Triq tas-Salb ta’ 40 kilometru

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 26 ta’ Marzu 2018: Mixja ta’ 40 kilometru, billejl, fis-skiet, bla appoġġ ta’ xejn ħlief il-qawwa tat-talb u tal-ġabra spiritwali. Din hija t-Triq tas-Salib Estrema li saret nhar it-23 ta’ Marzu, f’bosta nħawi tad-dinja.

Dan kien avveniment organizzat mill-Arċidjoċesi ta’ Krakovja, fil-Polonja. Lil madwar mitt elf ruħ li ħadu sehem fiha l-Papa Franġisku bagħtilhom messaġġ iffirmat mill-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, mibgħut lill-Arċisqof ta’ Karkovja Mons. Marek Jędraszewski (Jedraxevksi).

Il-messaġġ jgħid li s-skiet, is-soitudni u l-kesħa, flimkien mal-Ewkaristija u l-meditazzjoni tal-Passjoni tal-Mulej huma elementi li fid-dinja tal-lum jistgħu jidhru estremi, imma li minflok, huma utli għal kull min qed ifittex l-imħabba vera u l-verità.

Ix-xewqa ta’ ħajja mgħejxa fil-milja tagħha, bil-passjoni u l-entużjażmu, titlob li ninqatgħu minn kull għamla ta’ ipokrisija u mill-kultura ta’ dak li jispiċċa, biex nerġgħu nitwieldu, anki jekk dan jiswielna inkonvenjenzi u tbatija.

Min-naħa l-oħra, kif kien qal il-Papa waqt l-udjenza ġenerali tal-15 ta’ Novembru, 2017, ix-xewqa ta’ twelid ġdid, il-ferħ li nerġgħu nibdew, hija kwistjoni fundamentali tal-fidi tagħna.

Aħna għandna din ix-xewqa? Infatti nistgħu nitilfuha malajr għax minħabba l-ħafna attivitajiet u l-proġetti li rridu nwettqu, fl-aħħar ftit jifdlilna ħin u b’hekk ħarsitna titbiegħed minn dak li hu fundamentali: il-ħajja ta’ qalbna, il-ħajja spiritwali tagħna, ħajjitna stess li mhi xejn aktar ħlief laqgħa mal-Mulej fit-talb.

F’għaqda spiritwali mal-organiżżaturi u dawk kollha li ħadu sehem fil-Via Sagra Estrema, il-Qdusija Tiegħu jinkoraġġixxi lil kulħadd biex jimtela bil-fiduċja fih innifsu, fil-familja, fil-ħbieb ta’ Kristu “sabiex jinfetaħ għall-paċi u għall-qawwa tal-Irxoxt.

Fl-aħħar il-Papa bagħat il-barka appostolika tiegħu lil dawk kollha li magħqudin fit-talb, jimxu wara Kristu.

Din il-Via Crucis bdiet fis-sena 2009 u issa waslet fl-10 edizzjoni tagħha. Il-moħħ
warajha kien Patri Jacek Stryczek (Jaċek Strixxek), il-persuna responsabbli mill-Pastorali Universitarja ta’ Krakovja.

L-għan tal-inizjattiva kien li jgħaqqad flimkien il-Vanġelu mal-ħajja moderna ta’ persuni li riedu jgħixu mwaħħdin flimkien il-ħajja reliġjuża, familjari u tax-xogħol.
Il-Kardinal Stanislaw Dziwisz (Dġivix) li dak iż-żmien kien arċisqof ta’ Krakovja, kien appoġġja bis-sħiħ din l-inizjattiva u l-istess kien għamel in-Nunzju Appostoliku ta’ dak iż-żmien Mons Celestino Migliore.

Fl-edizzjoni tal-Via Sagra Estrema tal-2018 ħadu sehem 25 pajjiż fosthom il-Kanada, l-Istati Uniti, Spanja, il-Ġermanja, l-Awstralja u l-Ukrajna bis-sehem ta’ 350 belt fosthom Ġerusalemm. B’kollox kien hemm mixja ta’ aktar minn 700 pellegrinaġġ.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading