Il-Ġimgħa, 1 ta’ Mejju 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Kappella tal-Franġiskani Missjunarji ta’ Marija, Balzan.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
“Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa?” (Mt 13:55). Din hija l-mistoqsija li jagħmlu n-nies fis-sinagoga fuq Ġesù, kif smajna fl-Evanġelju. Illum il-Knisja tqiegħed quddiemna lil dan il-mastrudaxxa, San Ġużepp, li minkejja li qatt ma ħalla kelma miktuba jew diskors magħruf, baqa’ jinstema’ b’qawwa tul iż-żmien.
F’dinja li ma tiqafx titkellem, Ġużeppi jagħżel is-skiet; f’kultura li tfittex ir-rikonoxximent, hu jibqa’ moħbi; f’soċjetà li tkejjel kollox bl-istatus u s-suċċess, hu jidher biss bħala mastrudaxxa, ħaddiem sempliċi.
U madankollu, proprju f’din is-sempliċità hemm il-kobor tiegħu. Ix-xogħol tiegħu, li kien ta’ kuljum u fil-kwiet, sar il-post fejn il-grazzja ta’ Alla ħadmet fih. Ġużeppi jurina li l-ħajja qaddisa ħafna drabi tinbena mhux fuq affarijiet kbar li jidhru, imma fuq il-fedeltà fl-affarijiet iż-żgħar – fedeltà li tibqa’ dejjem.
Ix-xogħol bħala vokazzjoni
Bħala mastrudaxxa, Ġużeppi kien jaf x’inhi l-għeja tax-xogħol bl-idejn, il-monotonija ta’ xogħol li jirrepeti ruħu, u r-responsabbiltà li trid tgħix minnu. Iżda għalih ix-xogħol ma kienx biss mezz biex jgħaddi l-ġurnata jew biex jaqla’ l-għajxien. Kien vokazzjoni, sejħa minn Alla.
Fil-ħanut tiegħu, l-injam mhux biss jinbidel f’oġġetti utli, imma jsir sinjal ta’ ħajja li tinbidel; l-isforz tiegħu ma kienx biss xogħol, imma servizz, espressjoni ta’ mħabba – kif smajna lil San Pawl jgħid: “Fuq kollox ilbsu l-imħabba” (Kol 3:14).
Kemm hi differenti din il-viżjoni minn dik li kultant naraw fejn, għal ħafna, ix-xogħol sar piż li wieħed irid iġorr, kultatn sors ta’ tensjoni jew kompetizzjoni bla waqfien, jew xi ħaġa li ftit li xejn tagħti sens lill-ħajja. Ġużeppi jfakkarna li x-xogħol għandu valur għax il-bniedem għandu valur. Mhijiex il-produzzjoni li tagħti d-dinjità lix-xogħol, imma d-dinjità tal-ħaddiem innifsu jew tal-ħaddiema nnifisha.
Il-valuri li għex Ġużeppi
Meta nħarsu lejn Ġużeppi, naraw ħajja mibnija fuq valuri li ma jagħmlux ħafna storbju, imma li jibqgħu sodi u veri.
Ir-responsabbiltà tiegħu tidher fil-mod kif jieħu ħsieb lil Marija u lil Ġesù, mingħajr ma jaħrab mid-diffikultajiet. L-integrità u l-onestà tiegħu jidhru fl-għażliet li għamel, mingħajr ma fittex triq faċli jew kompromess mal-kuxjenza. Il-fedeltà tiegħu lejn Alla mhijiex magħmula minn kliem kbir, imma minn azzjoni konkreta: jisma’ u jieħu azzjoni. U l-kuraġġ tiegħu, għalkemm sieket, hu reali: jipproteġi lill-familja tiegħu, qalb l-inċertezza tal-ħajja, u jibda mill-ġdid meta kien hemm bżonn. Fidil fil-ħwejjeġ żgħar, u kuraġġuż fil-bidliet kbar.
Dawn il-valuri li narawhom b’mod hekk qawwi f’Ġużeppi – il-valuri ta’ responsabbiltà, integrità, onestà, fedeltà, u kuraġġ – huma valuri tant neċessarji fil-ħajja tagħna; neċessarji għal kull ħaddiem u ħaddiema. Huma valuri li jibnu tassew soċjetà ġusta.
Il-messaġġ soċjali tal-Knisja Illum
Il-festa tal-lum tfakkarna li Alla jinteressa ruħu mid-dinja tax-xogħol. Il-Knisja, fid-dawl tal-Evanġelju, tibqa’ tħabbar li kull ħaddiem u ħaddiema għandhom id-dinjità tagħhom, li x-xogħol għandu jsir f’kundizzjonijiet ġusti, u li l-persuna għandha tiġi dejjem qabel il-profitt.
Din mhijiex biss idea sabiħa, imma sejħa konkreta biex nibnu dinja fejn ix-xogħol ma jkissirx lill-bniedem, imma jgħinu jikber. Illum qed niffaċċjaw sfidi ġodda li jitolbuna naħsbu aktar fil-fond dwar dawn il-prinċipji.
Għall-ġid tal-bniedem
Qegħdin ngħixu fi żmien ta’ bidliet mgħaġġla. It-teknoloġija, u b’mod partikulari l-intelliġenza artifiċjali, qed tbiddel il-mod kif ngħixu u kif naħdmu. Illum il-magni kapaċi jagħmlu affarijiet li darba kienu esklussivament tal-bniedem. Dan jiftaħ opportunitajiet kbar, imma fl-istess ħin iqajjem mistoqsijiet serji. Kif nistgħu niżguraw li l-progress teknoloġiku ma jġibx inġustizzja ġdida? Il-bniedem se jkun fiċ-ċentru, jew se jsir iktar u iktar mezz ta’ produzzjoni?
F’dan il-kuntest, Ġużeppi jagħtina messaġġ profond. Hu jfakkarna li l-bniedem qatt ma jista’ jiġi ridott għal dak li jipproduċi. Magna tista’ taħdem, tista’ tipproduċi ħafna, imma ma tistax tħobb, ma tistax tieħu ħsieb, ma tistax tkun preżenza ħajja.
Ġużeppi jfakkarna li x-xogħol għandu jibqa’ dejjem għall-ġid tal-bniedem. Meta magna tibda tiddomina u tieħu post il-bniedem flok tgħinu, inkunu tlifna d-direzzjoni. Ġużeppi wkoll jurina li l-identità tagħna hija aktar profonda mix-xogħol li nagħmlu. Anki jekk ix-xogħol jinbidel, il-valur tagħna jibqa’ għax ġej minn Alla.
U fuq kollox, hemm affarijiet li qatt ma jistgħu jiġu sostitwiti: il-kreattività li toħroġ mill-qalb, il-paċenzja li tibni relazzjonijiet, u l-imħabba li tagħti ħajja lill-oħrajn. Dawn huma l-“arti” li Ġużeppi għallem lil Ġesù, u li ebda magna ma tista’ tagħmel.
Infasslu l-futur b’responsabbiltà
Għalhekk, meta nħarsu lejn il-futur, aħna msejħin mhux biex nibżgħu mill-futur imma biex infassluh b’responsabbiltà. Irridu nkunu vuċi għal min hu dgħajjef, speċjalment għal dawk li jistgħu jintlaqtu minn bidliet fil-qasam tax-xogħol. Irridu nħaddnu teknoloġija li tirrispetta l-bniedem u li tmexxi ’l quddiem il-ġid komuni. Il-mistoqsija li għandha dejjem tmexxina mhijiex kemm qed nidhru li mexjin ’il quddiem, imma kif qed nimxu, u jekk il-ħajja tagħna hijiex aktar umana, hijiex aktar ħajja li tixraq lill-bniedem.
Li nimxu fuq l-eżempju ta’ Ġużeppi llum ifisser li ngħixu b’mod awtentiku fejn qegħdin. Ifisser li nkunu ngħixu b’fedeltà anki meta ħadd ma jarana, li nagħżlu l-onestà meta jkun hemm tentazzjoni ta’ kompromess, li nżommu sod fil-fidi anki f’nofs l-inċertezza. Ifisser li nagħrfu li l-qdusija mhijiex xi ħaġa ’l bogħod minna, imma tibda proprju fil-ħajja ta’ kuljum – fin-negozju tagħna, fl-uffiċċji, fid-djar tagħna. Hemmhekk Alla jsejħilna biex inkunu xhieda tiegħu.
Il-kobor moħbi
Ġużeppi qatt ma fittex li jkun magħruf. Hu għex sempliċiment is-sejħa tiegħu, b’fedeltà u b’imħabba. U proprju għalhekk sar kbir. Dan hu l-messaġġ għalina: m’hemmx bżonn li nagħmlu ħafna ħoss biex inkunu sodisfatti. Lanqas li jkollna kollox perfett biex inkunu qaddisin. Dak li hemm bżonn hu qalb li tibqa’ fidila.
Illum nitolbu lil San Ġużepp: għallimna naħdmu b’dinjità, ngħixu b’integrità u b’onestà, inħobbu b’qalb kbira, u nafdaw f’Alla anki meta l-futur ikun inċert. Għinna nżommu quddiem għajnejna verità li ma tinbidilx: li kull bniedem hu għażiż għal Alla, u kull xogħol onest jista’ jsir triq lejn il-qdusija.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju