Kitba ta’ Joe Galea
Fost it-talbiet ta’ San Ġorġ Preca għall-Ġimgħa Mqaddsa nsibu tmintax-il Ġabra, paragrafi fejn fi ftit versi nissieħbu ma’ Ġesù fin-niket tiegħu. Jistedinna biex ninġabru madwar Ġesu’ u noqogħdu miegħu fil-memorja ta’ dak li kkaġunalu niket u sofferenzi fir-ruħ u fil-ġisem tiegħu bħala bniedem. Il-Ġabriet mhumiex biss mill-Passjoni imma wkoll mis-snin ta’ qabel. Se nsemmu xi eżempji minn dawn it-talbiet.

Nitnikktu miegħek, O Ġesù, għal meta flimkien ma’ ommok Marija, rajt imut lil missierek Ġużeppi. Inti sofrejt fin-natura tiegħek ta’ bniedem għax kont wisq tħobbu bi spirtu ta’ rikonoxxenza ta’ iben lejn missieru u xejn inqas minnek ġarrbet l-imrar il-Verġni martu għar-rabta safja ta’ qlubkom it-tlieta. Hu kliem sabiħ u li jmiss il-qalb, speċjalment ta’ dawk li f’dal-jiem ikunu tilfu lil xi persuna għażiża għalihom.
Ma’ San Ġorġ Preca nitnikktu għall-aħbar kiefra li kienu ġabu lil Ġesù’ d-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista, meta rrakkuntawlu kif Erodi ħasadlu rasu biex jogħġob lil bint Erodja, il-mara li Erodi kien ħa lil ħuh. Dun Ġorġ jgħid li “l-qtil ta’ Ġwanni kienet aħbar li Ġesu’ ħassha tant li tbiegħed f’dgħajsa minn dak il-post u mar f’deżert imwarrab.”
Ġesù tnikket u beka flimkien ma’ Marija u Marta għall-mewt ta’ ħuhom Lazzru hekk li quddiem in-nies ma felaħx jaħbi d-dulur u beka. Dawk li kienu madwaru qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”
Nitnikktu ma’ Ġesù hekk kif bata ħafna fil-Ġnien tal-Ġetsemani meta waqa’ fuqu biżgħa kbir. Kien niket li ġagħlu jagħraq id-demm li skont Dun Ġorġ kien bi kwantità hekk li wkoll ġera mal-art. Li tagħraq id-demm hu sinjal ta’ niket kbir.
Aħna mistidnin ukoll, fix-xena tal-Ġetsemani, li nissieħbu fin-niket ta’ Ġesù “għal dawk id-dwejjaq li qabduh fil-ġnien, x’ħin ra hemm li waslet qrib is-siegħa tiegħu li jixrob il-kalċi, li hu wkoll beża’ hekk minnu li talab lill-Missier biex ibiegħdu minnu, jekk jista’ jkun, u f’dak is-swied tal-qalb tiegħu talab li joqogħdu miegħu bħala wens il-maħbubin appostli tiegħu.” Hawnhekk nitnikktu wkoll ma’ Ġesu’ għad-dispjaċir li ġarrab meta abbandunawh il-maħbubin appostli għax kienu beżagħnin li jaqgħu ukoll fl-arrest tiegħu.
Nitnikktu ma’ Ġesù għal dak il-kbir rifront li tah wieħed mill-qaddejja tas-Saċerdot il-Kbir, x’ħin fuq il-wiċċ venerabbli tiegħu venven daqqa ta’ ħarta msieħba b’ċanfira li tassew ma kinux jistħoqqulu għat-tweġiba ġenwina tiegħu.”

Nitnikktu miegħek, o Ġesu’, “għall-offiża speċjali li għamillek Pietru li fost l-appostli kien tant iħobbok u li inti tant ippreferejt: ċaħdak tliet darbiet kif inti kont ħabbartlu, u inti ħarist lejh biex turih l-offiża li għamillek.”
Nitnikktu miegħek, o Ġesu’, għal “dak l-avvilment personali tiegħek li esponiek għalih pubblikament Erodi xħin bagħtek mill-ġdid għand Pilatu, u inti kellek issostni hekk disprezz kbir miexi fit-triqat ta’ Ġerusalemm imlibbes bl-abjad bħala bniedem insensat, jew iblah, jew miġnun għall-għajnejn tal-kbarat u tal-baxxi.
U flimkien ma’ San Ġorġ Preca nibqgħu nitnikktu ma’ Ġesu’, imqiegħed oġġett ta’ daħk u ta’ żufjett mgħoddi ta’ re bil-porpra ħamra fuq spallejh u bil-qażba f’idejh u l-kuruna tax-xewk fuq rasu.
- Għad-disprezz pubbliku li sostna xħin il-folla għażlet għall-ħelsien lil Barabba, bniedem qattiel u xewwiex famuż, u lil Ġesu’ riditu msallab.
- Għad-daqqiet tal-flaġelli li qala’ fuq il-ġisem immakulat tiegħu, imbenġel mis-suldati pagani.
- Għas-sura tiegħu li siltet id-dmugħ tan-nisa ta’ Ġerusalemm li rawh tiela l-Kalvarju.
Nistgħu noqogħdu fil-kwiet u nġibu quddiem għajnejna dawn l-episodji. Ġesu’ jkun jafulna meta napprezzaw dak li għamel għalina.