Ġesù jgħallimna li l-ħbiberija miegħu trid tgħaddi wkoll bil-mod kif nirrispettaw, inħobbu, nagħdru, nieħdu paċenzja u naħfru lil xulxin


Is-Sibt, 5 ta’ Mejju 2018: L-Arċisqof jibda l-Viżta Pastorali f’Ħal Safi u jiċċelebra Quddiesa mal-komunità.

safi-photo_censored

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, Ħal Safi

L-ewwel ħaġa li Ġesù jgħid lill-appostli hija: “Is-sliem għalikom” (Ġw 20:19). Din tfakkarna fil-kliem li fih qal fl-aħħar ċena: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27), imma hija paċi differenti; hija l-paċi ta’ min jagħmel ir-rieda tal-Missier. Hu jgħallimna li biex tagħmel ir-rieda tal-Missier trid tkun lest tagħti ħajtek. “Obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8).

Din il-ħaġa tfakkarna f’tant ħbieb tagħna, nies li jkunu għaddejjin minn mard kiefer u meta tiltaqa’ magħhom jimpressjonawk kemm huma rassenjati. Issibhom f’baħar ta’ sofferenza imma fl-istess ħin f’baħar ta’ paċi; titgħallem li l-paċi mhuwiex biss meta kollox imur sew imma anke meta l-ħajja ssir xi ftit jew wisq ikkumplikata.

Illum Ġesù jagħtina konsenja oħra. Jgħidilna: “Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15:15). Nifhmu mill-kuntest li l-ħabib huwa dak li jaf x’jagħmel sidu jew il-ħabib tiegħu, u huwa mistieden biex ikun ħaġa waħda mal-ħabib tiegħu. B’din il-Kelma l-Mulej qiegħed jistedinna biex inkunu ħaġa waħda miegħu.

Il-Ħadd li għadda insista li hu d-dielja u aħna l-friegħi u qalilna: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Illum jerġa’ jinsisti li qed jibgħatna biex nagħmlu l-frott. Imma qiegħed jibgħatna mhux bħala qaddejja imma bħal ħbieb. Hu jgħidilna: “Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom” (Ġw 15:14). U x’inhi l-konsenja tiegħu, il-kmandament tiegħu? “Li tħobbu lil xulxin” (Ġw 15:12). L-imħabba hija ċ-ċavetta tal-ħbiberija ma’ Ġesù. Fuq is-salib f’ħin minnhom qal: “Għandi l-għatx” (Ġw 19:28), kien għatx naturali, fiżjoloġiku, bħalma aħna wkoll ikollna bżonn nixorbu għax għandna l-għatx u bniedem li għaddej minn dik l-agunija żgur kellu bżonn naturali, fiżjoloġiku, għall-ilma. Imma hemm ukoll l-għatx profond ta’ Alla li aħna nkunu ħbieb miegħu.

Madre Tereża ta’ Kalkutta kienet tpoġġi l-frażi ‘Jien għandi l-għatx’ (I thirst) f’kull kappella li kienet tiftaħ għax din il-kelma kienet tfakkarha fl-għatx li għandu Ġesù għall-ħbiberija tagħna. Hu li jħobbna, għandu għatx kbir għall-imħabba tagħna, li aħna nirrispondu għall-imħabba tiegħu b’imħabba qawwija. Imma li fl-istess ħin meta nħarsu lejn xulxin, inħobbu wkoll lill xulxin. Il-ħbiberija tiegħu mhijiex kwistjoni li jiena nħobb lil Ġesù mela ma jimpurtanix minn ħaddieħor, imma hu stess jgħidilna: ‘Intom ħbieb tiegħi jekk tħobbu lil xulxin’ (ara Ġw 15:14). Ġesù jgħallimna li l-ħbiberija miegħu trid tgħaddi wkoll bil-mod kif nirrispettaw, inħobbu, nagħdru, nieħdu paċenzja u naħfru lil xulxin.

Illum nitolbuh din il-grazzja li nkunu tassew ħbieb tiegħu. Meta kien jitkellem fuq il-kliem ta’ Ġesù, Dun Ġorġ Preca kien juża espressjonijiet ħelwin u kien isejħilhom ‘leħen il-Maħbub’, biex inkunu ħbieb tal-Evanġelju. Fil-lingwa tagħna l-kelma ‘ħabib’ tfakkarna fl-imħabba, fil-maħbub, xi ħadd li għalina huwa għażiż, li nixtiequlu l-aqwa ġid. Kemm tkun ħaġa sabiħa li meta nħarsu lejn xulxin, inħarsu b’dak ir-rispett ta’ min nixtiequ lil xulxin l-aqwa ġid, li għalkemm mhux dejjem u f’kollox naqblu imma almenu ngħidu li nħobbu lil xulxin. Għax dan huwa l-kmandament li indikalna l-Mulej biex inkunu ħbieb tiegħu.

Illum nilqgħu din l-istedina u nitolbuh maħfra ta’ kemm-il darba ma obdejniehx jew ma smajnihx f’dan il-kmandament, din l-eżortazzjoni qawwija. Niftakru wkoll f’dak li għallimna San Ġwann fit-Tieni Qari: “Hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ‘l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna” (1Ġw 4:10). Hu x’jitlob minna? Li aħna nħobbbu lil xulxin u b’hekk inpattu wkoll għad-dnubiet tagħna.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 10, 25-26.34-35.44-48
Salm: 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
Qari II: 1 Ġw 4, 7-10
Evanġelju: Ġw 15, 9-17

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.