GĦAX LILI ALLA NSIENI

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

X’aktarx meta nisimgħu din il-kelma, jkun tgħidha persuna li tkun għaddejja minn mument diffiċli fil-ħajja tagħha. Għalhekk ma niġġudukawx lil min ikun qed igħidha. Ikun aħjar li ngħidu talba għal dik il-persuna li tkun qed tgħidha. B’hekk inkunu qed nuru li nifhmuha, nagħdruha, u nagħarfu li nistgħu ngħinuha bit-talb tagħna.

Mgr Paul Cremona OPIżda tajjeb li nifhmu li r-realta’ skont il-Kelma ta’ Alla mhijiex din. Meta ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu, huwa qiegħed xrara tal-Imħabba tiegħu fil-bniedem.

Din hija r-raġuni għaliex huwa jħobbna tant. Diġa’ fl-Antik Testment insibu dan il-kliem sabiħ mimli mħabba f’Iżaija: “ U Sijon kienet tgħid: ‘Sidi nsieni’. Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk dik tinsa, jien ma ninsik qatt! Jien naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja.. “(Is 49,15.16).

Din l-imħabba kbira tiegħu Ġesu’ kompla wrihielna b’tixbihat oħra: “

F’Ġesu’ Alla kompla juri din l-imħabba tiegħu. Darba qal parabbola fejn qiegħed lilu nnifsu bħal veru ragħaj: dan ikun  jaf kull nagħġa b’isimha, u lest li jweżinha meta jkollha bżonnu – mhux jimbuttaha minnu, iżda iktar iħobbha għax iktar għandha bzonnu.   (Ġw 10,14-16).

Iżda Ġesu’ jgħidilna parabbola oħra biex jurina li anki jekk nitbegħdu minnu, hu qatt mhu se jitbiegħed minna: ikompli jfittixna. F’din il-parabbola jitkellem fuq ragħaj li kellu mitt nagħġa. Waħda minnhom ħarbitlu. Ma kienx kuntent bid-disgħa u disgħin l-oħra. Ried lilha lura, għax hi biss setgħat tagħtih lura l-imħabba tiegħu lejha. Mar ifittixha, mhux stenniha tiġi hi. U nesa l-inkwiet kollu li tagħtu, u beda jgħannaqha. (Mt 18,12-14).

Fid-dawl tal-fidi tagħna fil-Kliem ta’ Ġesu’, aħna nemmnu li jiġri x’jiġri hu ma jista’ qatt jinsiena. Anki jekk inħossuna mwarrbin minn kulħadd, aħna rridu niftakru fl-imħabba tiegħu għal kull wieħed u waħda minna. B’hekk hu se jagħtina l-konsolazzjoni li aħna maħbubin minnu. In-nisrani jħares lejh innifsu mhux mill-għajnejn biss ta’ min għandu madwaru, iżda mill-għajnejn mimlija ħlewwa ta’ Alla. Ma nħallu xejn u ħadd jifridna minn din l-imħabba.

Ma naqgħux għat-tentazzjoni li ngħidu dan il-kliem ‘Alla nesieni’ għax hemmhekk verament inħossuna weħidna.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading