L-Evanġelju tal-Ħadd 4 ta’ Marzu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 2, 13-25

Ġesù ma jafdax lil min jemmen għax jara, għax, wara kollox, min jemmen għax jara ma jkun emmen xejn għax ikun ra. Jemmen min iħobb mhux min jara, u min iħobb hu ta’ min jafdah mhux min irid il-provi. Is-sinjali u l-provi huma ħjiel qawwi ħafna ta’ nuqqas ta’ fiduċja jew ta’ skuża fjakka għall-assenza ta’ mħabba.

Din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, imqiegħda sewwa sw f’nofs ir-Randan teħodna lura lejn is-sejħa vera tagħna. Ħottu dan it-tempju u jien nerġa’ nibnih fi tlitt ijiem għax il-ħeġġa għal darek fnietni.

Fil-bidu tal-ministeru tiegħu, fl-ewwel pellegrinaġġ paskwali lejn Ġerusalemm u l-ewwel ikla tal-Għid mad-Dixxipli tiegħu, Ġesù jippriedka t-tisfija bħala aċċettazzjoni tas-sejħa. It-tisfija tat-tempju mill-korruzzjoni u l-abbuż li kien isir fil-btieħi tiegħu ifakkarna li Alla, fil-ktieb tal-Ġenesi, ma jgħoġbux is-sagrifiċċju li ġej mill-ħażen u l-qerq. L-annimali offruti fuq l-artal fil-bitħa ta’ ġewwa tat-tempju kellhom rieħa tinten ta’ ħażen u skapriċċar, egoiżmu u abbuż mis-setgħa, mhux biss tan-negozjanti li jbiegħu u jsarrfu, iżda wkoll ta’ min kien jippermetti dan kollu jsir biex iħaxxen butu u anke ta’ min kien jaf li qed jitqarraq u ma jgħid xejn. F’sistema bħal din il-fwar tal-inċens imħallat mad-duħħan tal-annimali mixtrija mill-bitħa tat-tempju kellu effett inqas min-naħqa tal-ħmar li, jgħidu, qatt ma titla s-sema. Għandu mnejn li ħanqa ta’ ħmar titla’ imma l-karba skont il-liġi ta’ min irid jgħaddi ż-żmien lil Alla, ma titla’ qatt.

Id-dixxipli jaraw lil Ġesù trasfigurat f’persuna ta’ rabja kbira. Qaddisa jew mhix, ir-rabja dejjem rabja tibqa’ u quddiem l-abbuż, il-qerq u l-inġustizzji, ikun dnub jekk ma titqanqalx ir-rabja. Fit-talba ta’ fuq l-offerti tal-quddiesa tallum,l-awtur tagħha jxebbah lilna ma’dawk li nisġu x-xibka ta’ qerq u profitt inġust fit-tempju u jitlob lil Alla biex itaffi l-korla tiegħu għalina, għax Alla jirrabja meta aħna nagħtu bis-sieq lil dak li huwa qaddis billi nniżżluh fil-livell baxx tal-ħażen tagħna; meta nabbużaw minn dak li hu l-aktar għal qalb ta’ Alla, jiġifieri l-bniedem, biex inħaxxnu bwietna u nsaħħu s-saqajn tat-tronijiet suwed tagħna. L-iswed tagħhom hu magħmul mid-duħħan li joħroġ minn qalb il-bniedem.

Id-dixxipli jaraw f’din il-korla il-ħeġġa ta’ Ġesù għal dak li hu tal-Missier. Aħna naraw ir-rabja u nieħdu għalina għax għandna għalfejn. Il-ħeġġa ta’ Ġesù mhix biss għall-bini kkonsagrat imma għall-bniedem li fih jiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ ma’ Alla, mal-bniedem li jfittex il-ħniena u l-għajnuna ta’ Alla; mal-bniedem li jiġi bie xifaħħar u jrodd ħajr lil Alla.

Ġesù juri mill-ewwel li ‘indmu u emmnu fil-bxara t-tajba’ mhux kliem fieragħ li tista’ ddum tomgħodu kemm trid u, fl-aħħar mill-aħħar, tispiċċa biex tobżqu minn ħalqek daqs li kieku hemm għażla tibilgħux u tħallih jibdlek u jsaħħek jew le, iżda huwa kliem essenzjali li jrid jitwettaq u jkun mgħix bla biża’ ta’ xejn, anzi b’ħeġġa kbira.

Il-fiduċja ta’ Ġesù f’min ifittxu għax jara l-qawwa tal-istraordinarju hija dgħajfa ħafna. Il-fiduċja ta’ Ġesù tissaħħaħ u tissoda f’min jibda l-proċess tat-tisfija ta’ qalbu u moħħu, f’min ifittxu għax jilqa’ mħabbtu u jrid iħobbu.

It-tempju mimli bil-korruzzjoni tal-bniedem li fih seħħet din il-ġrajja dam jinbena sitta u erbgħin sena, inħatt fi ftit jiem u ma reġa nbena qatt; minnu fadal ftit ġebel, tifkira ta’ dak li kien qabel. Iżda t-tempju safi li hu Ġesù inħatt fi ftit sigħat u nbena għal dejjem fi tlitt ijiem.

Id-dixxipli dakinhar la fehmu u l-anqas emmnu x’ried jgħid Ġesù. Emmnu biss wara li qam mill-imwiet. Aħna qed ngħixu elfejn sena wara l-qawmien mill-imwiet u għandna ma nemmnux għax għadna ma nħobbux?

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.