L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018

L-Isqof Mario Grech fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria


Il-Ħamis, 29 ta’ Marzu 2018: L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

IMG_3427

Omelija tal-Isqof Mario Grech – Fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria

L-EWKARISTIJA TORĊA GĦAL-LEJL

Kif l-Appostlu Pawlu jfakkar lill-Insara ta’ Korintu, hekk ukoll ifakkar lilna, li l-Mulej Ġesù fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż, u wara li radd il-ħajr, kisru u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom… dan hu l-kalċi tal-patt il-ġdid b’demmi”.

L-Ewkaristija ma titwelidx f’kuntest fantastiku, pittoresk jew divertenti. Ġesù ma jagħtiniex dan l-ikel waqt xi xalata qalb l-għelieqi jew xi barbikju ħdejn il-baħar; l-Ewkaristija lanqas isseħħ waqt xi festa kollha allegrija mal-familjari jew mal-ħbieb.

Ġesù jwaqqaf l-Ewkaristija “billejl”. Kien billejl li Ġesù tana l-Ewkaristija. L-Ewkaristija tingħatalna f’rabta mad-dramma li tiżvolġi mal-lejl! M’hemmx Ewkaristija mingħajr lejl u ma għandux ikun hemm lejl mingħajr Ewkaristija. Proprju għax kien jaf kemm huwa kiebi u krudil il-lejl, kemm huwa ikrah is-swied tal-lejl, Ġesù offrielna dan id-don kbir tal-Ewkaristija bħala torċa li ddawwal il-lejl.

Biex nifhmu u napprezzaw kemm hija provokanti l-Ewkaristija, għandna bżonn niflu kemm kien traġiku l-lejl li fih Ġesù għamel dan l-att ta’ mħabba – dak il-lejl li minnu telqet l-Ewkaristija.

Kien il-lejl fejn Kristu ġarrab it-tradiment mhux biss ta’ Ġuda, imma saħansitra kien ittentat jissuspetta li anki l-Missier kien ser jittradih! Kien il-lejl fejn Ġesù ġarrab kunflitt interjuri biex jaċċetta l-kalċi li kien qed joffrilu l-Missier, kunflitt biex jagħmel ir-rieda ta’ dak li bagħtu. Kien il-lejl fejn Ġesù offra talb b’innijiet u suppliki lil Alla bil-kant tas-salmi, imma fehem li t-talb tiegħu ma kienx mismugħ. Kien il-lejl li fih ix-xafra tal-ingratitudni xaqqet il-qalb ġeneruża ta’ Ġesù għax in-nies insew it-tajjeb kollu li għamel magħhom.

Kien il-lejl fejn il-qdusija tal-imħabba ġiet desakralizzata u l-ġmiel tagħha tħammeġ qatigħ meta nbidlet it-tifsira tal-bewsa: din minn simbolu tal-imħabba saret simbolu ta’ ċaħda, minn simbolu ta’ qalb tbaqbaq bl-imħabba saret espressjoni ta’ qalb mimlija mibegħda, qilla u vendetta. Kien il-lejl tas-solitudni fejn Ġesù safa waħdu għax anki l-ħbieb intimi tiegħu raqdu u ħallewh jaqdef waħdu! Għal Ġesù kien il-lejl tad-delużjoni u l-falliment!

Dik il-lejla mhux għal Kristu biss kienet lejl li ma jintemm qatt, imma wkoll għas-sajjieda mill-Galilija li kienu daru miegħu. Min jista’ jkejjel id-diżappunt tagħhom meta raw il-proġetti tagħhom isirulhom suf – huma li sa ftit qabel kellhom rashom mimlija, issa sabu ruħhom bla futur; huma li tilfu l-ħajja privata tagħhom għax issa saru mfittxija mill-marmalja proprju għax kienu jagħmluha ma’ Ġesù!

L-Ewkaristija mhix biss mistika, jew misterika; lanqas ma hija biss ħobż tal-anġli, imma hija fuq kollox ikel tal-pellegrin – panis viatorum. Hija ikel għal min jinsab iterraq waħdu fit-toroq mudlama tal-ħajja – toroq għat-telgħa, kollha tagħwiġ, tħarbit u fid-dlam. Fil-fatt, l-Ewkaristija:
– hija ikel għal min qiegħed fid-dlam u ma jistax joħroġ mit-tunnel tal-ħajja;
– hija ikel għal min il-lejl tiegħu huwa tant tqil li qata’ qalbu li xi darba jista’ jisbaħ għalih;
– hija l-ikel għal min ġarrab xi tradiment f’ħajtu, b’mod partikulari fiż-żwieġ tiegħu jew tagħha;
– hija ikel għal dawk il-ġenituri li raw l-għaraq tad-demm biex taw formazzjoni lil uliedhom u issa uliedhom qed jikwetawhom;
– hija ikel għal min sab ruħu ttraskurat u abbandunat saħansitra minn ta’ ġewwa – minn dawk li kien fada, minn ħbiebu, saħansitra minn uliedu;
– hija l-ikel għal min dejjem jipprova jagħmel il-ġid lill-oħrajn, imma dawk ta’ madwaru misjuqin mill-għira jaraw kif jeliminawh u jtajruh mill-uffiċċju jew mix-xogħol li għandu;
– hija ikel għal min iħossu mhux mifhum u minkejja li huwa sinċier u għandu intenzjonijiet tajba, isib li dejjem huwa ġġudikat, ikkalunnjat u mmalafamat;
– hija l-ikel għal min jixtieq iħobb lil xi ħadd, irid jagħmel rikonċiljazzjoni ma’ xi ħadd, huwa anzjuż biex jagħmel paċi, imma din ix-xewqa tibqa’ mhix mitmuma minħabba l-qalb iebsa tal-persuna l-oħra;
– hija l-ikel ta’ min hu twajjeb u jipprova jimxi b’sens ta’ rġulija u korrettezza, imbagħad isib min japprofitta minnu;
– hija ikel għal min kien ilu jitħabat biex jibni l-proġett ta’ ħajtu, imma mbagħad ġie riefnu u qaliblu kollox, u hekk snin ta’ sagrifiċċji u dedikazzjoni tarulu mar-riħ;
– hija ikel għal min jixtieq jirbaħ lilu nnifsu, għandu premura biex jimmansa ċerti vizzji li għandu, imma jsib li ma’ kull pass li jagħmel ’il quddiem, jerġa’ tnejn lura;
– hija l-ikel ta’ min jinsab fid-dlam għax ma jkunx jaf kif ser jikkomunika deċiżjonijiet tqal u koroh;
– hija l-ikel ta’ min hu mifni bid-dubji u l-inċertezzi anki fir-rigward tal-fidi;
– hija l-ikel għal min jaf xi jfissru l-kunflitti u t-tensjonijiet interjuri li għadda minnhom Ġesù biex tkun magħmula r-rieda tal-Missier;
– hija l-ikel ta’ min għaddej mil-lejl mudlam tas-sensi u agħar minn hekk mil-lejl tal-ispirtu, u għaldaqstant minkejja li jħobb lil Alla, iħoss li Alla huwa assenti! Ikun tilef il-gost ta’ Alla. San Ġwann tas-Salib jgħid li l-lejl tas-sensi huwa terribbli; imma l-lejl tal-ispirtu hu orribbli u jkexkex.

Għeżież tiegħi, jien u nagħmel din il-lista waqaft nirrifletti fuq l-iljieli li ngħaddi minnhom jien kif ukoll fuq l-istqarrijiet kunfidenzjali li xi wħud minnkom tagħmluli.

Kien f’dan il-lejl ta’ taħbit u għeja li Ġesù waqqaf l-Ewkaristija biex ħadd minna ma jaqta’ qalbu, għax l-Ewkaristija għandha qawwa tibdel il-lejl fil-jum. Fejn il-lejl jisirqilna t-tama, l-Ewkaristija, stqarrija solenni tal-imħabba li Kristu joffri lil kulħadd, troddilna din it-tama.

F’dan il-lejl, Ġesù ta l-Ewkaristija lid-dixxipli u lilna biex jiżgurana li twil kemm hu twil il-lejl, sewdieni kemm huwa sewdieni d-dlam, hu ser jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żmien. L-Ewkaristija hija r-rigal ta’ Ġesù biex aħna ma naqtgħux qalbna quddiem id-dgħufija, il-ħażen ta’ madwarna, u nipperseveraw sal-aħħar.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s