Il-bniedem ta’ veru hu dak li jaqdi bħal Ġesù. Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Ħamis ix-Xirka, 2 ta’ April 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Il-ħajja tagħna hija magħmula minn relazzjonijiet. Min jaf kemm relazzjonijiet għamilna matul il-jum li qiegħed jgħaddi… kemm tkellimna ma’ xulxin, forsi r-raġel ma’ martu, l-ulied mal-ġenituri, u forsi ltqajna ma’ nies! Kultant dawn ir-relazzjonijiet ikunu forma ta’ għira, kultant kompetizzjoni, jew min jikkmanda u min jobdi, kultant nirrabjaw xi ftit jew nevitaw li niltaqgħu ma’ persuni. Dawn huma r-relazzjonijiet tagħna.

Illum Ġesù, permezz tal-Vanġelu sempliċi li għadna kif smajna (Ġw 13:1-15), jixtieq lir-relazzjonijiet tagħna jkunu relazzjonijiet ta’ qadi lil xulxin. Ippruvaw immaġinaw ftit kieku niddeċiedu li r-relazzjonijiet tagħna fil-familja se jkunu prinċipalment ta’ qadi lil xulxin. Jien ser nipprova naqdi lil marti, jew lil żewġi. Niddeċiedu illi fir-relazzjonijiet tagħna, għax inħobbu lil xulxin, kull darba li naħbtu flimkien u kull darba li naħbtu ma’ nies oħra, fuq ix-xogħol, mal-ħbieb, ikun hemm kelma waħda: il-qadi. Kieku kemm tkun sabiħa d-dinja u l-familja tagħna! Kemm jonqsu t-tgergir, id-dwejjaq, is-solitudni, l-inkwiet u t-tfixkil ta’ bejnietna! Kieku kemm inħossuna aħjar! Kemm għandu raġun Ġesù!

Il-Vanġelu jibda li Ġesù li kien jaf li ġej mingħand Alla u sejjer għand Alla, hu li kien jaf li kellu kollox f’idejh, is-Sid tal-univers, tas-sema u tal-art, hu li kien Alla (kif jgħidilna San Pawl), neħħa l-mantar minn fuqu. Il-mantar huwa sinjal: il-libsa li turi dinjità, li tagħtih valur bħala persuna, li forsi kienet tiddistingwih mill-ilsiera li lanqas libsa ma kien ikollhom imma xi ħaġa madwar qaddhom. Biex inkun aktar preċiż, Ġesù jneħħi ħwejġu kollha u jilbes fardal. San Ġwann jgħidilna li dan il-fardal mhux sempliċement poġġieh, imma geżwru miegħu. Il-verb użat juri li tant geżwru dan il-fardal, li sar parti minn ħajtu. Hemm il-kelma zoe, li tfisser ‘ħajja’. Dan sar parti minnu, mill-persuna tiegħu, tant li meta wara, kif qalilna l-Vanġelu, “libes il-mantar”, il-fardal ma jneħħihx għax dan jagħmel parti mid-DNA ta’ ħajtu. Il-fardal huwa essenzjali għal ħajtu.

Ara ma mmorrux naħsbu li Ġesù għamel xi att ta’ umiltà! Ġesù jagħmel att ta’ verità. Ara naħsbu li aħna meta naqdu, inkunu umli! Meta naqdu aħna nkunu veri, nies b’dinjità. Bil-maqlub ta’ kif soltu nirraġunaw, il-bniedem, id-dinjità tiegħu, mhix f’kemm jikkmanda, kemm għandu taħtu, kemm jista’ jimmanuvra bħallikieku għandu pasturi jħarrikhom ’l hawn u ’l hemm, mhux kemm hu dominanti, aggressiv. Il-bniedem huwa bniedem ta’ valur u ta’ dinjità daqskemm hu qaddej.

Irridu nagħmlu l-esperjenza ta’ qadi fil-familji tagħna, fuq ix-xogħol, mal-ħbieb tagħna, biex dan il-Vanġelu jurina li għandu raġun. Jekk ma nagħmlux l-esperjenza, dejjem nibqgħu bid-dubji. Jekk aħna stess ma niddeċidux li l-ħajja tagħna trid tkun ta’ qadi, allura nibqgħu imkaxkra u influwenzati mir-raġuni tad-dinja. Bil-maqlub tagħna l-Insara, għad-dinja dak li hu fuq, dak li jibża’ minnu kulħadd, li għandu l-poter, dak li għandu ħafna flus, dak huwa l-aktar persuna importanti. Għalina l-Insara, il-bniedem ta’ veru, il-Kristjan, id-dixxiplu ta’ veru, hu dak li bħal Ġesù, jaqdi.

Il-ħasil tar-riġlejn li ser nagħmlu issa, dan is-sinjal, dan is-simbolu, jalla ngħixuh illejla xħin immorru d-dar u fil-ġranet li ġejjin, biex din iċ-ċelebrazzjoni ma tkunx ċelebrazzjoni li tieqaf hawn, imma li tkompli fil-ħajja tagħna. Jalla lkoll kemm aħna, bħal Ġesù, ninżlu għarkupptejna quddiem xulxin u naqdu lil xulxin.

Ġesù mhux biss jaħslilna riġlejna, imma jagħtina lilu nnifsu biex nikluh. Illum qegħdin niċċelebraw it-twaqqif tal-Ewkaristija. Ara naħsbu li meta niġu hawn il-knisja għall-quddiesa, niġu biex nagħmlu xi pjaċir lilu. Jekk naħsbu hekk, fhimna ftit jew xejn mill-quddiesa. Meta niġu hawn biex niċċelebraw l-Ewkaristija, aħna nħallu lilu jħobbna, jagħtina lilu nnifsu.

Hawn il-familji tat-tfal li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Xi grazzja, x’don, x’rigal, għax Ġesù jagħtina lilu nnifsu! Hawn ukoll il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin. Xi grazzja, x’don, x’rigal meta Ġesù jħallina naqbduh b’idejna, neħduh għand dawk li ma jistgħux jaslu hawnhekk! Ikompli jkun rigal għal dawk li huma anqas ixxurtjati, li huma dgħajfin f’dawn il-mumenti.

Il-Mulej jagħtina li nidħlu fis-sentimenti profondi ta’ din il-ġurnata u nibqgħu ngħixuhom fil-familji tagħna ħajjitna kollha.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading