Alla jagħtina wiċċ


It-Tnejn 25 ta’ Diċembru 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech,
fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria.

 

It-twelid ta’ Ġesù Bambin huwa ġrajja ta’ ferħ; imma din il-ġrajja seħħet f’ċirkustanzi xejn sbieħ għal Marija u Ġużeppi.

Fil-lejl tal-Milied, Marija u Ġużeppi kienu jinsabu ’l bogħod minn darhom, mifruda mill-familjari u l-ħbieb tagħhom, ’il bogħod minn belthom. Huma sabu ruħhom f’din il-qagħda mhux kapriċċ jew b’għażla libera, imma għax kienu mġiegħla joħorġu minn darhom u jitilqu mill-ambjent li kienu mdorrija jgħixu fih. Proprju għaliex Ċesri Awgustu kien ordna ċensiment, Ġużeppi u Marija rħewlha minn Nazaret fil-Galilija għal Betlehem fil-Lhudija. La kien vjaġġ qasir u anqas ħafif; pjuttost kien vjaġġ b’ħafna sfidi, inċertezzi, beżgħat u perikli. Għorba f’art barranija, ħadd ma tahom wiċċ.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li twieled Ġesù. Kien f’dan il-kuntest għeri umanament li dawn it-tnejn min-nies, Marija u Ġużeppi, għamlu l-esperjenza tal-faraġ ta’ Alla li deher fit-Tarbija ta’ Betlehem. Alla ma ħamilx jara lill-bniedem jagħqad, fid-dlam u t-tbatija, u għalhekk jintervieni u jdewwaqhom it-tjubija tiegħu. Lil dawk li s-soċjetà ma tathomx wiċċ, Alla tahom wiċċ!

Huwa fid-dawl ta’ dan li nixtieq niftakru f’dawk il-persuni li jinsabu f’qagħdiet li jixxiebhu mal-esperjenza ta’ Marija u Ġużeppi; nixtieq li f’dan il-Milied aħna nitolbu lil Alla biex b’intervent dirett tiegħu jew permezz tas-sehem tagħna jtaffi ftit mill-imrar tal-ħajja ta’ dawn ħutna. Ser insemmi esperjenzi li messejthom b’idejja f’dawn l-aħħar ġimgħat.

DSC_0319

Il-ġimgħa li għaddiet ġiet tkellemni omm, mhux tant biex ngħinha daqskemm biex nismagħha. Irrakkontatli li l-Qorti kienet sabet lil żewġha responsabbli ta’ inċident u kkundannatu jagħti bħala kumpens somma kbira. Din il-familja, anki jekk mhix ħafja, assolutament ma għandhiex minn fejn tħallas u għalhekk id-dar residenzjali tagħhom tpoġġiet taħt sekwestru biex hekk tinbiegħ, u mill-flus li ġġib, jitħallas il-kumpens. Din l-omm qaltli li jekk tinbiegħ id-dar, il-familja tispiċċa fit-triq għax ma għandhomx saqaf ieħor. Biex tittaffa tbatija, il-“liġi” ħolqot tbatija oħra. Bħal dan il-każ hemm każi diversi.

 

Dawn il-jiem wasalt wasla saċ-Ċentru Pastorali tar-Ragħaj it-Tajjeb u hemmhekk ħabbatt wiċċi ma’ raġel barrani b’tifla żgħira f’ħoġru. Qalli li huwa immigrant bil-familja. Kien jaħdem, imma bla ktieb tax-xogħol, kif spiss jiġri meta nħaddmu lill-barranin! Weġġa’ sew għax kellu inċident fuq ix-xogħol u issa ilu xhur ma jistax jaħdem. Fil-frattemp dawn qed jgħixu bil-karità – litteralment hija familja tallaba.

Niftakar f’dawk li jkollhom jitilqu minn pajjiżhom biex isibu xogħol. Aħna nafu xi tfisser l-emigrazzjoni, għax fl-imgħoddi kellna ġgajtiet ta’ Maltin u Għawdxin siefru lejn l-Awstralja, l-Amerika, il-Kanada u l-Ingilterra. Meta mort nara lill-emigranti tagħna, niftakar lil min jgħidli bid-dmugħ f’għajnejh li joħlom b’pajjiżna imma issa tard wisq biex jiġi lura! Il-fenomenu migratorju għadu ħaj. Ilbieraħ, jien u sejjer għall-Quddiesa ta’ Nofsillejl, niltaqa’ ma’ parking attendant barrani. Ġej mill-Ungerija, u b’nofs tbissima u fl-istess ħin b’ċerta nikta qalli li dan hu l-ewwel Milied li qed jgħaddi waħdu… ’il bogħod mill-familja tiegħu. Bħal dawn hawn mhux ftit!

Insemmi lil dawk li kellhom jitilqu minn pajjiżhom obbligati minħabba l-persekuzzjoni politika. Biżżejjed nosservaw lil dawk l-immigranti li jitilqu mill-Afrika u forsi jaslu l-Ewropa. Bħal Marija u Ġużeppi dawn kellhom jitilqu mill-familja u minn pajjiżhom għax kienu ppersegwitati – imbagħad jiġu fostna u jsibu persekuzzjoni oħra, għax aħna ma rriduhomx magħna. L-Ewropa tippreferi tarmi ż-żejjed li għandha milli taqsmu ma’ min hu bil-ġuħ. Għax nibżgħu għall-futur tagħna, ma rridux nagħtu futur lil dawn in-nies!

Imbagħad għandi f’moħħi lil dawk li ħteġilhom isiefru minħabba mard. Naf b’persuni li kellhom ibigħu l-proprjetà biex setgħu jieħdu lit-tifel jew tifla għal kura barra minn Malta. Jumejn ilu kont f’parroċċa u semmejt dan is-suġġett. Wara, sabitni nanna u qaltli: “Father, dak li għidt int, aħna għaddejjin minnu, għax għandna tfajjel li għadu kif ġej għax kien fi sptar barra minn Malta u jrid jerġa’ jitla’”.

Familja kellha titlaq minn triq biex tmur toqgħod fi triq oħra fl-istess lokalità għax ma felħitx għaz-zekzik u l-ilsien ħażin tal-ġirien! Kemm ser iddum tibla’ l-kalmanti! Saflaħħar iddeċidew li jbigħu b’telf id-dar biex sabu residenza oħra f’żona differenti.

Qed insemmi dawn id-drammi mhux biex intaqqal il-qlub, imma għax hemm bnedmin li naħbtu minkeb ma’ minkeb magħhom, bnedmin li niġu wiċċ imb wiċċ magħhom fit-toroq u l-pjazez tagħna, u faċli li nibqgħu għaddejjin u ma nagħtux kas. Ix-xewqa tiegħi hija li bħalma Marija u Ġużeppi fil-lejl tal-Milied ġarrbu l-faraġ ta’ Alla, hekk ukoll dawn ħutna li jinsabu tturufnati mill-għeżież tagħhom, minn djarhom u minn pajjiżhom, isibu komunità Nisranija u ċivili li toffrilhom il-barka ta’ Alla. Bħalma Alla jagħti wiċċ lil kulħadd, infittxu nagħtu wiċċ lil min hu verament fil-bżonn.

Ritratt: Andrew Formosa.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.