Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea
Wara l-mewt ta’ Ġuljanu, magħruf bħala Ġuljanu l-Apostata, l-Imperu Ruman reġà nqasam. Din id-darba il-ko-imperaturi kienu t-tnejn Insara iżda l-kwistjonijiet bejn il-Kattoliċi u l-Arjani komplew itappnu s-sitwazzjoni. Fil-Punent ħakem Valentinjanu I, Nisrani iżda toleranti ma’ kulħadd. Dan mexxa sas-sena 375, iżda wara mewtu laħaq ibnu Grazjan, li pprova jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-Insara billi neħħa mis-Senat Ruman l-Istatwa tal-alla mara tar-Rebħa.
Madanakollu fil-Brittanja (Ingilterra tal-lum) qamet rewwixtà mmexija min Magnus Maximus, uffiċjal Ruman u Kattoliku li meta nvada l-Gallja għeleb lil Grazjan fis-sena 383. Dan ta’ l-aħħar miet waqt it-taqbid u minfloku laħaq ibnu Valentinjanu II, li fil-verità kien immexxi min ommu Ġustina, li kienet ta’ twemmin Arjan.
Ġrajja li ġabet taqliba kbira fl-Imperu u fil-Knisja Nisranija seħħet fil-Lvant fejn l-imperatur Valens kien determinat li jsaħħaħ l-Arjaniżmu. Kien f’dan iż-żmien li San Atanasju kellu jieħu l-eżilju għall-aħħar darba. Kien fis-sena 378 li seħħet il-battalja qrib Adrianopoli. Xi żmien qabel lil hinn mix-xmara Danubju bdew jaslu aħbarijiet inkwetanti. Bosta kienu dawk it-tribujiet li bdew jaqsmu din ix-xmara u jitolbu kenn fl-artijiet tal-Imperu minħabba attakki min egħdewwa misterjużi li ġabu fost dawn in-nies biżà u terrur.
Dawn ir-refuġjati kienu jsemmu l-Unni (bl-Ingliż Huns) poplu krudil li fid-dehra tiegħu (kienu Asjatiċi għalhek differenti fil-fattizzi mill-popli l-oħrajn tal-madwar) kienu tal-biżà. Il-mod ta’ kif jiġġieldu fuq d-dahar taż-żiemel, l-aggressività tagħhom u d-drawwiet strambi li kellhom, ħolqu madwar dan il-poplu fama li għenet sabiex kull min kien jiġi attakkat jew kellu jċedi jew jaħrab.
Ħafna Goti tal-Punent kellhom jaħarbu f’folol mill-artijiet tagħhom f’dik li lum hija l-Ukrajna u jidħlu fl-artijiet Rumani fejn illum insibu l-Bulgarija u l-Maċedonja. Hawnhekk huma ġew stmati ħażin ħafna mir-Rumani li sfruttawhom u ħaqruhom kemm felħu. Dan wassal għal rewwixta li fi ftit żmien infirxet mall-artijiet tal-madwar. Iż-zona tal-Balkani issa kienet f’diżordni u l-Imperatur Valens kellu jieħu f’idejh is-sitwazzjoni. Kien qrib il-belt ta’ Adrijanopoli (illum Edirne fit-Turkija fl-Ewropa), ftit il-bogħod minn Kostantinopoli li żewġ naħat iffaċċjaw lil xulxin. U hawnhekk dak li ħadd ma kien ħaseb li ser jiġri ġara. L-armata rumana ikrollat u Valens safà maqtul.
Il-battalja ta’ Adrianopoli, fl-378, kienet katastrofi militari għall-Imperu Ruman, u kellha wkoll konsegwenzi għall-Knisja. Għenet biex jintemm ir-renju ta’ imperatur assoċjat mal-persekuzzjoni tal-Insara li żammew ma’ Niċea, għaġġlet ir-relazzjoni għat-tul mas-soċjeta’ Rumana u intensifikat il-pressjoni pastorali u spiritwali għal-Insara fil-provinċji kemm tal-Lvant kif ukoll tal-Punent tal-Imperu.
L-impatt fuq il-Knisja
Effett dirett ta’ Adrianopoli kienet il-mewt tal-Imperatur Valens, li bidlet malajr is-sitwazzjoni għall-Insara li kienu qed ibatu taħt il-ħakma tiegħu minħabba l-persekuzzjoni. Rakkonti Nsara jorbtu t-tmiem tal-persekuzzjoni mal-mewt ta’ Valens. Sorsi antiki jsemmu l-kampanja ta’ Valens kontra l-Gotiċi, kif ukoll il-mod tat-telfa tiegħu bħala ħidma tal-providenza u jagħfsu fuq il-ħażen tiegħu li ħa li ħaqqu f’dak li ġralu. Dan juri li għall-Knisja, għal ftit żmien, Adrianopoli wasslet biex l-imperatur li kien assoċjat mal-persekuzzjoni (specjalment lejn dawk li ħaddnu t-tagħlim ta’ Niċea), ma baqax fis-setgħa. Il-kleru u l-komunitajiet setgħu jgħixu fil-liberta’ mill-ġdid.
Adrianopoli ma temmitx il-firdiet u l-gwerer. Il-Goti kellhom il-ħila li meta jridu, jinvadu l-provinċji Rumani, ħlief fi żmien ir-renju ta’ Teodosju, li ħafna jżommu li kien l-aħħar imperatur tal-Punent.
F’ittra attribwita lil San Ġwann Griżostmu, fejn isemmi t-telfa u l-mewt ta’ Valens f’Adrianopoli , isemmi kif it-tbatija fuq il-popli, kif ħarsu lejha l-pagani, nisslet indifferenza. Filwaqt li l-Insara ntrabtu iktar qrib u b’ċerta ħeġġa għat-tamiet u l-faraġ tal-Vanġelu. F’passaġġ ieħor, San Ġwann Griżostmu jsemmi li l-barbari ħadu f’idejhom it-territorju, u dan ġab umiljazzjoni mill-mexxejja u mill-popli, u b’hekk tefa pressjoni fuq il-Knisja kull fejn kienet qed tamministra.
B’hekk, ‘lil hemm mill-politika u d-duttrina, Adrianopoli kkontribwiet għal atmosfera ta’ kriżi li fiha l-Insara interpretaw is-sofferenza b’mod spiritwali u straħu fuq il-Vanġelu bħala l-istabiltà vera f’dinja nkwieta.
Meta ngħaqqdu dawn it-truf flimkien, il-battalja ta’ Adrianopoli (378) kellha impatt mill-inqas f’4 elementi: Għenet biex ittemm il-persekuzzjoni ta’ Valens, hekk li xi Isqfijiet u komunitajiet setgħu jerġgħu isibu posthom, bħal San Ewsebju. Għaġġlet l-attakki u l-qawwa tal-Goti, hekk li bidlu l-ambjent ġografiku u politiku fejn l-Insara għexu u taw qima. Żiedet il-ħidma tal-Knisja biex tgħaqqad lill-Arjani u lill-Insara li żammew ma’ Niċea, u din kienet sfida kontra l-Viżigoti. Daħħlet iktar fil-fond tal-kriżi spiritwali u tat-tweġiba Nisranija, billi ssaħħaħ il-fiduċja fil-Vanġelu minkejja li fi żmien ta’ instabiltà.
Iċ-Ċesaro-Papiżmu
Din l-epoka rat l-influwenza tal-Imperaturi dejjem tikber fil-Knisja. Xi drabi dan sewa ta’ ġid għax b’hekk il-Knisja kienet imħarsa aħjar. Iżda kien ħafna akbar l-effett negativ meta wieħed iqis li l-Imperatur kien jara l-Knisja bħala sempliċemet għodda tal-istat li kien imexxi.
Dan il-proċess jissejaħ Ċesaro-Papiżmu, sistema ta’ relazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja, fejn is-setgħa ċivili, f’dan il-kas Ċesare, tiddomina fuq dik reliġjuża, il-Papa u tagħti f’idejn is-sovran kemm it-tmexxija temporali kif ukoll spiritwali. Il-kap tal-Istat jirregola d-duttrina u d-dixxiplina reliġjuża, u jqis lilu nnifsu bħala l-kap suprem tal-Knisja, kif jidher ħafna fl-Imperu Biżantin, f’dak Russu u Anglikan.
Il-karatteristiċi prinċipali huma s-supremazija tal-Istat, hekk li l-poter reliġiuż hu subordinat għal dak lajk. U unjoni tal-poteri, li s-sovran jaġixxi kemm bħala imperatur kif ukoll pontifex (titlu attribwit lill-Papa), u jindaħal fi kwestjonijiet teoloġiċi u dommatiċi. Dan it-terminu daħal fis-seklu 17, għalkemm il-mudell hu dak storikament fl-Imperu Biżantin..
Bħala eżempju hemm dak ta’ Karlu Manju, li eżerċita protezzjoni qawwija u kontroll fuq il-Knisja. ‘Il-quddiem kien hemm ir-re tal-Ingilterra, Neriku VIII, li impona l-Att ta’ Supremazija fl-1534 u għamel ilu nnifsu l-kap tal-Knisja Anglikana. Iċ-Ċesaro-papismo hu l-kuntrarju tat-teokrazija, fejn il-poter reliġjuż jirbaħ fuq dak temporali.
