Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tlieta, 26 ta’ Diċembru 2017

L-Evanġelju tat-Tlieta, 26 ta’ Diċembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 10: 17-22

Mill-Milied sa San Stiefnu ddum l-aljenazzjoni. Ir-rejaltà, ħafna drabi iebsa, hija ż-żejt li jitla malajr f’wiċċ l-ilma. Donnu jidher barra minn loku, li kif tqum dalgħodu, sewwa sew l-għada tal-Milied, issib ma wiċċek twissija iebsa li jekk ma tagħtix kasha, dak kollu li jiġri jista’ jaħsdek u jatqalek qalbek. It-tarbija għada fil-maxtura mfisqija sewwa minn ommha, iżda dejjem mimduda qalb it-tiben skomdu u jniggeż u jigref. Oqgħodu attenti mill-bnedmin!

Li tifraħ bit-tarbija nhar twelidha huwa faċli. Li trabbiha u tgħix magħha, hija ħaġa oħra. Kull twelid iġib f’kull familja bdil ta’ stil ta’ ħajja, iġib miegħu bidla fit-tmexxija ta’ dik il-familja. Ħadd ma jibqa’ jikkmanda ħlief dik it-tarbija għax kollox idur magħha. Hi l-istorja rrakkuntata fl-Evanġelji, imma hija l-istorja li tiġri lil kull min jara tarbija titwieled u jaf li jrid jieħu ħsiebha.

Il-Knisja, illum fit-tifkira ta’ San Stiefnu, tieħu silta minn San Mattew li turi lil dik it-tarbija, illum raġel magħmul u mgħallem li mhux dejjem ikkonvinċa lil min semgħu, iwissi lil dak li huwa ried li jkunu miegħu u li ried jibgħat jippriedkaw. Oqgħodu attenti mill-bnedmin!

Mhix twissija biex l-appostli ma jafdawx lill-bnedmin, iżda kif jitkellem ċar eżatt wara, irid jurihom li m’għandhomx jiddependu fuq din il-fiduċja, iżda fuq fiduċja ikbar, il-fiduċja f’Alla. Tinħasdux meta l-bnedmin iġibu ruħhom b’mod li juru kemm tassew ma laqgħux il-Kelma li saret bniedem. Donnu Ġesù din ir-rejazzjoni qed jistenna. Il-kurrent huwa qawwi u kaxkar kollox miegħu, anke lil min jaħseb li huwa sod u qawwi. L-agħar, iżda, jiġri meta ninħasdu. Meta nsibu lilna nfusna dahrna mal-ħajt u fommna jintebaq u lsienna jinxef.

It-tarbija ħelwa li l-bieraħ iċċelebrajna t-twelid tagħha, iġġib magħha stedina li ma togħġobx lil ħafna, u dawk li ma togħġobhomx jaslu biex jagħmlu minn kollox biex iħassru l-festi ta’ min jilqagħha. Nafu llum, fi żmienna wkoll, li ħafna huma dawk li jiddeċiedu li ma jilgħabux u, għax ma jilgħabux, itellfu, lesti li jieħduha qatta bla ħabel kontra min jagħżel li t-tarbija, mhux jifraħ biha biss, iżda jmantniha u jgħina tikber f’ħutha l-bnedmin.

Il-kliem huwa ċar daqs il-kristall. Ħadd m’għandu skuża li ma jafx.

F’għajnejn il-bnedmin hemm dgħufija f’tarbija, imma fit-tarbija ta’ Betlehem, fid-dgħufija tal-bniedem tidher il-qawwa ta’ Alla. “Oqgħodu attenti mill-bnedmin” tissarraf f’“tibżgħux għax jiena magħkom”.

Fid-dgħufija tagħkom hemm il-qawwa ta’ Alla. Ibqgħu sħaħ u żommu saqajkom fis-sod quddiem it-tfixkil u t-theddid li ġieli jseħħ ukoll. Minkejja l-mibgħeda u dak kollu li jwassal għaliha u joħroġ minnha, min iħalli l-qawwa ta’ Alla tgħeleb il-biża tiegħu, dan isalva.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: