naslux, talli nkomplu ninfirdu. Dan hu l-mard li, waqt li jħalli l-bniedem jgħix, jieklu minn ġewwa u jherrilu l-pedament l-iktar meħtieġ, li jgħix ma’ oħrajn. Qishom nagħaġ li m’għandhomx ragħaj, nagħaġ li għalkemm f’merħla waħda, ħadd minhhom ma jaf fejn hu sejjer, fejn irid jasal, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin. Ir-ragħaj mhux sempliċiment mexxej, imma dak li jgħaqqad il-merħla u jwassal lil kull ngħaġa li baqgħet fil-merħla jew li titbiegħed lejn mergħat kollhom ħdura, biex jistrieħu ħdejn l-ilma, flimkien, mhux kulħadd għal rasu.

Il-fejqan mill-mard tal-ġisem mhux għal dejjem. In-nies li tqajmu mill-mewt, reġgħu mietu. Iżda l-hena u l-għaqda jwasslu lil-bniedem biex jilħaq il-qofol tiegħu, isib il-milja tiegħu. Mitluq min hu vittma tal-firda. Imdejjaq min isib hena li tiskadi jew min hu mċaħħad minnha minn bnedmin oħra li jiġu jaqgħu u jqumu minnu. Il-ħaddiema fl-għalqa huma meħtieġa, għax ‘il-ħsad huwa kbir’. Il-ħaddiema huma wkoll mogħnija u mogħbbija bir-responsabiltà tal-qawwa tal-fejqan.

L-Avvent huwa żmien ta’ eżami tal-kuxjenza wkoll, l-ewwel u qabel kollox, iżda mhux biss, għal dawk li huma afdati bit-twassil tal-Aħbar it-Tajba. Il-frott juri l-effettività tal-ħsad. Jekk qed ngħejjew naħsdu imma l-frott tajjeb qed jonqos jista’ jfisser li m’aħniex naħsdu sew. Jekk qed naħlu saħħitna nfitttxu imma, iktar kemm jgħaddi ż-żmien, inqas qed insibu, jista’ jfisser li qed infittxu ħażin jew qed infitxxu fejn ma nsibux, jew mitlufa aħna.

Dak li Ġesù tħassar fin-nies qiegħed f’idejna biex jitfejjaq. Kull bniedem jista’ jnissel l-hena, kull bniedem jista’ jilqa’ lil ħuh. Kull bniedem jista’ jgħin biex fl-għaqda tingħaraf id-direzzjoni. Jagħmel kemm jagħmel Alla, mingħajr ir-rieda tajba tal-bniedem, ma jasal imkien. Alla ma jagħtix il-ħelsien mix-xkiel biex ixekkel lill-bniedem. Alla jagħti l-ħelsien biex il-bniedem ħieles iħobb u jilqa’ lill-bnedmin l-oħra u jgħix magħhom kif jgħix Alla mal-bniedem.

Din hi l-Aħbar it-Tajba tas-Saltna tas-Smewwiet. B’xejn ħadtu, b’xejn għatu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s