Home > Lectio Divina > Lectio Divina għar-4  Ħadd tal-Għid Sena “B”

Lectio Divina għar-4  Ħadd tal-Għid Sena “B”


Vanġelu (Ġw 10. 11-18): Fir-4 Ħadd tal-Għid dejjem insibu l-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb. Ħafna kienu dawk li pittruh b’nagħġa fuq spallejh.  Importanti ninnutaw li l-kelma eżatta fi Ġwanni hi kalos, is-sabiħ, mhux athos it-tajjeb.  Ir-ragħaj hu tajjeb imma wkoll sabiħ: “Jien hu r-ragħaj is-sabiħ.” Kalos tidher 102 darba fit-Testment il-Ġdid u dejjem jittraduċuha bħala ‘tajjeb’: is-siġra t-tajba li tagħmel frott tajjeb, iż-żerriegħa t-tajba, il-ħut tajjeb, eċċ. Suppost, f’dawn il-każi, kellha tiġi użata l-kelma ‘sabiħ’, għax mhux kwestjoni ta’ morali imma ta’ sbuħija: “Araw li l-imġieba tagħkom fost il-pagani tkun sabiħa” (1 Pietru). 

Illum mistednin nikkontemplaw il-wiċċ t’Alla li m’huwiex ikrah imma sabiħ. F’survey fl-Amerika instab li għalkemm 5% ma jemmnux f’Alla, 22% biss jemmnu f’Alla sabiħ. L-oħrajn jemmnu f’Alla ikrah – aħrax, li jordna, jikkastiga, ipattiha eċċ. Li temmen f’dan Alla ikrah hu perikoluż għax jinfluwenza l-mod kif tgħix – inti ssir aħrax, tpattiha, tiġġudika,   mentri aħna maħluqin għas-sbuħija u nifirħu u nibqgħu imsaħħrin meta naraw is-sabiħ fina u madwarna.  L-artisti, l-kompożituri u l-poeti jikkontemplaw is-sbuħija u jittrasmettuha permezz tax-xogħol tagħhom. Dan, wara kollox,  jirrifletti is-sbuħija t’Alla.

  1. “Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ Tiegħu” – iqiegħed ħajtu għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jħobb. Żgur li xi darba kellek ħabib li jibqa’ miegħek fit-tajjeb, imma kif jinqalagħlek xi bżonn, tmur tfittxu u ma ssibux. Dan mhux ħabib sabiħ. Ir-ragħaj mhux hekk: se ssibu f’kull bżonn li jkollok u, jekk ikun hemm bżonn, iħalli ħajtu għalik biex jagħmlek kuntent u jtik il-ħajja. Ma jaħsibx għar-rasu imma għall-ferħ tiegħek..  Ix-xrik mhux hekk. Jimpurtah biss mill-paga. Kif jinqala’ l-għawġ idabbar rasu.  Hemm il-periklu li xi Nsara jimxu m’Alla b’dan il-mod merċenarju: jitolbu u jagħmlu karita’ biex jiksbu biss il-merti. Din hi spiritwalita’ falza mhux sabiħa.  Jiħtieġ li aħna nimxu wara r-ragħaj is-sabiħ billi nagħmlu kull sagrifiċċju biex naraw lill-proxxmu kuntent.  B’hekk, bħala dixxipli Tiegħu, nirċievu r-rifless tas-sbuħija Tiegħu u nkunu qed ngħinu biex nibnu soċjeta’ sabiħa.
  2. “Ix-xrik … jara l-lupu ġej u jħalli n-ngħaġ, u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom.” Ma joqtolhomx imma jisseparahom minn mal-merħla, i.e. jaqtagħhom minn mal-Komunita’. Il-lupu jirrapreżenta l-forzi tal-ħażen. Hawn lupi barra minna: dawk li jgħidu “kulħadd qed jgħid u jagħmel hekk illum” – ħsieb dejjem jixtered li ma jħallikx tagħraf it-tajjeb mill-ħażin. Hu l-kawża tal-waqa’ tal-valuri bħal: imħabba, ġustizzja, verita’, fedelta’, onesta’. “Hekk moda llum.” Dan inawwar is-sbuħija tal-bniedem awtentiku maħluq skond il-Qalb t’Alla. Hemm lupi ġo fina: (a) is-suppervja li ġġegħilna nagħmlu għażliet ħżiena; (b) il-qtigħ il-qalb; (ċ) il-bruda; (d) in-nuqqas ta’ npenn li, meta naraw oħrajn impenjati fil-Knisja b’tant sagrifiċċji, ngħidu: “dawk jaħdmu ħafna għax jieħdu pjaċir” jew “biex jidhru.” Il-Vanġelu hu mimli eżempji biex bihom ir-Ragħaj is-Sabiħ jiddefendina minn dawn il-lupi li jagħmlu minn kollox biex jaqtgħuna minn mal-Komunita’. Il-ġenituri Nsara qed iħarsu ‘l uliedhom minn xi pseudo-valuri, e.g. pika żejda biex it-tifel jiġi l-ewwel fl-eżamijiet akkost ta’ kollox? Mhux qed ngħid għall-pika meqjusa li tinkoraġġixxi imma li dik li tnisssel għira u disprar f’każ ta’ falliment.
  3. Ir-Ragħaj is-Sabiħ jieħu nteress fin-ngħaġ tiegħu, għax iħobbhom b’mod li ma jistenna xejn lura minn għandhom. L-unika xewqa tiegħu hu li jgħixu ħajja sabiħa.  Fid-dinja, l-imgħallem fuq ix-xogħol, il-ħbieb u kull tant il-ġenituri jieħdu nteress fija biss meta naħdem sew u nkun simpatiku u andanti. Ir-ragħaj jibqa’ jieħu nteress fija anki meta ma nkunx hekk. Din hi d-differenza bejn l-imħabba perfetta (inħobbok bla kundizzjonijiet) u dik imperfetta (inħobbok sakemm tkun tiegħi biss, sakemm tħobbni lura, taqdini, tixtrili, eċċ.)
  4. “Jien nagħraf in-ngħaġ tiegħi.” Il-verb ‘naf’ jew ‘nagħraf’ fis-sens Bibliku mhux bil-fors ifisser rapport sesswali. Ifisser ukoll rapport ta’żewġ persuni li, biex jixtiequ l-ġid lil xulxin, isiru jafu ‘l xulxin intimament permezz ta’ djalogu, imħabba, rispett u xewqa li l-ieħor dejjem narah kuntent. Ir-Ragħaj iħobb in-ngħaġ tiegħu hekk u iktar, għax lest li jħalli ħajtu għalihom. Il-ħajja sabiħa meta tingħata b’ġenerożita’ bħala rigal.
  5. L-imħabba tar-ragħaj hi universali, mhux għal-Lhud biss. “Għandi wkoll ngħaġ li mhumiex minn dan il-maqjel.” Il-kelma propja hawn mhux maqjel imma konfini (boundary, enclosure). Ġesu qed jgħid li dawn in-ngħaġ huma maqfulin u skjavi ta’ tagħlim qarrieq u allat foloz. Jixtieq jilliberahom biex iġibhom fil-merħla Tiegħu fejn ikunu jistgħu jgawdu l-verita’ tal-Kelma Tiegħu li tagħmilhom tassew Ġieli smajna b’xi reliġjon fejn il-ġenituri jimmankaw ‘l uliedhom bniet.  Illum għandna min hu skjav tal-egoiżmu, pjaċir, poter, flus, eċċ. Ir-Ragħaj jixtieq li ebda Nisrani ma jisforza lil xi ħadd biex jikkonverti, għax “huma se jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda u ragħaj wieħed.” Min se jisma’ dal-leħen mhux se jeħles minn skjavitu’ biex jidħol f’ieħor, għax fil- maqjel tar-Ragħaj is-Sabiħ tidħol bil-liberta’ kollha u tibqa’ tgawdi il-vera liberta’. F’dil-merħla se tinħass il-preżenza tar-Ragħaj is-Sabiħ, proposta ta’ soċjeta sabiħa li ħaddnet is-sbuħija ta’ Ġesu ta’ Nazaret.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. Frances
    April 17, 2018 at 3:39 am

    Grazzi Mulej tal verita tal kelma tieghek li qed issejhilna biex nisimghuk bil liberta shiha taghna . Inti Alla sabih li ssahharna ghal warajk u taghtina ferh li jibqa. Amen.

  2. Frances
    April 17, 2018 at 3:39 am

    Grazzi Mulej tal verita tal kelma tieghek li qed issejhilna biex nisimghuk bil liberta shiha taghna . Inti Alla sabih li ssahharna ghal warajk u taghtina ferh li jibqa. Amen.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: