Ir-rigal ta’ Fabrizio Frizzi


Xi ġimgħat ilu, persuna, fuq il-whatz up, bgħattitli clip li hemm bħalissa ippowstjat fuq YOU TUBE. Dan il-clip jitħaddet fuq storja ta’ erba’ xemgħat. Din l-istorja hija moqrija, b’majestrija mill-aqwa, mill-magħruf preżentatur Taljan, li ħalliena f’radda ta’ salib, tar-RAI UNO, Fabrizio Frizzi.

Ġewwa kamra kien hemm erba’ xemgħat. Dawn kienu qiegħdin jinħarqu u jikkunsmaw. Bil-mod il-mod.

Il-post kien daqshekk sieket li wieħed seta,’ bil-libertà kollha, jisma’ il-konverżazzjoni ta’ bejniethom għaddejja. L-ewwel xemgħa qalet: Jiena l-paċi. Imma l-bnedmin ma jirnexxielhom iżommuni mixgħula. Naħseb li ma jibqagħli xejn aktar għajr li nintefa’. U, bin-naqra n-naqra, ix-xemgħa ħalliet lilha nnifisha tiġi mitfija.

It-tieni xemgħa qalet: Jiena l-fidi. Madankollu ma nservi għal xejn. Il-bnedmin ma jridux jafu bija. U, għal dan il-għan, m’hemmx sens li nibqa’ mixgħula. Wara li waqfet titħaddet żiffa ħelwa għaddiet minn fuqha u tfietha.

Imdejqa, imdejqa, it-tielet xemgħa, minn naħa tagħha, qalet: Jiena l-imħabba. U m’għandix il-qawwa li nibqa’ mixgħula. Il-bnedmin ma jagħtux kasi. U ma jifhmux l-importanza tiegħi. U waqt li ma stennietx aktar ix-xemgħa ħalliet lilha nnifisha tiġi mitfija.

F’dak il-mument tifel daħal fil-kamra, ra t-tlett xemgħat mitfija, u mbeżża’ mid-dlam tal-kamra, qal: Imma x’intom tagħmlu? Intom tridu tibqgħu mixgħula. Jiena għandi biża’ mid-dlam. U, meta qal hekk, infaqa’ jikbi bħal tarbija.

Allura, ir-raba’ xemgħa, kommossa, qaltu: Tibżax! Tibkix! L-għaliex sakemm nibqa’ mixgħula nistgħu dejjem nixgħelu t-tliet xemgħat l-oħra. Jiena t-tama.

U, b’għajnejh ileqqu u minfuħa bid-dmugħ, it-tifel ħa x-xemgħa tat-tama u reġa’ xegħel biha x-xemgħat l-oħra. Issa xi tfisser għalija din l-istorja?

Li t-tama f’qalbi ma tintefa’ qatt! Iva! Jiena nista’ nkun l-istrument, bħal dak it-tifel, li nista’ nqabbad madwari, bin-nar tat-tama li għandi, il-fidi, il-paċi u l-imħabba.

Għax x’inhi t-tama ħbieb jekk mhux meta ma nħallix fija jitwieldu u jikbru ħsibijiet mudlama u ta’ qrusa? Meta nafda fil-Mulej, permezz tal-Ispirtu s-Santu, u nħallih imexxini lejn it-tajjeb, lejn it-tgħanniqa ta’ Kristu? Meta nifhem li fil-ħajja minix qatt waħdi? Għax miegħi hemm nies oħra li jibnu pontijiet? Li ħolmu u emmnu anki meta semgħu kliem iebes madwarhom? X’inhi t-tama jekk mhux meta nemmen li l-Mulej ma jiddiżappuntani qatt? Iridni nikber u nwarrad fejn għoġbu jħawwilni?

X’inhi t-tama jekk mhux meta nemmen li nista’ nibni? Li wara li nkun waqajt nerġa’ nqum u nħalli nies oħrajn jgħinuni nqum fuq saqajja? Li, meta nkun inkullat u inkullata mas-siġġu, nista’ nagħmel il-qalb, inqum u nimxi? Li meta ma jkollix aptit li ma nagħmel xejn neqred din l-apatija tiegħi bl-għemejjel tajba b’risq il-proxxmu? Jew, filwaqt li nħossni vojt u vojta u qalbi maqtugħa, nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex jimla’ l-vojt ta’ ġo fija? Meta naħdem għall-paċi qalb in-nies? Meta niddeċiedi li ma nismax aktar lil min ixerred il-mibegħda u l-firda? Meta indaħħal f’moħħi u f’qalbi li aħna l-bnedmin inħloqna biex ngħixu flimkien? Għalhekk, f’argumenti, b’għaqal, nibqa’ tistenna l-għaliex kulħadd għandu tarf il-verità? Meta nħobb lin-nies u nirrispetta l-vjaġġ li tagħmel kull persuna, bl-istorja tagħha? Meta kull tarbija li titwieled nqisha wegħda ta’ ħajja li, għal darb’oħra, turi li hija aktar b’saħħitha mill-mewt? Mhux għalhekk li din il-ħajja għandi nħarisha anki qabel tiġi mwielda? F’kull stadju tagħha? U sat-tmiem naturali tagħha?

X’inhi t-tama jekk mhux dak id-dawl li jiddi fid-dlam, li niddefendih u nipproteġih? Mhux dan id-dawl li jagħmel lil ħajti speċjali? It-tama mhux meta napprezza x-xogħol ta’ persuni li rebħu l-jasar jew li tejbu ħajjet persuni oħra? Meta naħdem kontra kull inġustizzja li jġarrbu l-fqar? Hijiex din ġerħa miftuħa? Jew meta nitlob kuljum lill-Missier biex ifakarni li Ġesù rebaħ il-biża’? U l-għadu makakt tiegħi ma jista jagħmilli xejn kontra din il-fidi?

X’inhi t-tama jekk mhux, minkejja l-ħażen, Ġesù jgħix fija? U bija, jekk nafdah, jeqred id-dnub, il-mibegħda, il-kriminalità u l-vjolenza? It-tama mhux li ngħid il-verità? Għalhekk nibqa’ umli għax ningwalha ma’ ħuti l-bnedmin? Meta inżomm l-idejali tiegħi u ngħix għal xi ħaġa ħafna akbar minni? Akkost li nħallas prezz għoli għaliha? Meta ma nħallix li l-iżbalji għalija jsiru ħabs? Ġesù mhux għall-morda bħali ġie? Għaliex ma nibdiex mill-ġdid meta naqa’? Il-Mulej mhux ħabibi? Xi irrid aktar?

X’inhi t-tama jekk mhux jekk mhux li nibqa’ nemmen f’dawk in-nies li għadhom jaħdmu għas-sewwa? Mhux fl-umiltà tagħhom qiegħda iż-żerriegħa ta’ dinja ġdida? Kemm inqatta’ ħin ma’ nies li għandhom qalbhom bħat-tfal? Meta se nitgħallem nistgħaġeb bil-meravilji tan-natura? X’inhi t-tama jekk mhux li nemmen, ngħix, u, bil-għajnuna tal-grazzja tal-Mulej, qatt ma niddispra?

X’rigal tajtna Fabrizio Frizzi!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.