Archbishop Emeritus Paul Cremona OP

“SE NIŻŻEWWEĠ”. “ARA SE TITGĦALLAQ?”: IŻ-ŻWIEĠ SAGRAMENT (5)


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

It-tarbija fil-ġuf: L-istess qed jiġri fuq it-tarbija fil-ġuf u fit-twelid. (Darba kont qiegħed f’laqgħa ma’ midwives u waħda minnhom qalet hekk: “Jiena ngħid lill-ommijiet tqal: Enjoy your pregnancy not just the birth!”).

Mgr Paul Cremona OPIssib min jgħid li l-embryo li għadu kemm ġie ffurmat bħala ‘potenzjalment uman’. Ħadd mhu se jgħid li żerriegħa ta’ lumija bħala ‘potenzjalment lumija’ iżda jgħid li hija lumija. Hekk ukoll fuq l-embrijun: jekk tħallih jiżviluppa, ma jistax isir ħaġa oħra ħlief bniedem. Dan qed  isir l-iktar biex il-bniedem jieħu iktar poter fuq dik il-ħajja ġdida. Għalhekk fil-‘morning after pill’ u fl-embrijuni li qed jiġu ffriżati ngħidu li hija vjolenza fuq dik il-ħajja umana li tkun għada kemm bdiet (dan jgħodd ukoll dwar l-esperimenti fuq li stem cells meta jittieħdu mill-embrjuni).

Dan jiddependi fuq kemm valur se nagħtu lil dik il-ħajja ġdida. (Darba kien hemm koppja li ġew għandi għaliex ma setax ikollhom tfal – allavolja snin wara ġew juruni t-tarbija tagħhom, imnissla b’mod naturali: iżda sfortunatament mhux dejjem jiġri hekk f’kull koppja!  U nista’ nifhem il-weġgħa li jkollhom (Kemm hu sabiħ li koppja li ma jistax ikollha tfal tagħha titfa’ l-imħabba tagħha kollha fuq xi tifel jew tifel li jadottaw jew jagħżlu li jsiru foster parents, l-aktar meta jkunu ħelsu lit-tarbija minn ħajja ta’ faqar jew tbatija, u jagħtuha ħajja ġdida). Meta semgħet mingħand it-tabiba li fil-proċess tal-IVF jiffertilizzaw xi bajd, u mbagħad jagħżlu minnhom, hi qalet lit-tabiba: “Mela mhux kollha tiegħi? Kif nista’ nagħżel minnhom u noqtol l-oħrajn?”. U t-tabiba reġgħet qaltilha li jistgħu jiffriżaw l-oħrajn li ma jintużawx. Reġgħet qaltilha: “Kif nista’ nkun fil-paċi, meta għandi tnejn qed inrabbihom, u l-oħrajn li huma wkoll tiegħi, huma ffriżati?”).  Kollox jiddependi fuq il-valur li nagħtu lit-tarbija fil-ġuf!

Il-qtil tat-tarbija fil-ġuf. Fil-fatt hemmhekk tibda l-problema tal-abort. Tibda minn meta l-importanza titmexxa mit-tarbija għar-rieda tal-ġenituri. Ġeneralment tibda minn xi każ emozzjonali bħal ma kien fil-każ fl-Istati Uniti tal-Amerika fil-każ ‘Roe vs Wade’ li permezz tiegħu daħal l-abort. Ġie ppreżentat bħala każ ta’ waħda mara tqila b’tarbija li kienu qalu li l-mara kienet stuprata (Wara, dik il-mara, li mietet ftit ilu, qalet li ġegħluha tgħid hekk għax ma kienx veru. Hija mbagħad bdiet titkellem apertament favur il-ħajja fil-ġuf, u allura kontra l-abort).

Meta l-attenzjoni tintefa’ fuq il-mara jew fuq il-koppja,  ma tiqafx f’dawn il-każi ‘pjetużi’. Ikun infetaħ il-bieb għal twessigħ ikbar taż-żmien meta jsir l-abort, u għar-raġunijiet għala waħda (u min ikun magħha) tkun trid l-abort. Wasalna għall-punt li aċċettaw l-‘abortion on demand’ (mhemmx għalfejn raġuni, l-aqwa li l-persuna tkun trid toqtol it-tarbija fil-ġuf tagħha),  għal’partial birth abortion’ (jiġifieri li waqt li l-mara tkun qed twelled, u t-tarbija toħroġ rasha, joqtluha billi jtaqqbulha rasha). Issa ma hemm l-ebda protezzjoni għat-tarbija fil-ġuf! Ħajjitha tiddependi fuq ir-rieda tal-mara (u min ikun magħha).

Nerġgħu ngħaddu għall-pjan ta’ Alla (jew tan-natura): il-ġuf li l-Mulej ħalqu biex jagħti l-ħajja jsir qabar, u l-att ta’ twelid ta’ ħajja, isir att ta’ qtil. Ma rridux ninsew li dan kollu beda mill-ewwel att ta’ leġislazzjoni li tippermetti abort ristrett ħafna u spiċċa hekk. (Darba kien hemm ġurnalist – qabel ma sirt Isqof – li staqsieni għaliex ma naqbilx li jsir abort f’każi biss estremi, bħal stupru jew is-saħħa tal-mara. Jien staqsejtu jsemmili pajjiż li l-abort baqa’ hekk u ma twessgħax. Qalli: “Hekk tirraġuna?” Jiena għidtlu dan mhux raġunar iżda fatti). Importanti li ma ngħidux: “U iva jien naqbel mal-abort biss f’ċirkustanzi partikolari”. Ma nħallux min jidħaq bina: Inkun sinċier miegħi nnifsi u ngħid li jien bil-vot tiegħi għent li jinfetħu il-bibien kollha, bħalma ġara f’pajjiżi oħra, għal kull sura ta’ abort.

Darba qrajt f’kull gazzetta li hemm grupp li sostna li jrid jiddefendi li dawk li huma dgħajfin u m’għandhomx vuċi. Ħsieb sabiħ, iżda allura qegħdin jgħidu li tarbija fil-ġuf hija qawwija biżżejjed u m’għandhiex bżonn protezzjoni u li b’xi mod għandha vuċi hekk li m’għandix bżonn ta’ vuċijiet biex jitkellmu f’isimha? Jew qed jagħżlu lil min għandu bżonn u jiddiskriminaw kontra oħrajn fosthom it-trabi fil-ġuf. Ngħidu li qegħdin ngħixu f’soċjeta’ inklużiva: allura għalfejn dan ma jgħoddx ukoll għat-tarbija fil-ġuf? Hemm pajjiżi li qegħdin joqtlu t-trabi kollha fil-ġuf li jkunu Down’s Syndrome; ftit ilu kien hemm membru Parlamentari (niżżu ħajr ‘l Alla li l-parti l-kbira – s’issa – ma qablux magħha) li qalet li l-omm għandha jkollha dritt li toqtol it-tarbija fil-ġuf jekk ma tkunx skont is-sess li tkun trid hi (u ftit ilu id-dinja tal-Punent kienet titkaża għaliex fl-Indja u f’postijiet oħra kienu joqtlu t-trabi l-bniet għax ma jirrendux bħas-subien!).

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s